MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
16.9.2014 - (2014/2841(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Valentinas Mazuronis, Iveta Grigule f'isem il-Grupp EFDD
B8‑0129/2014
riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sħubija tal-Lvant u l-Ukraina,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar l-Ukraina tal-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-azzjonijiet tar-Russja jiksru d-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali li għandha skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE u l-Memorandum ta' Budapest dwar il-garanziji ta' sigurtà għall-Ukraina;
1. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu favur l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina;
2. Jistieden lill-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin, biex jieqaf jipprovdi kwalunkwe tip ta' appoġġ għas-separatisti li jokkupaw il-parti tal-lvant tal-Ukraina, biex jirtira t-truppi kollha illegali mit-territorju tal-Ukraina, biex jeħles il-priġunieri tal-gwerra u biex jirrispetta b'mod strett il-pjan għall-waqfien mill-ġlied , li hu l-aħjar għażla biex is-sitwazzjoni ma tkomplix taggrava u jkun hemm il-paċi;
3. Jistieden il-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem, il-missjoni ta' monitoraġġ speċjali OSCE u organizzazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni b'mod attiv fiż-żoni tal-fruntiera tal-Ukraina li jinsabu maħkuma mill-kunflitt, sabiex jiġi evitat reati tal-gwerra u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;
4. Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa' unita fir-rigward tal-pakkett l-ġdid ta' sanzjonijiet;
5. Jieħu nota tad-deċiżjonijiet ġodda mill-kumpanija tal-gass Russa Gazprom biex tillimita provvisti tal-gass lil xi Stati Membri u jemmen li l-pajjiżi Ewropej li jiddependu fuq gass Russu li jgħaddi minn fuq it-territorju Ukrain għandhom, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jippreparaw għal deċiżjoni favur il-qtugħ fil-provvista tal-gass;
6. Jinnota l-miżuri eċċezzjonali li ttieħdu mill-Kummissjoni għall-istabilizzazzjoni tas-swieq agrikoli u tal-ikel tal-UE, iżda jidhirlu li għandu jsir ħafna aktar biex jittaffew l-effetti tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni mir-Russja fl-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar ħażin, b'mod partikolari l-Istati Baltiċi; jitlob għal solidarjetà tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ speċifiku għas-settur agrikolu fl-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar ħażin;
7. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ kollu possibbli u l-parir tekniku meħtieġ lill-Ukraina, b'mod partikolari bil-ħsieb li jsiru preparazzjonijiet għall-elezzjonijiet nazzjonali li ġejjin f'Ottubru, fejn jittieħdu miżuri għar-riżoluzzjoni tal-kriżi ekonomika li kull ma tmur qed tiggrava, u tiġi implimentata l-aġenda ta' riforma tal-gvern u jitħaffef l-iżvilupp tal-kapaċità ċivili;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.