Proċedura : 2014/2845(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0117/2014

Testi mressqa :

B8-0117/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0029

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 209k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0117/2014
16.9.2014
PE537.019v01-00
 
B8-0117/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta' Gaża u r-rwol tal-UE (2014/2845(RSP))


Gianni Pittella, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Richard Howitt, Pier Antonio Panzeri, Nicola Caputo, Gilles Pargneaux, Vincent Peillon, Boris Zala, Miltiadis Kyrkos f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta' Gaża u r-rwol tal-UE (2014/2845(RSP))  
B8‑0117/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dak tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina(1),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Lvant Nofsani (Gaża) tal-15 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar il-waqfien mill-ġlied f'Gaża tas-27 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani tas-26 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi nqatlu aktar minn 2 000 Palestinjan, il-maġġoranza tagħhom ċivili, inklużi mijiet ta' tfal, u billi ndarbu aktar minn 10 000 Palestinjan fl-istrixxa ta' Gaża, filwaqt li tilfu ħajjithom 66 suldat Iżraeljan u 6 ċivili Iżraeljani, fosthom tifel, u aktar minn 500 Iżraeljan indarbu bejn il-bidu ta' Lulju u tmiem Awwissu 2014 minħabba l-Operazzjoni 'Protective Edge' tal-Forzi tad-Difiża Iżraeljani u l-isparar ta' rokits mill-Ħamas u gruppi armati Palestinjani oħra minn Gaża lejn l-Iżrael; billi dan il-kunflitt vjolenti ħoloq kriżi umanitarja ħarxa f'Gaża;

B.     billi l-imblokk mill-art u dak navali tal-istrixxa ta' Gaża ilu aktar minn seba' snin; billi, wara l-eskalazzjoni qawwija l-aktar reċenti fil-vjolenza fiż-żona f'Novembru 2012 intlaħaq waqfien mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-Ħamas, b'medjazzjoni mill-Eġittu; billi, fit-2 ta' Ġunju 2014 ġie stabbilit gvern Palestinjan b'kunsens nazzjonali, bl-appoġġ tal-Fatah u l-Ħamas; billi tliet żgħażagħ Iżraeljani nħatfu fix-Xatt tal-Punent f'nofs Ġunju u nstabu maqtula qrib Ħebron fit-30 ta' Ġunju 2014; billi fl-Operazzjoni 'Brother's Keeper', waqt it-tfittxija ta' dawn iż-żgħażagħ maħtufa, il-forzi Iżraeljani qatlu bosta militanti u arrestaw aktar minn 350 Palestinjan; billi, bi tweġiba għal dan, il-Ħamas reġgħu bdew l-attakki bir-rokits kontra l-Iżrael; billi żgħażugħ Palestinjan inħataf u nstab maħruq ħaj f'Ġerusalemm fit-2 ta' Lulju 2014;

C.     billi, b'effett mis-26 ta' Awwissu 2014, intlaħaq qbil dwar waqfien mill-ġlied mingħajr limiti ta' żmien bejn iż-żewġ partijiet involuti fil-kunflitt, innegozjat mill-Eġittu; billi, skont il-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied, l-għajnuna umanitarja għandha tingħata aċċess għall-istrixxa ta' Gaża permezz ta' punti ta' qsim tal-Iżrael, għandu jinfetaħ il-punt ta' qsim ta' Rafah, u ż-żona tas-sajd għandha tiġi estiża għal sitt mili lil hinn mill-kosta ta' Gaża;

D.     billi, jekk il-ftehim jinżamm, il-partijiet għandhom jibdew taħdidiet dwar diversi suġġetti relatati mas-sitwazzjoni fl-istrixxa ta' Gaża fl-aħħar ta' Settembru 2014; billi, dawn it-taħdidiet jistgħu jinkludu d-diżarm ta' gruppi armati f'Gaża u r-ritorn tal-fdalijiet ta' żewġ suldati Iżraeljani li nqatlu fil-kunflitt vjolenti min-naħa l-waħda, u t-talbiet għar-rilaxx tal-priġunieri Palestinjani u t-tneħħija jew it-tnaqqis fl-imblokk ta' Gaża, inkluż permezz tar-rikostruzzjoni tal-port u tal-ajruport fiż-żona min-naħa l-oħra;

E.     billi, paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani tista' tintlaħaq biss permezz ta' negozjati ta' paċi diretti li jwasslu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b’Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bi Stat Iżraeljan u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin f'paċi u f'sigurtà; billi l-istrixxa ta' Gaża għandha tkun parti minn dan l-istat Palestinjan futur;

F.     billi, fit-30 ta' Awwissu 2014, bi tweġiba għall-ħtif u l-mewt ta' tliet ġuvintur f'Ġunju 2014, l-Iżrael ħabbar l-approprjazzjoni ta' kważi 1 000 ettaru ta' art Palestinjana, l-akbar żona fi tletin sena, għall-kostruzzjoni ta' post ta' residenza ġdid; billi, minkejja l-oppożizzjoni internazzjonali qawwija, il-kostruzzjoni ta' post ta' residenza Iżraeljan u l-espansjoni qed ikomplu fix-Xatt tal-Punent, inkluż fil-Lvant ta' Ġerusalemm;

