Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0121/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0121/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Iraq u s-Sirja, u l-offensiva tal-ISIS inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi

16.9.2014 - (2014/2843(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Mariya Gabriel, Andrej Plenković, Tunne Kelam, Francisco José Millán Mon, David McAllister, Michèle Alliot-Marie, László Tőkés, Esther de Lange, Lars Adaktusson, Monica Luisa Macovei, Dubravka Šuica, Jarosław Leszek Wałęsa, György Hölvényi, Davor Ivo Stier, Emil Radev, Philippe Juvin, Gabrielius Landsbergis, Francesc Gambús f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0109/2014

Proċedura : 2014/2843(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0121/2014
Testi mressqa :
B8-0121/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0121/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewroprew dwar l-Iraq u s-Sirja, u l-offensiva tal-ISIS inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi

(2014/2843(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2170 (2014) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU S-22/L.1 (2014),

–       wara li kkunsidra l-istqarrijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Pariġi dwar is-sigurtà fl-Iraq u l-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku tal-15 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà u dik umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, li diġà kienet kritika, kompliet tmur għall-agħar bħala konsegwenza tal-okkupazzjoni ta' partijiet tat-territorji tagħhom mill-Istat Iżlamiku (IS), grupp terroristiku ġiħadist li nqata' minn mal-organizzazzjoni Al-Qaeda; billi l-karattru transnazzjonali tal-IS u l-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu jirrappreżenta theddida lill-bqija tar-reġjun;

B.     billi d-diżintegrazzjoni tal-fruntiera ta' bejn l-Iraq u s-Sirja ipprovdiet lill-IS b'opportunità biex itejjeb il-preżenza tiegħu fiż-żewġ pajjiżi; billi fid-29 ta' Ġunju 2014 ġie rrapportat li l-IS pproklama 'kalifat', jew 'Stat Iżlamiku', fit-territorji tal-Iraq u s-Sirja li jikkontrolla, u billi l-kap tiegħu, Abdu Bakr al-Baghdadi, iddikjara lilu nnifsu bħala kalif;

C.     billi l-ksur sejru tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali sar f'żoni li jinsabu taħt il-kontroll tal-IS u l-gruppi assoċjati miegħu, inklużi l-qtil immirat, il-konverżjonijiet furzati, is-sekwestri, il-bejgħ tan-nisa, it-tjassir tan-nisa u t-tfal, ir-reklutaġġ tat-tfal għall-attakki suwiċida bil-bombi, l-abbuż sesswali u fiżiku u t-tortura; billi l-IS qatel lill-ġurnalisti James Foley u Steven Sotloff, u l-ħaddiem umanitarju David Haines; billi l-komunitajiet Insara, Yezidi, Turkmeni, Shabak, Kaka’e, Sabian u Xiiti qegħdin fil-mira tal-IS; billi l-moskej, il-monumenti, is-santwarji, il-knejjes u postijiet oħra ta' qima, l-oqbra u ċ-ċimiterji, kif ukoll siti arkeoloġiċi u siti ta' wirt kulturali nqerdu deliberatament;

D.     billi l-Iraqini Nsara reċentement kienu vittimi ta' persekuzzjoni u ċċaħħdu mid-drittijiet fundamentali tagħhom u ġew mġiegħla jitilqu minn djarhom u jsiru rifuġjati minħabba r-reliġjon u t-twemmin tagħhom; billi fis-17 ta' Lulju 2014, il-membri tal-IS f'Mosul bdew jimmarkaw id-djar tal-Insara u x-Xiiti bil-frażi "Proprjetà tal-Istat Iżlamiku"; billi l-familji ngħataw ultimatum biex jikkonvertu, iħallsu taxxa ta' protezzjoni jew jitilqu, għax inkella jiġu kkundannati għall-eżekuzzjoni; billi skont l-Open Doors International, in-numru ta' Nsara fl-Iraq naqas b'mod sinifikanti minn 1.2 miljuni fil-bidu tal-1990 għal bejn 330 000 u 350 000 fil-preżent;

