Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0133/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0133/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

16.9.2014 - (2014/2844(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Javier Couso Permuy, Neoklis Sylikiotis, Pablo Iglesias, Marina Albiol Guzmán, Paloma López, Miloslav Ransdorf, Sabine Lösing, Fabio De Masi, Kostas Chrysogonos, Sofia Sakorafa, Georgios Katrougkalos f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2014/2844(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0133/2014
Testi mressqa :
B8-0133/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0133/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

(2014/2844(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2174 tas-27 ta' Awwissu 2014 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libja (S/RES/2174 (2014)),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1970 tas-26 ta' Frar 2011 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-paċi u s-sigurtà fl-Afrika (S/RES/1970 (2011)),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1973 tas-17 ta' Marzu 2011 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libja (S/RES/1973 (2011)),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2009 tas-16 ta' Settembru 2011 dwar il-Libja (S/RES/2009 (2011)), 2017 tal-31 ta' Ottubru 2011 dwar il-Libja (S/RES/2017 (2011)), 2022 tat-2 ta' Diċembru 2011 dwar il-Libja (S/RES/2022 (2011)) u 2040 tat-12 ta' Marzu 2012 dwar il-Libja (S/RES/2040 (2012)) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2014 u tal-15 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja[1],

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-26 ta' Lulju 2014 tal-Mibgħuta Speċjali għal-Libja tal-Lega Għarbija, l-Unjoni Ewropea, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Memo tal-Kummissjoni 14/0228 tas-27 ta' Marzu 2014 dwar il-Pakkett tal-PEV għal-Libja,

–       wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (OHCHR) tal-4 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-intervent tan-NATO, inkluż l-iskjerament fil-Libja tal-iSpecial Air Service (SAS) tar-Renju Unit fl-2011, ikkaġuna l-mewt ta' ċivili innoċenti, kriżi umanitarja u qerda enormi li wasslu għal destabbilizzazzjoni kompleta tal-istat Libjan u għal gwerra ċivili li għadha għaddejja; billi l-Libja dalwaqt tista' tkun iddikjarata stat fallut;

B.     billi l-battalji armati bejn fazzjonijiet politiċi Libjani li ilhom għaddejjin kważi bla interruzzjoni sa minn Lulju 2014 fi Tripli, f'Benghazi u f'partijiet oħra tal-pajjiż qed iwasslu għal deterjorament ulterjuri tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, popolazzjonijiet spustati u numru dejjem akbar ta' persuni mejta, inklużi tfal;

C.     billi l-unità tal-istat Libjan hija mhedda u jeżisti r-riskju veru ta' separazzjoni f'tal-anqas tliet reġjuni (Fezzan, Cyrenaika u Tripolitania) jekk ma tinstabx soluzzjoni ta' kompromess u jekk ma jinbediex proċess ta' rikonċiljazzjoni;

D.     billi f'Mejju 2014 l-ex Ġeneral Libjan Khalifa Haftar nieda l-hekk imsejħa 'Operation Dignity' biex jiġġieled kontra x-Shura Council of Benghazi Revolutionaries (SCBR), alleanza li tinkludi lil Ansar al-Sharia, unitajiet ta' Libya Shield u gruppi armati oħra;

E.     billi f'Awwissu 2014 l-ajruport internazzjonali ta' Tripli nħataf minn milizji minn Misrata (Fajr Libya) u Benghazi (Ansar Al-Sharia) li darba kienu ffinanzjati u mgħammra biex jiġġieldu kontra Muammar Gaddafi minn pajjiiż tal-Punent u stati tal-Golf;

F.     billi sadattant l-armi fornuti lir-ribelli nfirxu madwar it-Tramuntana tal-Afrika kollha u ntużaw f'kunflitti u għad-destabbilizzazzjoni ta' pajjiżi bħar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Mali u s-Sirja, u tfaċċaw fl-Alġerija wkoll;

G.     billi l-Istati Uniti jistgħu jkunu qed jikkunsidraw intervent ġdid fil-Libja; billi diversi attakki bil-lejl minn ajruplani mhux identifikati kienu diretti kontra l-forzi ta' Libya Dawn fi Tripli; billi l-EGħM u l-Eġittu ġew akkużati li mexxew dawn l-attakki; billi l-Libja keċċiet lill-attaché militari Sudaniż għall-pajjiż wara li akkużat lis-Sudan li forna l-armi lir-ribelli bl-ajru; billi l-ġirien fil-Punent tal-Libja, l-Alġerija u t-Tuneżija, qed jirrinforzaw il-fruntieri tagħhom; billi l-fluss tal-armi għal ġol-Libja għadu għaddej;

