MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Iraq u s-Sirja, u l-offensiva tal-ISIS inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi
16.9.2014 - (2014/2843(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Javier Nart, Robert Rochefort, Andrus Ansip, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Ramon Tremosa i Balcells, Frédérique Ries, Petr Ježek, Gérard Deprez, Petras Auštrevičius, Johannes Cornelis van Baalen, Ivan Jakovčić, Fredrick Federley, Marietje Schaake, Louis Michel f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0109/2014
B8‑0134/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja, u l-offensiva tal-ISIS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoritajiet
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari dawk tas-6 ta' Frar 2014[1] dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u tas-17 ta' Lulju 2014[2] dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Awwissu 2014, wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq[3],
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq u s-Sirja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġttu u s-Sirja huma firmatarji tiegħu,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Iraq u s-Sirja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Iraq u s-Sirja għadhom iħabbtu wiċċhom ma' sfidi gravi fl-ambitu politiku, tas-sigurtà u soċjoekonomiku u billi x-xena politika tagħhom hija estremament frammentata u kkaratterizzata mill-vjolenza u mill-politika settarja, fatt li jmur askapitu tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Iraq u tas-Sirja għall-paċi, għall-prosperità u għal tranżizzjoni effettiva lejn id-demokrazija; billi l-President tas-Sirja, Assad u l-gvern tiegħu għadu qed iżomm sod;
B. billi s-sottogrupp dissidenti ġiħadista tal-al-Qaeda bl-isem ta' Stat Iżlamiku (IS) – dak li qabel kien l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant (ISIL) – ħakem partijiet tal-Majjistral tas-Sirja, inkluża l-akbar diga tas-Sirja u l-bażi tal-ajru strateġikament importanti Tabqa, u partijiet kbar tal-Iraq, u sussegwentament wettaq eżekuzzjonijiet sommarji ta' ċittadini, l-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Xarija, il-qerda ta' postijiet ta' qima u ta' santwarji Xiiti, Sufi, Sunniti u Kristjani; billi fl-aħħar xhur l-IS ħabat għal aktar ibliet u żoni u mmassakra, ħataf u qatel ċittadini, suldati, residenti ta' tribujiet, ġurnalisti, persunal għall-ewwel għajnuna medika, settet u minoranzi reliġjużi oħra fil-Lvant tas-Sirja u t-Tramuntana tal-Iraq, fi fluss kontinwu ta' vjolenza eċċessiva; billi n-nisa u l-bniet huma wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli fost ir-refuġjati u hemm rapporti dwar attakki deliberati fuq nisa u bniet fl-Iraq u dwar ħtif, stupru u żwieġ sfurzat minn militanti tal-ISIS u gruppi armati oħra; billi erba' miljun ċittadin huma maħsuba li qegħdin jgħixu taħt tmexxija ISIS fl-Iraq u s-Sirja, ta' spiss fi kundizzjonijiet umanitarji deplorabbli għall-aħħar;
C. billi l-implożjoni tal-Istat Sirjan, id-disintegrazzjoni tal-fruntiera bejn l-Iraq u s-Sirja u l-kunflitt settarjan ipprovdew lill-ISIS u gruppi radikali oħra bħal Jabhat Al-Nusra b'rabta mal-Al-Qaida, b'opportunitajiet biex isaħħu l-preżenza tagħhom kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq;
D. billi l-kriżi vjolenti li għaddejja fis-Sirja rriżultat fi katastrofi umanitarja ta' skala mingħajr preċedent fl-istorja, b'aktar minn 191,000 persuna maqtula, ħafna minnhom nies ċivili, aktar minn 6.4 miljun persuna spostata internament, u aktar minn 3 miljun refuġjat Sirjan, prinċipalment fil-Libanu (1.17 miljun refuġjat), it-Turkija (832,000 refuġjat), il-Ġordan (613,000 rifuġjat), l-Iraq (21,500 refjuġjat) u l-Eġittu u l-Afrika (162,000 refjuġat); billi minoranzi etniċi u reliġjużi, kif ukoll nisa u tfal, isibu ruħhom f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli f'din il-kriżi; billi kważi wieħed minn kull ħames persuni spostati fid-dinja huma refuġjati Sirjani; billi 145,000 nisa refuġjati Sirjani li qegħdin imantnu familja, qed jaffaċċjaw ġlieda impossibbli għas-sopravivenza; billi skont UNRWA, minn fost madwar 540,000 refuġjat Palestinjan rreġistrati mal-UNRWA fis-Sirja, aktar minn 50 fil-mija huma stmati li ġew spostati ġewwa is-Sirja jew fil-pajjiżi ġirien; billi n-NU ddeskriviet il-kriżi Sirjana bħala l-agħar kriżi umanitarja fl-istorja reċenti;
