MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva ISIS
16.9.2014 - (2014/2843(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Javier Couso Permuy, Pablo Iglesias, Younous Omarjee, Marina Albiol Guzmán, Paloma López, Miloslav Ransdorf, Sabine Lösing, Fabio De Masi, Helmut Scholz, Kostas Chrysogonos, Sofia Sakorafa, Georgios Katrougkalos, Martina Michels, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL
B8‑0130/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva ISIS
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2118 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Settembru 2013 dwar il-Lvant Nofsani (S/RES/2118 (2013)),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014[1] u tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-Iraq: is-sitwazzjoni tal-gruppi minoritarji, inklużi t-Turki Iraqini[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2013[4] dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni ta' ċerti komunitajiet vulnerabbli,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014[5] u tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja sa minn meta faqqgħet il-vjolenza settarja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013 u tat-30 ta’ Awwissu 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2014 u tal-14 ta’ April 2014 dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Awwissu 2014, tat-23 ta' Ġunju 2014 u tal-14 ta’ Frar 2014 dwar l-Iraq,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar ir-rifuġjati,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-14 ta' Settembru 2014 li tiddeplora l-qtil 'faħxi' mill-militanti Iżlamiċi tal-ħaddiem Brittaniku li jipprovdi l-għajnuna,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fid-29 ta' Ġuju 2014 l-IS ipproklama "kalifat" jew "Stat Iżlamiku" fit-territorji taħt il-kontroll tiegħu fl-Iraq u fis-Sirja; billi l-mexxej tiegħu, Abdu Bakr al Baghdadi, ġie ddikjarat kalif; billi l-IS issa jikkontrolla partijiet kbar tal-Iraq u tas-Sirja, b'madwar 30 000 ġellied u jixtieq jestendi l-"kalifat" tiegħu għar-reġjun;
B. billi skont in-NU 'l fuq minn 191 000 ruħ mietu fis-Sirja f'kunflitt ta' tliet snin bejn il-gvern u il-gruppi tal-oppożizzjoni; billi 'gruppi tal-oppożizzjoni jew ribelli', inklużi gruppi bħall-IS (l-Istat Iżlamiku) jew Jabhat al-Nusra, jikkostitwixxu taħlita kumplessa ta' gruppi armati, inklużi fazzjonijiet ġiħadisti;
C. billi fost dawn il-gruppi kollha, l-IS għandu l-akbar riżorsi ekonomiċi, billi żgura sorsi ta' introjtu sinifikanti billi ssakkeġġja banek u negozji fit-territorji li jikkontrolla, ħa f'idejh bjar taż-żejt importanti fis-Sirja, u jirċievi finanzjament minn donaturi, b'mod partikolari fl-Arabja Sawdija, fil-Qatar, fil-Kuwajt u fl-Emirati Għarab Magħquda;
D. billi d-diżintegrazzjoni tal-fruntiera ta' bejn l-Iraq u s-Sirja, immotivata mill-kunflitt fiż-żewġ pajjiżi, forniet lill-IS b'opportunitajiet biex itejjeb il-preżenza tiegħu fiż-żewġ pajjiżi; billi l-IS kien ittollerat jew anke appoġġjat minn partijiet tal-popolazzjoni Sunni diżilluża fl-Iraq;
E. billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (l-OCHA) 2.9 miljun refuġjat ħarbu 'l barra mill-pajjiż biex jaħarbu l-ġlied fis-Sirja; billi 1.2 miljun Iraqi ġew spustati internament; billi 10.8 miljun Sirjan jeħtieġu għajnuna umanitarja u miljun Iraqi qed jgħixu f'kampijiet tar-refuġjati jew qed jirċievu provvisti ta' emerġenza; billi ż-żieda f'daqqa fl-IS ipproduċiet kriżi umanitarja, b'mod partikulari l-ispustament massiv taċ-ċivili;
