Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0132/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0132/2014

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

    16.9.2014 - (2014/2844(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Geoffrey Van Orden, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0111/2014

    Proċedura : 2014/2844(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B8-0132/2014
    Testi mressqa :
    B8-0132/2014
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B8‑0132/2014

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

    (2014/2844(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja,

    –       wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari Libjani li saru f'Ġunju 2014,

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tappella għal waqfien mill-ġlied immedjat fil-Libja, djalogu politiku inklużiv u t-trasferiment tal-armi,

    –       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014,

    –       wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Mibgħuta Speċjali għal-Libja tal-Lega Għarbija, l-Unjoni Ewropea, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti man-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta' Lulju bil-għan li jiddiskutu l-iżviluppi reċenti fil-Libja,

    –       wara li kkunsidra l-konklużjoni tat-tielet laqgħa ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab li saret f'Ateni fil-11 ta' Ġunju 2014,

    –       wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet l-aktar reċenti tal-11 ta' Settembru 2014 tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali u Kap tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL), Bernardino León,

    –       wara li kkunsidra r-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tal-4 ta' Settembru 2014 li ddeskriva fid-dettall abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fi Tripli u f'Bengażi,

    –       wara li kkunsidra l-prijoritajiet ta' kooperazzjoni għall-Viċinat tan-Nofsinhar għas-snin li ġejjin kif stabbiliti fl-Istrument Ewropew ta' Viċinat għal dak li għandu x'jaqsam mal-Libja,

    –       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 lill-Kunsill rigward in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja,

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Baħar Mediterran[1],

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.     billi fl-2011 l-gvern awtokratiku tal-Kurunel Muammar Gaddafi, li dam 42 sena, inġieb fi tmiemu wara rvellijiet u gwerra ċivili li damu sitt xhur; billi, f'Ottubru ta' dik is-sena, il-grupp ta' oppożizzjoni ewlieni, il-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni ddikjara l-pajjiż bħala uffiċjalment "liberat" u wiegħed li jbiddel lil-Libja fi stat pluralista u demokratiku; billi f'Awwissu 2012, il-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni għadda l-poter lill-parlament Libjan li kien għadu kif ġie elett, il-Kungress Nazzjonali Ġenerali;

    B.     billi l-aspirazzjonijiet tal-poplu Libjan, li nibtu mir-rivoluzzjoni tal-2011, ġew sostitwiti minn vojt ta' poter, vjolenza u instabilità politika; billi dan wassal għal bosta milizji li jiggvernaw it-territorju tagħhom stess u l-gvernijiet suċċessivi ta' Tripli jitħabtu biex jeżerċitaw l-awtorità tagħhom; billi l-klassi ta' mexxejja politiċi tal-Libja ma rnexxilhiex tikkontrolla ħafna mill-gruppi ta' milizji li waqqgħu mill-poter lil Muammar Gaddafi fl-irvellijiet tal-2011;

    C.     billi l-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju 2014 sal-lum la rnexxielhom jistabbilizzaw is-sitwazzjoni fil-Libja, la jeliminaw il-firdiet sottostanti bejn il-gruppi politiċi u armati u lanqas jiggwidaw lill-pajjiż fi triq aktar paċifika, inklużiva u demokratika;

    D.     billi l-kapitali Libjana, Tripli, għaddiet minn sitt ġimgħat konsekuttivi ta' vjolenzi minn nofs Lulju 2014 fost ġlied bejn il-fazzjonijiet rivali; billi l-bliet fil-Libja kienu t-teatru ta' rivalità u vjolenza bejn il-milizji l-oħra;

    E.     billi f'Awwissu l-uffiċjali għolja tal-gvern u l-parlament elett kienu mġiegħla jitilqu minn Tripli u jmorru fil-belt tal-Lvant ta' Tobruk minħabba raġunijiet ta' sigurtà; billi fl-1 ta' Settembru 2014 ġie rrapportat li l-milizji ħatfu l-kontroll tal-maġġor parti tal-ministeri governattivi Libjani fi Tripli;

    F.     billi l-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda issa qegħdin jappoġġaw il-parijiet rivali fl-irvellijiet interni Libjani li qegħdin jiħraxu;