E. billi l-UNHCR iddikjara li kważi 50 % tas-Sirjani kollha tilfu djarhom u 40 % tar-refuġjati ġew sfurzati jsofru kundizzjonijiet ta' għajxien inadegwati; billi skont in-NU, tlieta minn kull erba' cittadini Sirjani jgħixu fil-faqar u r-rata tal-qgħad hija aktar minn 50 %; billi l-vjolenza kontinwa kellha effett ta' destabilizzazzjoni drammatika fuq il-pajjiżi ġirien, b'mod notevoli minħabba l-flussi tal-masses ta' rifuġjati; billi dawn il-pajjiżi qegħdin jaffaċċjaw sfidi domestiċi kbar waħedhom, fejn il-Lebanon u l-Ġordan huma vulnerabbli b'mod partikolari; billi l-UE qed tkompli tmexxi r-reazzjoni internazzjonali għall-kriżi Sirjana b'baġit ta' madwar EUR 2.8 biljun f'għajnuna umanitarja, għall-iżvilupp, ekonomika u għall-istabbilizzazzjoni; billi minkejja dawn l-isforzi kollha l-komunità internazzjonali qed tonqos milli tilħaq il-bżonnijiet tal-poplu Sirjan jew ta' dawk tal-pajjiżi li qed joffru kenn lir-refuġjati;
F. billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) hemm madwar 1.2 miljun persuna spostata internament (IDPs) fl-Iraq ċentrali u tat-tramuntana u madwar 1.5 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja; billi ż-żieda qawwija tal-IS ipproduċiet kriżi umanitarja, notevolment l-ispostament massiv taċ-ċivili; billi l-Kummissjoni ddeċidiet li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b'EUR 5 miljun sabiex tagħti assistenza bażika lill-persuni spostati, u b'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 17-il miljun; billi l-finanzjament umanitarju tal-Kummissjoni għall-Iraq mill-2013 issa jlaħħaq kważi EUR 59 miljun, inkluż l-ammont ta' EUR 700 000 mill-Inizjattiva Tfal tal-Paċi tal-UE;
G. billi l-UE rrikonoxxiet il-piż li tqiegħed fuq ir-reġjun tal-Kurdistan u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, li qed jospita numru kbir ta' IDPs;
H. billi ħafna Iraqqini u Sirjani baqgħu maqbudin fiż-żona tal-kunflitt, minħabba l-avvanz ta' suldati IS, jew li qed ikollhom diffikultajiet biex jilħqu punti ħielsa minn fejn jistgħu jaqsmu l-fruntiera; billi l-UNHCR qiegħed jibża' għall-ħajjiet tas-Sirjani li nqabdu ġewwa l-kamp tar-refjuġati remot ta' al Obaidi fl-Iraq wara l-aġenziji tan-NU u gruppi oħra ġew imġiegħla jabbandunaw l-uffiċċji tagħhom, filwaqt li 3 000 refuġjat Sirjan huma residenti fil-belt fil-qrib ta' Al Qaim; billi r-refuġjati huma ta' spiss imġiegħla jħallsu tixħim enormi lill-individwi u jsegwu rotot għall-ħarba tagħhom perikolużi fid-deżert tal-Ġordan;
I. . billi l-belt predominanti Kristjan ta' Mhardeh (fil-provinċja ta' Hama) issa hija taħt assedju mill-forzi Jahbat Al-Nursra b'rabta mal-Al-Qaida; billi fil-11 ta' Settembru 2014, il-forzi Jabhat Al-Nusra b'rabta mal-Al-Qaida ħelsu 45 Fiġjani li kienu stazzjonati hemmhekk bħala gwardjani tal-paċi tan-NU u li nħatfu u nżammew għal aktar minn ġimgħatejn u ġew mhedda bi proċess kriminali skont il-liġi tax-Xarija;
J. billi l-UNHCR iddikkjara li se jibqa' diffiċli ferm li wieħed jopera fiż-żona biex iċ-ċivili u r-refuġjati jingħataw l-għajnuna xierqa li għandhom bżonn; billi huwa importanti li li l-eluf ta' mijiet ta' refuġjati Sirjani u Iraqini isibu kenn qabel ma tidħol ix-xitwa;
K. billi bosta ġellieda ta' oriġini barranija jew oriġini tal-UE b'aġenda Iżlamiku radikali ġġieldu jew qegħdin jiġġieldu ġewwa ż-żona tal-kunflitt; billi ċ-Ċentru Internazzjonali bbażat f'Londra għall-Istudju tar-Radikalizzazzjoni jistma li l-għadd totali ta' ġellieda barranin fis-Sirja fil-preżent ilaħħaq bejn 11 000 u 12 000, li minnhom madwar 3 000 ġejjin mill-Punent; billi għandha tittieħed azzjoni biex dawn il-ġellieda ma jivvjaġġjawx lejn iż-żona; billi dawn iċ-ċittadini tal-UE ġew identifikati bħala riskju għas-sigurtà mill-gvernijiet tal-Istati Membri;
