Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0127/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0127/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

16.9.2014 - (2014/2841(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-ViċiPresident tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rebecca Harms, Tamás Meszerics, Heidi Hautala, Bas Eickhout, Indrek Tarand f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0118/2014

Proċedura : 2014/2841(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0127/2014
Testi mressqa :
B8-0127/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0127/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

(2014/2841(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1], tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja[2], u tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina[3] u tas-17 ta’ Lulju 2014 dwar l-Ukraina[4],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina tat-3 ta' Marzu 2014 u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Marzu 2014, l-14 ta' April 2014, it-12 ta' Mejju 2014, it-23 ta' Ġunju 2014 u l-15 ta’ Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern dwar l-Ukraina fil-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014 u tas-27 ta’ Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tal-21 ta’ Marzu 2014, is-27 ta’ Ġunju 2014, is-16 ta’ Lulju 2014 u t-30 ta’ Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fil-5 ta’ Settembru f’Minsk, il-Grupp ta’ Kuntatt trilaterali laħaq ftehim dwar waqfien mill-ġlied fil-Lvant tal-Ukraina, abbażi ta’ protokoll ta’ 12-il punt imtella' fuq is-sit elettroniku tal-OSKE b’appell għal waqfien immedjat mill-ġlied, il-ħelsien tal-ostaġġi u t-teħid ta’ miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni umanitarja, u bl-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet għal deċentralizzazzjoni tal-awtorità u elezzjonijiet bikrin fir-reġjuni ta’ Donetsk u Lugansk;

B.     billi fil-ġimgħat preċedenti r-Russja żiedet l-appoġġ militari u loġistiku tagħha lill-milizzji separatisti permezz ta’ fluss stabbli ta’ armi, munizzjon, vetturi blindati u tagħmir, merċenarji u suldati travestiti, minkejja l-appelli tal-UE biex isir kull sforz biex is-sitwazzjoni ma tkomplix tiggrava; billi sa mill-bidu tal-kriżi l-Federazzjoni Russa ġabret truppi u apparat militari fil-fruntiera mal-Ukraina;

C.     billi mil-lum il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied għadu fraġli iżda b'mod ġenerali għadu jgħodd, minkejja r-rapporti ta' kuljum ta' xi ksur, b'mod partikolari madwar iż-żoni ta' Donetsk u Mariupol;

D.     billi aktar minn 2 600 persuna tilfu ħajjithom matul il-kunflitt; billi s-sitwazzjoni fiż-żona ta’ kunflitt hi kwistjoni ta’ tħassib qawwi kemm minn perspettiva umanitarja kif ukoll minn dik ta' saħħa; billi aktar minn miljun persuna telqu miż-żona ta’ kunflitt biex ifittxu kenn fil-Federazzjoni Russa u f’reġjuni Ukraini oħrajn li mhumiex milquta mill-ġlied;

E.     billi Valentina Melnikova, kap tal-Kumitat tal-Ommijiet tas-Suldati, l-organizzazzjoni ewlenija Russa li tirrappreżenta l-familji tat-truppi, qalet li l-għadd ta' truppi Russi fl-Ukraina hu ta' bejn 7 000 - 8 000, filwaqt li diġà tilfu ħajjithom madwar 200 suldat Russu;

F.     billi fit-28 ta’ Awwissu 2014, il-Ministru tal-Ġustizzja Russu żied l-NGO “Ommijiet tas-Suldati ta’ San Pietruburgu” mal-lista uffiċjali tiegħu ta’ “aġenti barranin” taħt il-liġi tal-2012; billi din id-deċiżjoni tħabbret wara li Ella Polyakova, il-mexxejja tal-grupp, tkellmet pubblikament dwar il-mewt allegata ta’ suldati Russi li qed jiġġieldu fl-Ukraina kontra l-forzi Ukraini u talbet li jiġu investigati dawn l-allegazzjonijiet;

G.     billi l-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa qed jippruvaw jipprevjenu funerali pubbliċi għas-suldati Russi maqtula fl-Ukraina; billi l-ġurnalisti li rrappurtaw dwar il-funeral ta' żewġ paratruppi Russi f’Pskov ġew imsawwta u ġarrbu feriti gravi;