F. billi huwa stamt li aktar minn 10 000 barrani qed jiġġieldu fi ħdan dawn il-gruppi armati; billi l-fatt li għexieren minnhom huma ċittadini tal-UE allarma lill-gvernijiet tal-Punent rigward riperkussjonijiet koroh; billi diversi eluf ta' ġiħadisti huma ċittadini ta' Stati Membri tal-UE bħar-Renju Unit jew il-Belġju; billi l-periklu li l-kunflitt jinfirex mar-reġjun kollu u aktar minn hekk qed isir realtà tal-waħx;
G. billi l-Qatar u l-Arabja Sawdija fornew armi lill-gruppi tar-ribelli Sunni u t-Turkija ħalliet ġellieda Sunni, inklużi ġiħadisti mill-al-Qaeda u l-IS, jaqsmu l-fruntiera għas-Sirja;
H. billi fl-10 ta' Ġunju, sitt xhur wara l-ħtif ta' Fallujah, il-militatni tal-ISIS nedew offensiva kbira fit-Tramuntana tal-Iraq u ħadu Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-pajjiż, f'jumejn biss hekk kif 30 000 suldat ħallew l-armi tagħhom u ħarbu; billi l-ġiħadisti rnexxielhom javvanzaw 'l isfel bl-appoġġ ta' nies tat-tribù Sunni Għarab u ta' gruppi militanit oħra, jaħtfu sensiela ta' bliet, bażijiet militari u raffineriji taż-żejt qabel ma twaqqfu ftit 'il bogħod minn Baghdad;
I. billi l-president tar-reġjun Kurd awtonomu fit-Tramuntana tal-Iraq, Massour Barzani, talab lill-parlament reġjonali jipprepara għal referendum dwar l-indipendenza;
J. billi fit-2 ta' Awwissu ġellieda tal-IS resqu aktar lejn it-Tramuntana tal-Iraq, għelbu lill-forzi Kurdi Peshmerga li kienu marru fiż-żoni abbandunati mill-armata Iraqina; billi l-belt ta' Sinjar ġiet invażata u l-belt strateġikament importanti Mosul dam, li tforni l-ilma u l-elettriku lill-partijiet kbar tal-Iraq inħatfet ukoll u l-ġellieda tal-IS waslu 40 kilometru 'il bogħod minn Irbil, il-belt kapitali tal-Kurdistan Iraqina;
K. billi wara din l-operazzjoni għexieren ta' għeluf ta' persuni ħarbu minn djarhom, b'mod partikolari membri ta' minoritajiet reliġjużi; billi ħafna Yazidi ġew maqtula u xi 50 000 inqabdu fuq il-Muntanja Sinjar mingħajr ikel jew xorb f'kundizzjonijiet diffiċli ħafna;
L. billi fil-11 ta' Awwissu 2014 id-Deputat Kelliem tal-Parlament Xiiti tal-Iraq, Haidar al-Abadi, intalab jifforma gvern ġdid inkluż mexxejja ġodda tal-fazzjonijiet reliġjużi, etniċi u politiċi; billi din il-bidla kienet inizjalment irrifjutata minn Nouri Maliki, iżda fl-aħħar qabel li jirreżinja; billi x-xejikki tat-tribujiet u l-kleriċi Sunni Iraqi joffru appoġġ kundizzjonali lil Abadi;
M. billi fit-13 ta' Awwissu 2014 il-militanti tal-IS nedew offensiva fil-Grigal tas-Sirja, qabdu diversi rħula u mxew sa 50 kilometru 'l bogħod mis-subborgi ta' Aleppo kkontrollati mill-oppożizzjoni u f'żona ta' sparar mill-ajru ta' qagħdiet tar-ribelli ewlenin li jwasslu għall-fruntiera tat-Turkija;
N. billi fit-18 ta' Awwissu truppi Iraqini u ġellieda tal-Peshmerga reġgħu ħadu Mosul dam;
O. billi fl-20 ta' Awwissu 2014 l-IS ippubblika vidjo juri l-qtil ta' James Foley, ġurnalist Amerikan li kien inħataf fit-Tramuntana tas-Sirja fl-2012; billi huwa maħsub li dan il-grupp għandu madwar 20 ostaġġ barrani;
P. billi fit-13 ta' Settembru 2014 l-IS ħareġ vidjo juri l-qtugħ tar-ras ta' ostaġġ u ħaddiem li jipprovdi l-għajnuna mir-Renju Unit David Haines; billi hedded li joqtol it-tieni ċittadin Brittaniku, Alan Henning;