H.     billi l-Libja għadha soġġetta għall-embargo internazzjonali fuq l-armi impost fl-2011; billi uffiċjali tan-NU kellhom jirrapportaw fil-15 ta' Settembru 2014 dwar kwalunkwe ksur;

I.      billi l-milizji f'Darnah u f'Sirte diġà esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-IS fis-Sirja;

J.      billi saru elezzjonijiet fil-Libja fis-7 ta' Lulju 2012 u fl-24 ta' Ġunju 2014; billi attwalment il-pajjiż għandu żewġ parlamenti rivali, jiġifieri l-Kamra tad-Deputati, li ġiet iffurmata wara l-elezzjonijiet tal-2014 iżda li tressqet għal Tobruk wara li milizji ħadu l-kontroll tal-akbar żewġ bliet tal-pajjiż, u l-ex Kungress Nazzjonali Ġenerali, li huwa appoġġat minn milizji alleati mal-Iżlamisti u huwa bbażat fi Tripli;

K.     billi fl-2011 il-membri tan-NATO taw appoġġ sostanzjali lil parti waħda tal-gwerra ċivili fil-kunflitt Libjan – u dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali – filwaqt li qalu li ż-żona ta' divjet ta' titjiriet u l-forniment ta' armi lill-hekk imsejħa ribelli huwa konformi mal-kunċett ta' "responsabbiltà ta' protezzjoni" (R2P);

L.     billi f'Lulju 2014 il-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL), li ġiet stabbilita fl-2011 bir-riżoluzzjoni 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, irtirat il-persunal tagħha mil-Libja f'Lulju minħabba l-għeluq tal-Ajruport Internazzjonali ta' Tripli u l-impossibilità li tiggarantixxi s-sigurtà u s-sikurezza tal-UNSMIL; billi eluf ta' Libjani, membri tal-korp diplomatiku internazzjonali, il-persunal u l-attivisti kollha tal-UE ħarbu lejn it-Tuneżiija minn dak iż-żmien 'l hawn;

M.    billi l-UNSMIL tistma wkoll li tal-anqas 100 000 Libjan ġew spustati internament minħabba l-ġlied, inklużi t-Tawerghans li diġà kienu ilhom f'kampijiet ta' spustament mill-2011, u li 150 000 ruħ oħra, fosthom ħafna ħaddiema migranti, telqu mill-pajjiż biex ifittxu refuġju f'pajjiżi oħra;

N.     billi membri u alleati tan-NATO (jiġifieri l-Istati Uniti, Franza, ir-Renju Unit, il-Qatar u l-EGħM) u, inter alia, il-kumpanija Kanadiża Aeryon Labs Inc.[2] kisru l-embargo fuq l-esportazzjoni tal-armi lejn il-Libja li ġie impost bir-riżoluzzjoni 1970 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU b'reazzjoni għall-vjolenza kontinwa fil-Libja;

O.     billi f'Mejju 2013 l-UE stabbiliet il-missjoni EUBAM Libya biex tagħti appoġġ militari lill-awtoritajiet Libjani fil-protezzjoni u l-kontroll tal-fruntiera; billi l-prijorità ta' din il-missjoni hija li tipprevjeni l-fluss ta' refuġjati u ta' migrazzjoni lejn l-Ewropa u li tqiegħed il-bjar u l-impjanti taż-żejt taħt il-kontroll tal-istat; billi bi spiża ta' EUR 30 miljun, EUBAM Libya hija l-missjoni l-aktar għalja li qatt nediet l-UE; billi nofs il-baġit jintefaq fuq kumpaniji tas-sigurtà privati;

P.     billi l-Libja għandha l-għaxar akbar riżervi ta' żejt ippruvati fid-dinja u l-akbar riżervi fl-Afrika; billi 80 % tal-PDG tagħha jiddependi mis-settur taż-żejt tagħha; billi l-produzzjoni taż-żejt kienet tammonta għal 1.6 miljun barmil kuljum qabel ma intervjeniet in-NATO, filwaqt li mbagħad din iċ-ċifra niżlet għal anqas minn 200 000 barmil kuljum, u reċentement żdiedet għal 725 000 filwaqt li l-esportazzjonijiet reġgħu bdew minkejja l-kaos fil-pajjiż;

Q.     billi ċ-Ċentru ta' Kmand għall-Africa tal-Istati Uniti (AFRICOM) ippospona t-taħriġ ta' minn 5 000 sa 8 000 truppa Libjana minħabba ġlied li qed jiħrax bejn il-milizji;

R.     billi fl-14 ta' Settembru 2014 il-Parlament ibbażat f'Tobruk keċċa lill-President tal-Bank Ċentrali wara li pprova jimpedixxi li fondi li kienu ġew allokati għal-leġiżlaturi l-ġodda joħorġu mill-bank;