H.     billi r-rapporti reċenti ppubblikati mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-organizzazzjoni Amnesty International akkużaw liż-żewġ naħat bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem filwaqt li elenkaw delitti bħall-ħtif, it-tortura, il-qtil extraġudizzjarju u l-użu ta' armi tqal f'żoni urbani b'livell għoli ta' popolazzjoni;

I.      billi l-intervent militari dirett u indirett tar-Russja fl-Ukraina, inkluża l-annessjoni tal-Krimea, jikser id-dritt internazzjonali inkluża l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki u l-Ftehim ta’ Budapest tal-1994; billi r-Russja għadha qed tirrifjuta l-implimentazzjoni tal-Forzi Armati Konvenzjonali fit-Trattat tal-Ewropa (CFE),

J.      billi fit-12 ta’ Settembru 2014 sett ġdid ta' sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja bl-għan li jidjieq l-aċċess tal-banek, tal-kumaniji tal-enerġija u tal-kumpaniji tad-difiża Russi għas-swieq kapitali tal-UE u li jwessgħu is-sanzjonijiet preċedenti, daħal fis-seħħ wara proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni twil u kumpless;

K.     billi l-embargo Russu fuq l-importazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti agrikoli mill-UE u pajjiżi oħrajn, li ġie impost mill-Prim Ministru Russu fis-6 ta’ Awwissu, qed ikollu impatt qawwi fuq għadd ta' setturi agrikoli u fuq pajjiżi li jesportaw prodotti agrikoli lejn ir-Russja;

L.     billi minħabba l-ispostamenti kbar tal-popolazzjoni u l-aktar rata baxxa ta' tilqim fl-Ewropa, l-Ukraina tinsab f'riskju kbir ta' epidemiji ta’ mard li jittieħed, speċjalment fost it-tfal; billi, b’mod partikolari, ir-riskju ta’ epidemija tal-poljomjelite hu partikolarment allarmanti, peress li 1.5 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin ma ġewx kompletament imlaqqma kontra l-poljomjelite;

M.    billi fis-26 ta’ Awwissu 2014, wara perjodu ta’ nuqqas ta’ stabilità bejn il-forzi li jappoġġaw lill-gvern, il-President tal-Ukraina Petro Poroshenko xolja l-Verhovna Rada u talab li jsiru elezzjonijiet bikrin;

N.     billi wara l-iffirmar fil-21 ta' Marzu 2014 tad-dispożizzjonijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA), fis-27 ta' Ġunju 2014 l-UE u l-Ukraina ffirmaw b'mod uffiċjali l-parti pendenti ta' dan il-Ftehim, li tinkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA); billi l-Parlament Ewropew u l-Verhovna Rada wasslu biex jirratifikaw simultanjament il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

O.     billi fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill Affarijiet Barranin ikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni li l-Ukraina ssodisfat il-parametri referenzjarji skont l-ewwel fażi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-liberalizzazzjoni tal-viża u għaddiet għat-tieni fażi tal-proċess għal-liberalizzazzjoni tal-viżi;

P.     billi s’issa ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar it-tilwima li ilha għaddejja bejn l-Ukraina u r-Russja dwar il-provvista tal-gass;

1.      Jilqa’ l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Minsk għall-waqfien mill-ġlied u jappella lill-partijiet kollha biex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jimplimentawh b'mod sħiħ u b'bona fede bl-għan li jwittu t-triq għall-bidu ta' proċess ta’ paċi ġenwin; jistieden, barra minn hekk, lill-partijiet kollha biex ikomplu n-negozjati sabiex jiċċaraw il-kwistjonijiet pendenti kollha fir-rigward, b’mod partikolari, tal-istatus tar-reġjuni ta’ Luhansk and Donetsk jew partijiet minnhom fi ħdan il-qafas ta’ stat unit tal-Ukraina;

2.      Itenni l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina u jenfasizza li soluzzjoni politika ġenwina biss tista’ twitti t-triq għal rikonċiljazzjoni sħiħa bejn il-partijiet u ssaħħaħ l-għaqda tal-pajjiż;