G.     billi madwar 7 000 Palestinjan qed ikomplu jinżammu f'ħabsijiet Iżraeljani u ċentri ta' detenzjoni, inklużi 36 membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Iżraeljan, bosta nisa u tfal, 39 priġunier ta' qabel il-ftehim ta' Oslo u aktar minn 500 detenut amministrattiv;

H.     billi, fil-konklużjoni tiegħu tat-30 ta' Awwissu 2014, il-Kunsill Ewropew tenna l-prontezza tal-Unjoni Ewropea li tikkontribwixxi għal soluzzjoni komprensiva u sostenibbli li ssaħħaħ is-sigurtà, il-benessri u l-prosperità kemm tal-Palestinjani u kemm tal-Iżraeljani;

I.      billi, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta' Awwissu 2014, il-Kunsill Affarijiet Barranin iddikjara li l-UE hija lesta tappoġġa mekkaniżmu internazzjonali possibbli approvat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluż permezz tar-riattivazzjoni u l-estensjoni possibbli fil-kamp ta' applikazzjoni u l-mandat tal-missjonijiet tagħha fuq il-post, EUBAM Rafah u EUPOL COPPS, u t-tnedija ta' programm ta' taħriġ għall-persunal tad-dwana tal-Awtorità Palestinjana u l-pulizija għal riassenjazzjoni f'Gaża; billi l-Kunsill iddikjara wkoll li l-UE hija ppreparata li tikkontribwixxi għal arranġamenti li jimpedixxu t-traffikar illeċitu fl-armi u l-munizzjon lejn Gaża u li jistgħu jiżguraw il-ftuħ mill-ġdid fit-tul tal-punti ta' qsim ta' Gaża, u li l-UE fl-istess waqt se teżamina l-alternattivi għal mekkaniżmu sorveljat internazzjonalment biex jitħalla aċċess u moviment sħiħ mill-punti tad-dħul kollha ta' Gaża;

J.      billi, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Affarijiet Barranin ħabbar li l-Unjoni Ewropea kieku tipprovdi pakkett mingħajr preċedent ta' appoġġ politiku, ekonomiku u ta' sigurtà liż-żewġ partijiet fil-kuntest ta' ftehim ta' status finali, u li fil-każ ta' ftehim finali ta' paċi din toffri lill-Iżrael u lill-istat futur tal-Palestina Sħubija Privileġġata Speċjali, inkluż aktar aċċess għas-swieq Ewropej, rabtiet kulturali u xjentifiċi aktar mill-qrib, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-investimenti, u l-promozzjoni ta' relazzjonijiet bejn in-negozji, u li f'dan il-kuntest jiġu offruti wkoll djalogu politiku u kooperazzjoni tas-sigurtà msaħħa;

1.      Jikkundanna t-telf ta' ħajjiet fost iċ-ċivili, fosthom bosta nisa u tfal, u s-sofferenza tal-popolazzjoni ċivili fuq iż-żewġ naħat, b'enfasi partikolari fuq il-popolazzjoni fl-istrixxa ta' Gaża, fil-kunflitt vjolenti ta' Lulju u Awwissu 2014 bejn l-Iżrael min-naħa l-waħda, u l-Ħamas u gruppi Palestinjani armati oħra min-naħa l-oħra, u jesprimi kondoljanzi sinċieri lill-familji tal-vittmi innoċenti;

2.      Jilqa' l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied tas-26 ta' Awwissu 2014, u jfaħħar lill-Eġittu fl-isforzi ta' suċċess tiegħu bħala medjatur, u jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw bis-sħiħ dan il-ftehim;

3.      Jenfasizza li l-fatt li jiġi pprovdut aċċess sħiħ u mingħajr ostakoli għall-għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni fl-istrixxa ta' Gaża għandu jkun prijorità immedjata; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tintensifika ulterjorment l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward u tindirizza b'urġenza l-appelli ta' emerġenza għal finanzjament addizzjonali tal-UNRWA; jistieden lill-atturi kollha fir-reġjun jiżguraw li l-assistenza umanitarja tilħaq mingħajr dewmien lil dawk li jeħtieġu prodotti u servizzi bażiċi f'Gaża, b'mod speċjali servizzi tal-elettriku u provvisti tal-ilma, kif ukoll ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-allegati każijiet ta' imblukkar intenzjonat tat-twassil tal-għajnuna umanitarja f'Gaża; jenfasizza fl-istess waqt, li l-għajnuna umanitarja u finanzjarja tal-UE għandha tibbenefika bis-sħiħ u bl-aktar mod effiċjenti possibbli lill-poplu Palestinjan, u m'għandha qatt tintuża, b'mod dirett jew indirett għal attivitajiet terroristiċi;