E.     billi qabel ma beda l-kunflitt fis-Sirja, fil-pajjiż kienu jgħixu madwar 1.8 miljun Nisrani. billi mindu beda l-kunflitt ġew spostati minn tal-inqas 500 000 Insara;

F.     billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) madwar 1.4 miljun persuna ġew spostati internament fl-Iraq din is-sena u madwar 1.5 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja; billi ż-żieda fis-setgħa tal-IS ipproduċiet kriżi umanitarja, notevolment l-ispustament massiv taċ-ċivili; billi fit-12 ta' Awwissu l-UE ddeċidiet li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b'EUR 5 miljun sabiex tingħata assistenza bażika lill-persuni spostati, b'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 17-il miljun;

G.     billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) madwar 6.4 miljun persuna ġew spostati internament fis-Sirja din is-sena u skont l-Uffiċċju għall-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili (ECHO) madwar 10.8 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja; billi, s'issa, l-UE kkontribwixxiet b'EUR 150 miljun f'għajnuna umanitarja għall-vittmi tal-kriżi Sirjana;

H.     billi l-UE rrikonoxxiet il-piż li tqiegħed fuq ir-reġjun tal-Kurdistan u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, li qed jospita numru kbir ta' persuni spostati internament;

I.      billi l-UE tenniet l-impenn sod tagħha lejn l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq;

J.      billi l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li pparteċipaw fis-Summit tan-NATO tal-4 u l-5 ta' Settembru 2014 stqarru li l-preżenza tal-IS, kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq, hija theddida għall-istabbiltà reġjonali, u li l-popli tas-Sirja u tal-Iraq u fi bnadi oħra tar-reġjun jeħtieġu l-appoġġ tal-komunità internazzjonali biex jindirizzaw din it-theddida;

K.     billi fl-appell konġunt tagħhom tat-8 ta' Settembru 2014, il-federazzjonijiet Iżlamiċi Franċiżi esprimew l-appoġġ tagħhom lejn ħuthom l-Insara u l-minoranzi l-oħra kollha tar-reġjun u lejn id-dritt li jibqgħu jgħixu b'dinjità u sigurtà fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom liberament;

L.     billi l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittjiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, inkluż id-dritt għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin, huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-UE u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi;

1.      Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Iraq u s-Sirja li kulma jmur dejjem qed tmur għall-agħar; jikkundana bil-qawwa l-qtil u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li wettqu l-IS u l-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari kontra l-Insara u reliġjonijiet u minoranzi etniċi oħra u gruppi vulnerabbli; jisħaq fuq il-fatt li dawk li wettqu dawn id-delitti se jinżammu responsabbli;

2.      Jikkundanna b'qawwa l-qtil tal-ġurnalisti James Foley u Steven Sotloff, u l-ħaddiem umanitarju David Haines mill-IS;

3.      Jenfasizza li l-attakki sistematiċi u fuq skala wiesgħa mmirati fuq iċ-ċivili minħabba l-appartenenza etnika jew politika, ir-reliġjon, it-twemmin u s-sess tagħhom, jisgtħu jikkostitwixxu delitt kontra l-umanità; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' persekuzzjoni, diskriminazzjoni u intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin, u l-atti ta' vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi kollha; jisħaq, għal darba oħra, dwar il-fatt li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

4.      Jesprimi l-appoġġ tiegħu, b'mod partikolari, lejn il-Komunità Nisranija tal-Lvant Nofsani, li huma vittmi tal-intolleranza reliġjuża u l-mibegħda; jesprimi s-solidarjetà tiegħu lejn il-membri tal-komunitajiet Insara li qed ikunu vittmi ta' persekuzzjoni u jħabbtu wiċċhom mal-periklu tal-estinzjoni f'art twelidhom, l-Iraq u s-Sirja, kif ukoll lejn minoranzi reliġjuzi oħra vittmi ta' persekuzzjoni; jikkonferma l-appoġġ tiegħu tad-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-Insara, biex jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali fejn twieldu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u li jipprattikaw fil-libertà r-reliġjon tagħhom;