    G.     billi l-vittmi ċivili, fosthom nisa, tfal u ċittadini barranin, sabu ruħhom maqbudin f'nofs il-ġlied; billi dawk li qegħdin jikkommettu l-atti ta' vjolenza dehru li ma tawx kas l-impatt eventwali ta' azzjonijiethom fuq iċ-ċivili innoċenti;

    H.     billi l-ġlied reċenti wassal għal deterjorament ġenerali tal-kundizzjonijiet ta' għajxien fil-Libja, bi skarsezza fil-provvista ta' ikel, fjuwil, ilma u elettriku; billi t-tluq tal-persunal mediku barrani u l-iskarsezza tal-provvisti mediċi għamlu s-sitwazzjoni mwiegħra taċ-ċivili aktar kritika;

    I.      billi l-ġlied reċenti jżid il-possibilità ta' theddida ta' tixrid tal-gruppi terroristiċi; billi jekk jibqa' mhux ikkontrollat, dan jaf jaggrava s-sitwazzjoni li diġà hija instabbli fir-reġjun tal-madwar;

    J.      billi minn Diċembru 2013 għadd ta' ċittadini barranin inqatlu jew inħatfu kaġun tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà; billi f'Awwissu 2014 bosta gvernijiet tal-Istati Membri ngħaqdu mal-Istati Uniti fil-kundanna b'saħħitha tal-vjolenzi li qegħdin isiru bħalissa fil-Libja;

    K.     billi, skont rapporti, għexieren ta' ċivili nsterqu fi Tripli u f'Bengażi sempliċement minħabba l-affiljazzjonijiet, reali jew suspetta, tribali, familjari jew reliġjużi;

    L.     billi sal-lum, fl-2014 il-flotta militari Taljana salvat 60 000 migrant f'dgħajjes fi triqthom mill-Afrika ta' Fuq lejn l-Ewropa; billi huwa mifhum li dawn id-dgħajjes ġejjin prinċipalment mil-Libja; billi, skont l-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, kważi 2 000 migrant potenzjali għerqu, fosthom dan l-aħħar aktar minn 200 ruħ li tilfu ħajjithom meta d-dgħajsa tagħhom għerqet qrib Tajoura, fil-Lvant ta' Tripli; billi 500 migrant ieħor aktarx li mietu wara li d-dgħajsa tagħhom ġiet irrapportata li ntlaqtet minn bastiment ieħor viċin Malta;

    M.    billi fit-13 ta' Awwissu 2014 il-parlamentari tal-Libja adottaw riżoluzzjoni li fiha stiednu lin-Nazzjonijiet Uniti jintervjenu biex jipproteġu liċ-ċivili li jinsab fil-ġlieb li għaddej fil-pajjiż; billi fis-27 ta' Awwissu 2014 il-Kunsill tas-Sigurtà adotta riżoluzzjoni li fiha appella għall-waqfien mill-ġlied immedjat fil-Libja u għal sanzjonijiet kontra dawk involuti fil-mewġa ta' vjolenza bejn il-milizji rivali;

    N.     billi hemm il-bżonn urġenti li terġa' tinġieb il-kredibilità lill-proċess politiku fil-Libja; billi x-xettiċiżmu mifrux fost il-Libjani komuni rriżulta f'erożjoni tal-kredibilità u f'parteċipazzjoni baxxa f'dawn l-aħħar elezzjonijiet; billi t-theddida għall-proċess demokratiku, li bdiet wara l-waqgħa tal-Kurunel Gaddafi, qiegħda tikber minħabba l-vjolenza reċenti;

    O.     billi huwa stmat li almenu 100 000 Libjan ġew spostati internament minħabba l-ġlied, fosthom in-nies ta' Tawergha li kienu diġà jinsabu fil-kampijiet għall-persuni spostati mill-2011; billi, barra minn hekk, 150 000 ruħ, fosthom bosta ħaddiema migranti, telqu mill-pajjiż;

    P.     billi l-Unjoni Ewropea, mill-2011, forniet aktar minn EUR 80,5 miljun f'assistenza umanitarja biex tirrispondi għall-bżonnijiet bażiċi, tikkura lill-feruti, tgħin lir-rifuġjati u tipprevjeni l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja;