3.      Jenfasizza li l-OSKE għandha rwol ewlieni għas-sejba ta' soluzzjoni tal-kriżi tal-Ukraina minħabba l-esperjenza tagħha fl-indirizzar ta' kunflitti armati u kriżijiet u l-fatt li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-Ukraina huma membri ta' din l-organizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni biex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex isaħħu u jżidu l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina kemm f’termini ta’ persunal kif ukoll f’termini ta’ loġistika u tagħmir; jenfasizza l-bżonn li mingħajr aktar dewmien l-osservaturi tal-OSKE jiġu skjerati tul il-partijiet tal-fruntiera tal-Ukraina u r-Russja li attwalment jinsabu taħt il-kontroll tas-separatisti;

4.      Jilqa' l-kuntatti frekwenti bejn il-President tal-Ukraina Poroshenko u l-President tar-Russja Putin bl-għan li titnaqqas it-tensjoni u jissaħħaħ il-waqfien mill-ġlied; hu tal-opinjoni, madankollu li l-ewwel kontribut kredibbli u konkret minn Moska biex is-sitwazzjoni ma tkomplix tiggrava u biex jitwaqqaf il-kunflitt għandu jkun il-waqfien immedjat tal-fluss ta' armi, merċenarji u truppi Russi b'appoġġ għall-milizzji separatisti kif ukoll l-irtirar tal-forzi Russi miġmugħa fil-fruntiera mal-Ukraina;

5.      Iħeġġeġ, f’dan ir-rigward, lill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-UE jagħmlu użu sħiħ mill-mezzi non-militari sodi tal-UE biex jipprevenu l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied milli jibdel l-Ukraina tal-Lvant f’kunflitt iffriżat ieħor billi jżommu l-pressjoni fuq ir-Russja sakemm il-kriżi ma turix sinjali sostanzjali u irriversibbli ta’ titjib; jilqa’, għaldaqstant, l-estensjoni u t-twessigħ tas-sanzjonijiet tal-UE, inkluż il-fatt li tqiegħed fil-mira l-ħila tal-produtturi ewlenin taż-żejt tar-Russja li jżidu l-kapital fl-Ewropa;

6.      Jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill jikkunsidra tipi ta’ miżuri ġodda, inkluża sospensjoni tas-sħubija tar-Russja fil-G20 u bojkott tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2018 min-naħa tal-pajjiżi tal-UE;

7.      Jilqa’ d-deċiżjoni li ttieħdet tard ħafna mill-President Franċiż Hollande li jissospendi l-esportazzjoni tal-ewwel bastiment trasportatur tal-ħelikopters Mistral class f’Novembru 2014 minħabba l-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina, iżda jistieden lil Franza tirrevoka definittivament dan il-kuntratt; ifakkar li r-Russja għandha l-intenzjoni li ssemmi t-tieni bastiment tal-gwerra Mistral class għall-port marittimu Ukren okkupat mir-Russja, ‘Sebastopol’; iħeġġeġ lir-Renju Unit jirtira immedjatament il-liċenzji tal-esportazzjonijiet tal-armi lejn ir-Russja u bl-istess mod iħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurzaw l-embargo tal-armi tal-UE dwar ir-Russja mhux biss permezz tal-projbizzjoni tal-esportazzjonijiet futuri iżda wkoll tal-kuntratti u l-liċenzji attwali;

8.      Jesprimi tħassib dwar l-involviment tan-NATO fil-kriżi bejn l-Ukraina u r-Russja; jinnota li kwalunkwe involviment dirett tan-NATO jimmilitarizza ulterjorment il-kriżi u jkun ta’ vantaġġ għall-propoganda Russa; jikkunsidra li l-organizzazzjoni ta' manuvri tan-NATO fl-Ukraina tal-Punent u fil-Baħar l-Iswed ikun żball strateġiku; iħeġġeġ lill-mexxejja tan-NATO jikkunsidraw mill-ġdid din l-idea, peress li tista’ twassal għal kuntatt volontarju jew involontarju bejn il-forzi konvenzjonali tan-NATO u tal-Federazzjoni Russa;