5.      Jisħaq fuq il-fatt li d-delitti li saru fuq il-minoranzi Nsara bħall-Assirjani, is-Sirijaċi u l-Kaldej, kif ukoll il-Yazidi u l-Musulmani Xiiti, huwa l-aħħar sforz tal-IS biex iwettqu persekuzzjoni reliġjuża kompleta fl-għeruq taċ-ċiviltà u l-Kristjanità; jenfasizza li sabiex jiġu protetti u ssalvagwardjati l-minoranzi indiġeni u tiġi evitata kriżi ta' rifuġjati ta' daqs aktar allarmanti, jeħtieġ li jiġi implimentat il-ħolqien ta' post tal-kenn; jesprimi l-appoġġ tiegħu lejn il-ħolqien ta' post tal-kenn iggarantit u infurzat b'mod internazzjonali għall-minoranzi tal-Iraq; jinnota li, għal sekli sħaħ, l-Insara u l-Musulmani f'dan ir-reġjun kienu jikkoeżistu b'mod paċifiku;

6.      Jirrifjuta mingħajr riżervi d-dikjarazzjoni mill-mexxej tal-ISIS li huwa waqqaf kalifat fiż-żoni li issa jikkontrolla, u jirrifjuta n-nozzjoni ta' kwalunkwe bidla unilaterali permezz tal-forza fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment; jisħaq mill-ġdid li l-IS huwa soġġett għal embargo fuq l-armi u ffriżar tal-assi imposti mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1267 (1999) u 1989 (2011), u jissottolinja l-importanza ta' implimentazzjoni fil-pront u effikaċi ta' dawn il-miżuri; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra użu aktar effikaċi tal-miżuri restrittivi eżistenti, b'mod partikolari biex iċaħħad lill-IS mill-benefiċċji ta' bejgħ illeċitu taż-żejt jew bejgħ illeċitu ta' riżorsi oħra fis-swieq internazzjonali;

7.      Jikkundanna l-użu tal-isfruttament tal-bjar taż-żejt u l-infrastruttura relatata mill-IS u l-gruppi assoċjati miegħu, li jippermetti lill-IS jiġġenera introjtu sostanzjali, u jħeġġeġ lill-Istati kollha josservaw-riżoluzzjonijiet 2161 ( 2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jikkundannaw il-kummerċ, dirett jew indirett, mal-IS u l-gruppi assoċjati miegħu;

8.      Jilqa' l-Appell li għamlu l-Federazzjonijiet Iżlamiċi Franċiżi fit-8 ta' Settembru, li b'mod inekwivoku u inkondizzjonat jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tal-Iżlam mill-gruppi terroristiċi estremisti biex jiġġustifikaw il-vjolenza, l-intollerazzjoni u d-delitti li jwettqu kontra l-umanità;

9.      Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fl-Iraq jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u jistieden il-partijiet kollha jaderixxu mal-obbligi kollha tagħhom skont id-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jingħata appoġġ u għajnuna umanitarja immedjata lill-persuni spostati tal-Iraq;

10.    Jilqa' l-isforzi tal-Istati Uniti u l-istati kollha l-oħra li qed jagħtu l-kontribut tagħhom biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali tal-Iraq fil-ġlieda tagħhom kontra l-IS; jilqa' t-talba tal-Istati Uniti għal koalizzjoni internazzjonali kontra l-IS, li qed ikompli jżid fis-setgħa; jilqa' wkoll id-deċiżjoni meħuda mill-membri tal-Lega Għarbija li japprovaw ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2170 (2014) u jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiggieldu kontra l-gruppi terroristiċi fis-Sirja u l-Iraq u jikkooperaw mal-isforzi internazzjonali, reġjonali u nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jistieden lill-komunità internazzjonali tassisti lill-awtoritajiet tal-Iraq sabiex jiżguraw il-protezzjoni u l-assistenza lil dawk li qed jaħarbu miż-żoni milquta mit-terroriżmu, b'mod partikolari il-membri ta' gruppi vulnerabbli u membri ta' komunitajiet etniċi u reliġjużi; jistieden lill-atturi reġjonali kollha jikkontribwixxu fl-isforzi għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabbiltà fl-Iraq; ifakkar li l-impenn u r-responsabilità finali tal-atturi reġjonali kollha, kif ukoll tal-UE, għandu jkun li jagħmlu ħilthom biex jiggarantixxu r-ritorn tal-minoranzi tradizzjonali u ċ-ċittadini kollha lejn fejn kienu joqogħdu qabel ma kellhom jaħarbu; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jassistu lill-awtoritajiet lokali tal-Iraq bil-mezzi kollha possibbli, inkluża l-assistenza militari, sabiex iwaqqfu u jimbottaw lura l-espansjoni terroristika u aggressiva tal-IS;