    1.      Jemmen li l-poplu Libjan jinsab f'salib it-toroq, u bis-saħħa tas-sostenn internazzjonali u tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali, tista' tingħatalhom l-għajnuna favur impenn politiku inklużiv u kostruttiv, ibbażat fuq aspirazzjonijiet u prinċipji kondiviżi, u favur it-tmiem tal-vjolenza;

    2.      Jibża' li mingħajr tali unità nazzjonali, il-Libja se tħabbat wiċċha ma' perjodu ta' kaos, frammentazzjoni politika u soċjali, vjolenza u staġnar ekonomiku; jibża' li l-vjolenza reċenti taf tkun prekursur għal gwerra ċivili totali fil-Libja;

    3.      Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-fatt li jidher li hemm ftit jew m'hemmx medjazzjoni internazzjonali ta' livell għoli intiża li ssolvi l-kriżi, kemm mill-potenzi tal-Punent, kif ukoll mill-organi reġjonali bħal-Lega Għarbija u l-Unjoni Afrikana;

    4.      Jappella b'urġenza lin-naħat kollha tal-kunflitt jieqfu mill-ostilitajiet armati kollha u jimpenjaw ruħhom fi djalogu politiku inklużiv biex jinbena Stat ibbażat fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

    5.      Iwissi kontra l-konsegwenzi gravi għal-Libja minħabba l-ġlied kontinwu, il-polarizzazzjoni politika u s-settariżmu f'mument meta l-individwi, il-komunitajiet u l-gruppi kollha jeħtieġu jikkollaboraw fl-interessi tal-unità nazzjonali, it-tiġdid demokratiku u s-sikurezza tal-poplu Libjan;

    6.      Jikkundanna l-ġlied reċenti fi nħawi bħal Tripli u Bengażi, inklużi l-bombardamenti indiskriminati tal-proprjetà residenzjali u tal-infrastrutturi pubbliċi; ikompli jikkundanna l-użu tal-inġenji tal-ajru f'dawn l-operazzjonijiet militari;

    7.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward rapporti ta' ajruplani militari tal-Emirati Għarab Magħquda li wettqu attakki mill-ajru fuq bersalli fi Tripli, u jwissi li tali azzjonijiet jagħtu sinjal ta' aggravar drammatiku tal-vjolenza reċenti, fatt li jhedded li jiġbed atturi reġjonali oħrajn fil-ġlied; jesprimi tħassib li l-Qatar sostna l-milizji Iżlamisti, anki dawk rappreżentati fil-parlament alternattiv mhux uffiċjali ta' Tripli;

    8.      Jistieden lill-gvern interim Libjan u lill-Kamra tar-Rappreżentanti jifformaw gvern inklużiv li l-għan tiegħu jkun li jwaqqaf il-vjolenza u jħares id-drittijiet u s-sigurtà tal-poplu Libjan; jirrespinġi, inkwantu illeġittimu, parlament alternattiv li jidher li ġie stabbilit fi Tripli;

    9.      Jistieden lill-Assemblea Kostitwenti tikkonkludi, bħala kwistjoni ta' urġenza, xogħolha billi tipproduċi kostituzzjoni għal-Libja li tgawdi mill-aktar sostenn estiż possibbli fost iċ-ċittadini; ikompli jsostni li tali kostituzzjoni trid twassal għal futur sostenibbli u demokratiku għal-Libja, maħluqa fuq il-prinċipji tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, u li se tikkontribwixxi għall-istabilità politika dejjiema fil-pajjiż;

    10.    Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni mwiegħra tar-rifuġjati li qegħdin jaħarbu mix-xtut Libjani lejn l-Ewropa f'dgħajjes perikolużi; jiddispjaċih immensament bil-mijiet ta' nies li mietu huma u jaqsmu l-baħar u jibża' li ħafna aktar jistgħu jmutu fi traġitti simili futuri;

    11.    Jitlob li l-UE tkompli toffri assistenza umanitarja, finanzjarja u politika fiż-żoni ta' kriżi fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani sabiex il-pressjonijiet umanitarji u migratorji jiġu indirizzati fl-għeruq kawżali tagħhom;

    12.    Jirrikonoxxi l-importanza tal-istabilità Libjana għar-reġjun tal-madwar u għall-Unjoni Ewropea, inkluż f'termini tar-rwol tagħha bħala rotta għall-flussi tal-migranti lejn l-UE;

    13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Unjoni Afrikana, lil-Lega Għarbija u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Libja.