9       Jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rapporti riċenti tal-Amnesty International dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni ta’ kunflitt, u jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu għall-ħtif, is-swat selvaġġ, it-tortura, il-qtil, il-qtil extraġudizzjarju u abbużi serji ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju, kontra attivisti, dimostranti, ġurnalisti u ħafna ċittadini oħra li mhumiex attivi fil-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina, li ġraw f'dawn l-aħħar tliet xhur, imwettqa prinċipalment minn separatisti armati u f'xi każijiet ukoll mill-forzi tal-gvern; jappoġġa t-talba lill-Gvern tal-Ukraina biex joħloq reġistru uniku u aġġornat regolarment tal-inċidenti ta' ħtif irrappurtati, u l-investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali tal-allegazzjonijiet kollha ta' użu abbużiv ta' forza, trattament ħażin jew tortura;

10.    Jenfasizza għal darb’oħra li sa mill-annessjoni tal-Krimea, ir-Russja ilha tikser l-obbligi legali tagħha bħala firmatarja tal-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u t-Trattat dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija tal-1997, fejn il-partijiet qablu li jonqsu milli jheddu jew jużaw il-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika tal-Ukraina;

11.    Jenfasizza l-importanza li jsiru elezzjonijiet parlamentari bikrija f'konformità mal-impenji demokratiċi internazzjonali, minkejja l-ostilitajiet li hemm fin-naħa tal-Lvant tal-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jindirizzaw b’mod sħiħ ir-rimarki kollha li sar riferiment għalihom fis-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR għall-elezzjonijiet presidenzjali riċenti; jiddispjaċih li l-Verkhovna Rada ma rnexxilhiex tadotta liġi elettorali ġdida; jistieden lill-OSKE issib modi kif tippermetti li l-elezzjonijiet bikrin isiru wkoll fiż-żoni ta’ kunflitt;

12.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini jagħmlu djalogu miftuħ, trasparenti u inklużiv mal-komponenti kollha tas-soċjetà Ukraina; jistedinhom, f’dan ir-rigward, biex wara li l-parlament il-ġdid jibda bil-mandat tiegħu, ma jdumux ma jwettqu r-riformi neċessarji u tant mistennija fuq il-livell kostituzzjonali, politiku u ekonomiku; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li riforma kostituzzjonali fl-Ukraina għandha tkun it-tema ta' diskussjoni wiesgħa u profonda li tinvolvi lill-elementi kollha tas-soċjetà Ukraina, u li eventwalment għandha twassal għal referendum;

13.    Jenfasizza li l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina fis-27 ta' Ġunju 2014 huwa pass importanti għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet u l-inklużjoni tal-Ukraina fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropew; jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita struttura adegwata (Task Force) biex tipprovdi appoġġ tekniku lill-Ukraina, kif ukoll li tiġi pprovduta għajnuna finanzjarja neċessarja sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni b’suċċess tal-ftehim; jenfasizza l-importanza ta’ definizzjoni ċara ta’ pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni b’tali mod li l-Ukraina tkun tista’ tibbenefika mill-aċċess għas-suq tal-UE malajr kemm jista’ jkun;

14.    Itenni l-opinjoni tiegħu f'dan ir-rigward li dan il-ftehim ma jikkostitwixxix l-għan aħħari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni Ewropea, dment li taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt; jenfasizza li Ftehim ta' Assoċjazzjoni jew DCFTA mal-Unjoni Ewropea mhumiex marbuta mal-integrazzjoni man-NATO;

15.    Jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq fit-12 ta’ Settembru 2014 fil-laqgħa Trilaterali bejn l-UE, l-Ukraina u r-Russja; jittama li tali djalogu jaf jipprovdi bażi għal soluzzjoni mutwa abbażi ta’ standards u regoli internazzjonali, iżda jiddispjaċih li r-Russja sfruttat id-djalogu tripartitiku bit-tentattiv li timmina l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, minflok ma wriet attitudni kostruttiva biex jinstabu soluzzjonijiet vijabbli komuni; jiddispjaċih, f’dan ir-rigward, għad-deċiżjoni li l-applikazzjoni provviżjorja tad-DCFTA ġiet posposta; jisħaq li l-ftehim u l-laqgħat ta’ djalogu trilaterali futuri m’għandhomx jipprovdu possibiltà lir-Russja li tiftaħ mill-ġdid negozjar tad-DCFTA; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta proposta ġdida għal regolament dwar l-estensjoni tal-preferenzi awtonomi għall-kummerċ kemm jista’ jkun malajr, li għandha tidħol fis-seħħ qabel l-1 ta’ Novembru 2014 hekk kif tiġi approvata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri;