4.      Jilqa' l-kooperazzjoni li għaddejja bejn il-Gvern Iżraeljan u l-Gvern Palestinjan b'Kunsens Nazzjonali f'diversi oqsma, u jħeġġeġ liż-żewġ partijiet ikomplu f'din it-triq; iħeġġeġ fl-istess waqt lill-Gvern Palestinjan b'Kunsens Nazzjonali jieħu fuqu mingħajr dewmien, awtorità sħiħa fl-istrixxa ta' Gaża, biex b'hekk jiġi evitat li Gaża tispiċċa fi stat ta' kaos u illegalità; jappella f'dan l-ispirtu, għat-tlestija tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni Palestinjan, li għandu jwassal sabiex fi żmien qasir isiru elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali;

 

5.      Jenfasizza li l-istatus quo fl-istrixxa ta' Gaża mhuwiex sostenibbli, u li m'hemmx soluzzjoni għall-kriżi umanitarja fiż-żona jekk ma jitneħħiex l-imblokk; jappella għal darb'oħra għat-tneħħija tar-reġim tal-imblokk, li huwa kastig kollettiv għall-popolazzjoni lokali u ta' vantaġġ għall-estremisti, li jwassal kontinwament għal ċikli ġodda ta' vjolenza; jemmen li mhux se jkun hemm stabilità fit-tul f'Gaża jekk ma jkunx hemm rikostruzzjoni u qawmien ekonomiku, li huwa mminat min-nuqqas ta' moviment ħieles tal-persuni u tal-prodotti; jappella għar-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni rapidi ta' Gaża, u jappoġġa bil-qawwa l-konferenza tad-donaturi li se ssir fit-12 ta' Ottubru 2014 fil-Kajr;

6.      Itenni għal darb'oħra l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bi Stat Iżraeljan u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin f'paċi u f'sigurtà; jenfasizza, għal darb'oħra, li l-miżuri mhux vjolenti huma l-uniku mezz biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; itenni li l-istrixxa ta' Gaża għandha tkun parti mill-istat Palestinjan futur;

7.      Jikkundanna l-bini u l-estensjoni kontinwi ta' postijiet ta' residenza Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, inkluż fil-Lvant ta' Ġerusalemm, u l-approprjazzjoni qawwija ta' art Palestinjana, fatt li jimmina l-prospetti ta' soluzzjoni ta' żewġ stati u li jwassal biss għal aktar estremiżmu, u jappella għal darb'oħra sabiex din il-politika tinġieb fi tmiem fil-pront;

8.      Itenni l-appoġġ tiegħu għas-sigurtà tal-Iżrael, għad-dritt tal-Palestinjani li jkollhom l-istat tagħhom stess, u għall-politika ta' reżistenza paċifika tal-President Mahmoud Abbas f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-isforzi tal-President Abbass biex tiġi żblukkata s-sitwazzjoni attwali ta' waqfien fil-proċess ta' paċi permezz ta' inizjattiva ġdida; jikkundanna kull att ta' terroriżmu jew ta' vjolenza, u jappella għad-diżarm tal-gruppi terroristi armati f'Gaża bħala parti mill-proċess ta' paċi;

9.      Jappella mill-ġdid għar-rilaxx tal-priġunieri politiċi Palestinjani kollha, inklużi membri eletti tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan bħal Marwan Barghouti, u li dan kieku jkun ta' kontribut kbir għall-isforzi tal-bini tal-fiduċja u ta' paċi bejn iż-żewġ naħat;

10.    Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tibqa' fidila lejn ir-responsabilità storika tagħha li ssir attur politiku ġenwin fil-Lvant Nofsani, inkluż permezz ta' inizjattiva u pjan ta' paċi Ewropej komprensivi għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, li għandu jiġi ppreżentat u nnegozjat waqt konferenza internazzjonali ta' paċi bil-parteċipazzjoni taż-żewġ naħat u tal-atturi reġjonali u internazzjonali ewlenin kollha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti; jenfasizza għal darb'oħra li l-UE, bħala sħab kummerċjali u donatur ewlieni fir-reġjun, għandha għad-dispożizzjoni tagħha firxa wiesgħa ta' strumenti, b'mod partikolari fil-qasam tal-politika kummerċjali, li bihom tista' tħeġġeġ liż-żewġ naħat jerġgħu jibdew taħdidiet kredibbli ta' paċi u jiksbu riżultati tanġibbli f'dan il-proċess, u jappella sabiex dan il-vantaġġ jintuża b'mod aktar effettiv fir-relazzjonijiet bilaterali tal-Unjoni mal-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana;

11.    Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jfasslu inizjattivi u proposti konkreti li għandhom l-għan jistabbilixxu miżuri u mekkaniżmi internazzjonali li jkunu jippermettu t-tneħħija fit-tul tal-imblokk tal-istrixxa ta' Gaża, inkluża l-attivazzjoni mill-ġdid tal-missjoni EUBAM Rafah;

12.    Jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jippermettu aċċess mingħajr ostakoli lid-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Parlament Ewropew lejn l-istrixxa ta' Gaża;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett fil-Lvant Nofsani, lill-parlament u lill-gvern tal-Eġittu, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA (2014)0012.

Avviż legali - Politika tal-privatezza