11.    Jilqa' l-mobilizzazzjoni taċ-Ċentru Ewropew ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni għall-Emerġenzi u l-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili fuq it-talba tal-gvern tal-Iraq; jilqa' l-għajnuna umanitarja tal-UE lill-Iraq u s-Sirja;

12.    Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja, b'mod partikolari r-reġim Sirjan, jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u jaderixxu mal-obbligi kollha tagħhom skont id-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li soluzzjoni dejjiema teħtieġ b'mod urġenti tranżizzjoni politika fis-Sirja;

13.    Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja jirrispettaw il-mandat tal-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti Inkarigata mill-Osservanza tad-Diżimpenn u biex jiżguraw is-sigurtà u l-libertà tal-moviment tat-truppi tan-NU, inkluż dawk mill-Istati Membri tal-UE; jikkundanna l-fatt li 45 ħaddiem għaż-żamma tal-paċi mill-Fiġi nżammu minn grupp armat; jilqa' l-ħelsien tal-ħaddiema għaż-żamma tal-paċi fil-11 ta' Settembru 2014;

14.    Jilqa' d-deċiżjoni meħuda minn Stati Membri individwali li jirreaġġixxu b'mod pożittiv għat-talba tal-awtoritajiet reġjonali Kurdi biex jipprovdulhom materjal militari b'mod urġenti; jisħaq fuq il-fatt li dawn ir-reazzjonijiet isiru skont il-kapaċitajiet u l-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri u bil-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Iraq; jistieden lill-Istati Membri li qed jipprovdu materjal militari lill-awtoritajiet reġjonali Kurdi biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jimplimentaw miżuri effikaċi ta' monitoraġġ sabiex jevitaw li dan il-materjal jitqassam mingħajr kontroll;

15.    Itenni t-tħassib tiegħu dwar rapporti li mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ċittadini tal-Istati Membri tal-UE, issieħbu fir-rewwixta tal-IS; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex lill-ġellieda ma jħalluhomx jivvjaġġaw minn pajjiżhom, f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2170 (2014), u jiżviluppaw servizzi ta' sigurtà biex iwettqu monitoraġġ u kontroll fuq il-ġiħadisti; jitlob aktar għal kooperazzjoni internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwaunkwe individwu ssuspettat b'involviment f'atti ta' terroriżmu;

16.    Jilqa' l-formazzjoni ta' Gvern ġdid u inklużiv fl-Iraq, kif ukoll l-adozzjoni ta' programm ministerjali, u jifraħ lil Haider al-Abadi talli ġie kkonfermat Prim Ministru tal-Iraq; jappoġġa l-isforzi tal-Primi Ministru biex jiffinalizza l-formazzjoni tal-Gvern; jissottolinja l-fatt li l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali biex ikun hemm stabbiltà u jsir żvilupp ekonomiku fil-pajjiż u r-reġjun;

17.    Jappoġġa t-talba tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jibgħat urġentement missjoni fl-Iraq sabiex tinvestiga l-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u abbużi li wettqu l-IS u l-gruppi assoċjati miegħu, u li jistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn l-abbużi u l-ksur, bil-għan li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata responsabilità sħiħa;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lir-Rappreżentanti tal-Kunsill tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.