S.     billi dgħajsa mimlija b'sa 250 migrant diretti lejn l-Ewropa għerqet lil hinn mix-xtut tal-Libja u bosta minnhom mietu, filwaqt li 36 ruħ biss ġew salvati ħajjin; billi aktar minn 100 Afrikan mietu f'aċċident simili f'Awwissu;

1.      Itenni l-kundanna tiegħu tal-intervent militari fil-Libja mmexxi minn Franza, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Kanada taħt il-patroċinju tan-NATO li wassal għas-sitwazzjoni attwali;

2.      Jopponi bil-qawwa kull intervent militari estern ieħor fil-pajjiż; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li l-partijiet kollha jibdew djalogu paċifiku u politiku; jistieden lill-partijiet kollha biex jiftiehmu dwar waqfien mill-ġlied immedjat u biex jieqfu jiġġieldu bħala kundizzjoni biex jinbeda djalogu politiku inklużiv immexxi mil-Libjani sabiex jingħata bidu għar-rikonċiljazzjoni u terġa' tiddaħħal l-istabbiltà fil-pajjiż;

3.      Huwa mħasseb ferm dwar id-diviżjoni ekonomika u politika attwali tal-pajjiż, li qed taggrava s-sitwazzjoni fraġli tal-popolazzjoni; jirriafferma l-impenn tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Libja; itenni l-appoġġ tiegħu għad-dritt inaljenabbli tal-popli kollha li jkollhom aċċess għar-riżorsi ta' pajjiżhom stess u kontroll fuqhom;

4.      Jiddeplora l-vjolenza li qed tiżdied fil-Libja; jikkundanna l-użu tal-vjolenza li wasslet biex indarbu u mietu numru kbir ta' ċivili kif ukoll għall-ispustament tagħhom; jitlob li dawk responsabbli għal ksur jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali jinżammu responsabbli għal għemilhom;

5.      Jinkuraġġixxi lill-pajjiżi tar-reġjun, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana jappoġġaw waqfien mill-ġlied immedjat u djalogu kostruttiv biex tinstab soluzzjoni; jappoġġa, f'dan ir-rigward, inizjattivi bħal dawk tal-Alġerija bi sħab mal-ġirien tal-Libja biex jitnieda djalogu nazzjonali bejn il-fazzjonijiet li qed jiġġieldu;

6.      Jitlob li jitwaqqfu l-esportazzjonijiet u l-fornimenti kollha ta' armi lil-Libja u lir-reġjun, li jitwaqqfu l-esportazzjonijiet tal-armi lejn l-istati tal-Golf, u li jitwaqqaf il-finanzjament lill-milizji kollha mill-Istati tal-Golf u indirettament mill-pajjiiż tal-Punent, li jfisser, b'mod partikolari, it-tmiem tax-xiri ta' żejt minn bjar taż-żejt immexxija mill-milizji; jitlob li ssir investigazzjoni dwar il-ksur tal-embargo fuq l-armi impost bir-riżoluzzjoni 1970 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

7.      Ifakkar il-fatt li l-Unjoni Ewropea, ħafna mill-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti, li għal deċennji appoġġaw lil Gaddafi, u aktar tard l-intervent militari tan-NATO fil-Libja, iġorru responsabbiltà partikolari għas-sitwazzjoni attwali fil-Libja;

8.      Jesprimi tħassib kbir rigward il-kriżi umanitarja fil-Libja li ġiegħlet lil eluf ta' refuġjati jaħarbu mill-pajjiż; jinkuraġġixxi lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli jqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa biex jgħinu lir-refuġjati; jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata għajnuna umanitarja adegwata lill-persuni spustati;

9.      Jitlob lill-UE tibdel minnufih il-politika tagħha dwar ir-refuġjati mit-Tramuntana tal-Afrika; jirriafferma l-pożizzjoni tiegħu kontra Frontex u jemmen li, b'konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement minqux fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-operat tagħha m'għandux jirriżulta fir-ritorn ta' persuni fil-Libja jew fi kwalunkwe pajjiż fejn ħajjithom tkun f'riskju;

10.    Jitlob lill-UE twaqqaf il-missjoni EUBAM Libya, billi din tkompli timmilitarizza l-fruntiera Libjana u qed twassal għall-mewt tar-refuġjati; jemmen li l-UE trid tibgħat biss għajnuna umanitarja u ċivili lil-Libja;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Presidenti tal-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-EUBAM Libya, lill-UNSMIL u lill-Gvern u lill-Kamra tad-Deputati tal-Libja.