16.    Jiddeplora l-użu tal-kummerċ min-naħa tar-Russja bħala strument biex tiddestabilizza r-reġjun billi tintroduċi għadd ta’ projbizzjonijiet ta’ importazzjoni fuq prodotti mill-Ukraina u l-Moldova, u aktar reċentament billi tirrinunzja ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTA) tal-Komunità ta' Stati Indipendenti mal-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova u billi konsegwentament tintroduċi mill-ġdid tariffi tal-pajjiż l-aktar favorit (MFN) għal prodotti li jkunu ġejjin minn dawn il-pajjiżi;

17     Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda l-preparament tat-tielet pakkett ambizzjuż ta’ assistenza makrofinanzjarja għall-Ukraina, kif ukoll biex ikollha rwol ewlieni fl-organizzazzjoni tal-Konferenza tad-Donaturi għall-Ukraina, li għandha ssir qabel l-aħħar tal-2014, bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u s-soċjetà ċivili; jenfasizza l-importanza ta' impenn mill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u politika u r-riforma fl-Ukraina, speċjalment fil-qafas tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ukraina mal-UE, flimkien ma' pjan ta' emerġenza kredibbli għar-rikostruzzjoni u l-iżvilupp fir-reġjuni affettwati mill-kunflitt u l-assistenza umanitarja u medika għar-refuġjati u persuni spostati;

18.    Jilqa' t-tnedija riċenti ta’ missjoni ta' riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili fil-kuntest tal-PSDK - Missjoni ta' Konsultazzjoni Ewropea (EUAM) għall-Ukraina; jenfasizza l-ħtieġa ta' riforma profonda tas-settur tal-pulizija u tal-ġustizzja u ta' tisħiħ tat-trasparenza, responsabilità, u l-kontroll demokratiku u parlamentari tal-pulizija;

19.    Jirrimarka li n-natura limitata ta' miżuri adottati mill-UE b'reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja hija dovuta wkoll għad-dipendenza qawwija tagħha fuq il-Federazzjoni Russa f'dak li jirrigwarda l-provvisti tal-enerġija; iqis li huwa ta' importanza kbira f'dan ir-rigward li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq Moska u reġimi awtoritarji oħra u li titqies il-possibilità ta' bojkott sħiħ, filwaqt li jiġu stabbiliti alternattivi konkreti biex jgħinu lil dawk l-Istati Membri li bħalissa jiddependu fuq ir-Russja bħala fornitur uniku; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex taħdem għall-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u biex tappoġġa proġetti ta' effiċjenza, peress li dan ineħħi kapaċitajiet addizzjonali tal-pipelines bħal pereżempju s-South Stream, u wkoll biex tiddiversifika b'mod effettiv is-sorsi tal-enerġija billi jiġu żviluppati enerġiji rinovabbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jimpenjawx lill-kumpaniji pubbliċi privati fi proġetti ma' kumpaniji Russi li jżidu l-vulnerabilità Ewropea u li għandhom l-għan li jiżolaw lill-Ukraina, bħas-South Stream;

20.    Jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-bżonn ta’ miri ambizzjużi u vinkolanti għall-effiċjenza tal-enerġija ta’40 % u enerġiji rinnovabbli ta’ 45 % fid-diskussjonijiet qafas tal-2030, sabiex jinħolqu impjiegi tal-UE f’dawn is-setturi, tiżdied is-sigurtà tal-provvista, jitwettqu l-miri relatati mal-klima u titnaqqas id-dipendenza Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fossili; jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru jadotta pjan ta’ emerġenza ambizzjuż u komprensiv għax-xhur li ġejjin, billi jinkludi wkoll il-pożizzjonijiet tal-persuni interessati rispettivi u lill-Parlament Ewropew;