Q. billi l-IS qed jiġi akkużat minn NU li wettaq 'atroċitajiet tal-massa' u delitti tal-gwerra; billi ġie akkużat ukoll mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet umani b'tindif etniku ta' gruppi ta' minoranzi fit-Tramuntana tal-Iraq;
R. billi l-IS diġà kien fil-mira tal-Istati Uniti fl-Iraq b'attakki mill-ajru fl-aħħar ġimgħat; billi s'issa kważi 40 pajjiż, inklużi 10 stati Għarab, x'aktarx li jappoġġjaw pjan immexxi mill-Istati Uniti biex jindirizzaw dan il-grupp estremist; billi l-President tal-Istati Uniti Barack Obama kkonferma li l-Istati Uniti ħa tagħti bidu għal strateġija fit-tul biex 'tgħin tegħleb l-Istat Iżlamiku', billi l-Awstralja ħabbret li ħa tibgħat 600 truppa fir-reġjun qabel operazzjonijiet ta' taqbid possibbli kontra l-militanti tal-IS fl-Iraq;
S. billi fit-12 ta' Settembru 2014 l-Armata Libera Sirjana u l-IS iffirmaw ftehim ta' 'nonaggressjoni' fejn 'iż-żewġ partijiet jirrispettaw tregwa sakemm tinstab soluzzjoni finali u wegħdu li ma jattakkawx lil xulxin għaliex huma jqisu lir-reġim Nussayri bħala l-għadu ewlieni';
T. billi l-Kristjani li jgħixu fiż-żoni taħt il-kontroll tal-IS u li jixtiequ jibqgħu hemm għandhom tliet għażliet: jikkonvertu għall-Iżlam, iħalsu imposta fuq ir-reliġjon jew mewt; billi sa mill-invażjoni tal-Istati Uniti fl-Iraq fl-2003 minn tal-anqas nofs il-Kristjani fl-Iraq huma maħsuba li ħallew il-pajjiż;
U. billi parti kbira mill-aktar minn nofs miljun refuġjat Palestinjan irreġistrati fis-Sirja reġgħu sfaw rifuġjati għat-tieni darba għaliex kellhom jaħarbu mill-kampjiet tar-rifuġjati u minn bliet fis-Sirja minħabba li gruppi militari daħlu fil-kampijiet u okkupawhom, bi ksur tan-newtralità tar-rifuġjati;
V. billi fil-15 ta' Settembru 2014 Franza organizzat konferenza ta' diplomatiċi minn 20 pajjiż dwar is-sigurtà Iraqina; billi din il-konferenza tiġi qabel laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU l-ġimgħa li ġejja u laqgħa tal-kapijiet ta' stat fl-Assemblea Ġenerali tan-NU aktar tard dan ix-xahar;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki li twettqu mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku kontra l-popli u l-istati tal-Iraq u tas-Sirja, li wasslu għal eżekuzzjoni sommarja, qerda u vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili; jesprimi s-simpatija u l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi; isejjaħ għar-rilaxx immedjat, sigur u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha miżmuma ostaġġi minn dan il-grupp terroristiku;
2. Iwissi kontra r-riskju li jgħaddu mit-triq ta' gwerra reliġjuża; jissottolinja, madankollu, li l-awtoritajiet Musulmani bħal Mufti tal-Eġittu u mexxejja Musulmani fir-Renju Unit rrifjutaw li jqisu l-IS bħala Iżlamiku u lanqas bħala Stat u kkundannawh billi jqisu l-azzjonijiet tiegħu bħala ksur tal-prinċipji Iżlamiċi kif ukoll bħala thedida għall-Iżlam u l-Musulmani madwar id-dinja;
3. Jiddeplora l-vjolenza dejjem tiżdied mill-IS, jikkundanna l-użu ta' vjolenza li rriżulta f'numru għoli ta' ċivili midruba u maqtula kif ukoll numru għoli ta' nies spustati; jitlob li dawk responsabbli għal ksur jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali jinżammu responsabbli tal-azzjonijiet tagħhom;
4. Jitlob li tinżamm konferenza għall-paċi internazzjonali li tinkludi atturi reġjonali bħall-Iran sabiex tiġi promossa soluzzjoni politika għall-kunflitt;