21.    Jistieden lill-UE tikkunsidra l-ħżin tal-gass, l-interkonnetturi u l-faċilitajiet ta’ flow-back bħala assi strateġiċi, u għaldaqstant tirregola s-sehem ta' partijiet kontraenti tan-negozju ta’ partijiet terzi f’dawk is-setturi kruċjali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jikkanċellaw il-ftehimiet ippjanati mar-Russja fis-settur tal-enerġija, inkluż iċ-ċelloli tal-fjuwil nukleari, il-vjeġġ ta' skart ta’ teknoloġija nukleari, kif ukoll il-pipeline tal-gass South Stream;

22.    Jilqa' l-miżuri inizjali adottati mill-Kummissjoni biex l-Ukraina tkun tista' tindirizza l-kriżi tal-enerġija wara d-deċiżjoni tar-Russja li taqta' l-provvisti tal-gass lill-pajjiż, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jassistu u jappoġġaw lil Kyiv fl-isforzi tagħha biex issolvi t-tilwima dwar il-gass li ilha għaddejja ma’ Moska;

23.    Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni soċjali drammatika fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Ukraina biex jiżvela kompletament il-kundizzjonijiet marbuta mal-ftehim mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), u jappella għal miżuri ta' akkumpanjament maħsuba biex itaffu s-sitwazzjoni attwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni; huwa tal-fehma li l-kundizzjonijiet tal-FMI jistgħu jżidu t-tensjonijiet interni u jwasslu għal tnaqqis rapidu tal-pagi u tal-impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika, li jistgħu jwasslu, bħala effett indirett, għal żieda fil-korruzzjoni; jirrimarka li r-riskju ta' mard infettiv qed jiżdied fl-Ukraina, peress li l-pajjiż issa qed jiffaċċja nuqqas serju ta' tilqim minħabba dewmien fil-proċess tal-akkwist tal-istat u ż-żidiet fil-prezzijiet wara l-iżvalutar tal-munita lokali;

24.    Jieħu nota tar-rapport preliminari tal-esperti dwar il-kraxx tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines; jitlob aċċess sħiħ u mingħajr restrizzjoni għall-esperti fiż-żona ta' fejn seħħ il-kraxx sabiex ikunu jistgħu jikkonkludu l-investigazzjoni tagħhom;

25.    Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u imparzjali tal-avvenimenti fatali li seħħew f'Odessa fit-2 ta' Mejju 2014, kif ukoll delitti oħra kontra l-umanità li seħħew minn Novembru 2013, bl-inklużjoni ta' komponent internazzjonali qawwi u taħt is-superviżjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, u li dawk responsabbli biex jitressqu quddiem il-qrati; jinsab konvint li hija biss l-investigazzjoni effettiva ta' dawn id-delitti reati li tista' tgħin lis-soċjetà tal-Ukraina u lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi jerġa' jkollhom fiduċja fl-istituzzjonijiet;

26.    Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-raba’ rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni mill-Ukraina tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża u d-deċiżjoni tal-Kunsill biex l-Ukraina tgħaddi għat-tieni fażi; Jinsisti fuq il-finalizzazzjoni malajr tar-reġim mingħajr viża bejn l-UE u l-Ukraina għala reazzjoni konkreta għall-aspirazzjonijiet Ewropej għan-nies li pprotestaw f'Maidan Square; itenni t-talba tiegħu, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viża temporanji, sempliċi ħafna u rħas;

27.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri ta’ urġenza neċessarji, wara l-embargo tar-Russja fuq il-prodotti agrikoli tal-UE, biex tistabbilizza s-swieq agrikoli fil-pajjiżikkonċernati , tagħti prijorità lill-użu mtejjeb tas-swieq interni u l-ipproċessar tal-prodotti fejn hu possibbli, tevita l-irtirar mis-suq (qerda) u l-esportazzjonijiet issussidjati lejn pajjiżi terzi, speċjalment pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jistenna f’dan ir-rigward, is-solidarjetà u l-aġir kummerċjali korrett tal-pajjiżi terzi marbutin mill-qrib mal-UE fir-rigward ta’, b’mod partikolari, pajjiżi kandidati;

28.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.