5. Huwa b'mod qawwi kontra kull intervent militari estern fis-Sirja; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li l-partijiet kollha jieħdu sehem fi djalogu paċifiku u politiku; jistedinhom jiftehmu dwar waqfien mill-ġlied immedjat bħala kundizzjoni biex isir djalogu politiku inklussiv sabiex jingħata bidu għal rikonċiljazzjoni u sabiex jgħin biex terġa' tinkiseb l-istabbiltà fil-pajjiż;
6. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja li tissalvagwardja l-għaqda, l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tas-Sirja, u tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tas-Sirjani kollha, tkun xi tkun l-appartenenza etnika jew reliġjuża tagħhom; jenfasizza l-fatt li ma hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt u jitlob għal waqfien mill-ġlied immedjat biex jintemm it-tixrid tad-demm; jesprimi s-sogħba profonda tiegħu quddiem l-għadd enormi ta' mwiet u t-tbatija kbira kkawżata lill-popolazzjoni ċivili;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern Sirjan u lill-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana, kif ukoll lill-partijiet interessati kollha u lill-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jagħmlu ħilithom ħalli jsir progress fil-fażi l-ġdida ta' taħditiet fil-Konferenza ta' Ġinevra;
8. Jitlob lill-atturi barranin li jwaqqfu kull esportazzjoni u konsenja tal-armi lir-reġjun; jitlob, b'mod partikulari, lill-istati nfushom u lill-pajjiżi tal-Punent biex iwaqqfu l-finanzjament ta' kwalunkwe milizzja u, b'mod partikolari, biex jieqfu jixtru żejt minn bjar taż-żejt li l-IS għandu taħt idejh li jiġi kkonsenjat permezz ta' trakkijiet li jgħaddu mit-Turkija;
9. Jinsisti li l-pajjiżi kollha involuti jwaqqfu kull forma ta' għajnuna lill-gruppi armati li qed jiġġieldu fis-Sirja u jpoġġi pressjoni fuq il-gruppi li għandhom rabtiet magħhom biex jirtiraw il-ġellieda barranin tagħhom biex jevitaw aktar frix ta' ġlied fil-pajjiżi tal-viċinat;
10. Jinsisti li d-destin tas-Sirja fil-futur jeħtieġ li jinżamm sod f'idejn il-poplu Sirjan; jappoġġja soluzzjoni politika għall-kunflitt maqbul mis-Sirjani, bla kwalunkwe forma ta’ intervent barrani, li jippermetti djalogu nazzjonali inklussiv immirat lejn indirizzar effikaċi tal-aspirazzjonijet u l-preokkupazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan għal bidliet politiċi u demokratiċi; jitlob lill-komunità internazzjonali tappoġġja soluzzjoni interna u proċess immexxi mis-Sirja;
11. Jemmen li l-invażjoni tal-Iraq u l-interferenza barranija fl-affarijiet interni tas-Sirja kkontribwixxew għad-dehra u l-firxa tal-IS; jiddenunzja r-rwol li kellhom b'mod partikulari l-Istati Uniti, l-Istati Membri tal-UE, l-Arabja Sawdija u t-Turikija;
12. Jenfasizza l-fatt li l-kunflitt kompla jiħrax minħabba l-kummerċ tal-armi u l-forniment tal-armi u anki ta' tagħmir mhux letali; jitlob lill-pajjiżi kollha involuti jwaqqfu kull forma ta' għajnuna diretta lill-gruppi armati;
13. Jappoġġja lill-istati Iraqi u tas-Sirja u lill-forzi Kurdi fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu tal-IS; jenfasizza l-fatt li r-rispons tas-sigurtà jeħtieġ ikun msieħeb ma' soluzzjoni politika sostenibbli li tinvolvi lill-komponenti kollha tas-soċjetà f'kull każ u li tindirizza l-ħtiġijiet tagħhom;
14. Jenfasizza l-fatt li fil-ġlieda kontra l-IS għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jitlob lill-Gvernijiet tal-Iraq u tas-Sirja jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni għall-popolazzjoni tal-pajjiżi tagħhom;
15. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-kriżi umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja, li kienet aggravata mill-IS, li ġiegħel lil mijiet ta' eluf ta' refuġjati mġegħla jaħarbu djarhom; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jagħmlu r-riżorsi finanzjarji u umanitarji kollha meħtieġa disponibbli sabiex jgħinu lir-refuġjati; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' forniment ta' għajnuna umanitarja xierqa għal dawk spustati;
16. Jitlob lill-UE iżżid l-appoġġ u l-assistenza internazzjonali għar-rifuġjati, sew għal dawk li huma spustati internament kif ukoll għal dawk li jaqsmu f'pajjiżi tal-viċinat; jiġbed l-attenzjoni għall-għadd dejjem jikber ta' rifuġjati li qed jissugraw ħajjithom f'dgħajjes miftuħa biex jaħarbu lejn l-Ewropa, u jitlob li dawn jingħataw ażil u sostenn;
17. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ekonomika u politika attwali fl-Iraq, li qed tiggrava l-kundizzjonijiet tal-ħajja fraġli tal-popolazzjoni, jirriafferma l-impenn tiegħu għas-sovranità, l-indipendenza u l-intergrità territorjali tal-Iraq; itenni l-appoġġ tiegħu għad-dritt inaljenabbli tal-popli li jkollhom aċċess għar-riżorsi ta' pajjiżhom u kontroll fuqhom;
18. Iwissi dwar ir-riskju tal-frammentazzjoni tal-Iraq fi tliet żoni differenti fuq bażijiet ta' denominazzjoni reliġjuża jew bażijiet etniċi li jimpedixxu l-eżistenza ta' ċittadin Iraqi u tal-proġett ta' denominazzjoni reliġjuża multipla demokratiku;
19. Huwa tal-opinjoni li l-prattiċi terroristiċi tar-radikalisti Iżlamiċi qed ikunu għodda biex jindebolaw il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u jiċħdu l-eżistenza ta' kwalunkwe stat b'saħħtu li jista' juża r-rivakati tas-settur taż-żejt tiegħu għall-ivilupp ekonomiku u soċjali tiegħu nnifsu;
20. Jitlob għal konferenza internazzjonali taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-pajjiżi tal-viċinat fir-reġjun tippermetti l-parteċipazzjoni tal-gruppi diversi Iraqini kollha u tippromwovi l-formazzjoni ta' gvern unit li jtemm il-politiki settarjani u vjolenti kollha fil-pajjiż;
21. Jikkundanna l-allegat ibbumbardjar selettiv permezz ta' droni jew l-introduzzjoni ta' truppi barranin fit-territorju; jiddenunzja l-attentat minn NATO biex tbiddel il-kompiti ta' paċi u ta' stabbilizzazzjoni li jistgħu jiġu implimentati biss b'kunsens wiesa' fil-qafas tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;
22. Jemmen li r-rispett sħiħ għall-indipendenza u s-sovranità tal-istati bħall-Iraq, is-Sirja u l-Libja hija l-unika garanzija li tista' tevita l-firxa tal-IS u aktar tbatija lill-popli tagħhom;
23. Jitlob li l-Kunsill tal-UE ikun minn ta' quddiem fit-tlaqqigħ ta' konferenza internazzjonali dwar il-projbizzjoni u l-qerda ekoloġika tal-armi tal-qerda tal-massa madwar id-dinja kollha – inklużi dawk nukleari, kimiċi u batterjoloġiċi;
24. Jaqgħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni , lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Iraq, lill-presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tar-Repubblika tal-Iraq, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran u lil-Lega Għarbija.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2014)0011.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2014)0171.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0101.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2014)0461.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2014)0099.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2013)0378.