L. billi l-possibbiltà tqajmet biex isiru attakki mill-ajru fil-Lvant tas-Sirja mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-President Assad; billi fil-laqgħa tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014, tfasslet koalizzjoni kontra l-IS; billi a-SEAE bħalissa qed jaħdem fuq strateġija reġjonali komprensiva li tindirizza t-theddida mill-IS; billi fl-10 ta' Settembru 2014 il-President Amerikan Obama żvela l-istrateġija tiegħu għall-ġlieda kontra l-IS, li tinkludi, fost azzjonijiet oħra, kampanja sistematika ta' attakki mill-ajru kontra elementi IS "ikunu fejn ikunu", inkluż fis-Sirja, appoġġ akbar għall-forzi tal-alleati fuq l-art li qed jiġġieldu kontra l-IS, u sforzi akbar kontroterroristiċi mmirati biex jaqtgħu kull finanzjament lill-grupp; billi l-Lega Għarbija wiegħdet li se ssaħħaħ il-kooperazzjoni biex tgħeleb lill-IS fis-Sirja u fl-Iraq;
M. billi l-IS irnexxielu jikseb sorsi ta' dħul sinifikanti minn sakkeġġi ta' banek u negozji fit-territorji li jikkontrolla, waqt li ħa f'idejh sitt bjar taż-żejt fis-Sirja, fosthom l-ikbar faċilità taż-żejt tas-Sirja, al-Omar, qrib il-fruntiera mal-Iraq. L-IS jirċievi wkoll fondi mingħand donaturi għonja, b'mod partikolari mill-Arabja Sawdija, il-Qatar, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab Magħquda;
1. Jinsab imħasseb ferm dwar id-deterjorament tas-sigurtà u s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja bħala riżultat tal-okkupazzjoni ta' partijiet tat-territorju tagħhom mill-IS; jikkundanna bil-qawwa l-qtil indiskriminat u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn din l-organizzazzjoni u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra, b’mod partikolari kontra l-Kristjani u minoranzi reliġjużi u etniċi oħra bħal Yazdis, li għandhom jagħmlu parti minn Iraq u Sirja ġodda u demokratiċi, bħall-gruppi l-aktar vulnerabbli.
2. Jikkundanna bis-saħħa l-attakki mmirati lejn iċ-ċivili, inklużi l-isptarijiet, l-iskejjel u postijiet ta' talb, u l-użu tal-eżekuzzjonijiet u l-vjolenza sesswali fil-kunflitt; jenfasizza l-fatt li ma għandu jkun hemm l-ebda impunità għan-nies li jagħmlu dawn l-atti; jinsab imħasseb ferm dwar il-kriżi umanitarja u s-spostament fuq skala kbira ta' ċivili;
3. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-forom kollha ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili; jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi miżuri li jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, b'mod partikolari ż-żwieġ sfurzat tal-bniet;
4. Jilqa' t-tħabbir tal-formazzjoni ta' Gvern ġdid u inklużiv fl-Iraq, u jifraħ lil Haider al-Abadi talli ġie kkonfermat bħala Prim Ministru tal-Iraq; jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-proċess kostituzzjonali, fejn jenfasizza l-importanza ta' soluzzjoni politika għall-kriżi attwali u l-importanza urġenti li jiġi stabbilit gvern inklużiv; jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jikkontribwixxu għall-isforzi tal-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabbiltà fl-Iraq, u b'mod partikolari jħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq biex joffri l-għajnuna tiegħu lil minoranza Sunni u jirriorganizza l-armata b'mod inklużiv, mhux settarju u mhux partiġjan;
5. Ifakkar li l-instabbiltà fis-Sirja kkaġunata mill-gwerra brutali tar-reġim ta' Assad kontra l-poplu tiegħu stess, ippermettiet il-prosperità tal-ISIL. jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-involviment li dejjem qed jikber ta' gruppi estremisti Iżlamisti u barranin fil-kunflitt fis-Sirja, l-intensifikazzjoni ta' vjolenza abbażi ta' reliġjon jew etniċità fil-pajjiż, u rigward il-frammentazzjoni u d-diviżjonijiet interni kontinwi fi ħdan l-oppożizzjoni; iqis li soluzzjoni dejjiema tinħtieġ b'mod urġenti tranżizzjoni politika permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja, proċess inkluziv bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, u jkompli jħeġġeġ lill-Koalizzjoni Nazzjonali għall-Forzi Sirjani Rivoluzzjonarji u tal-Oppożizzjoni biex joħolqu oppiżizzjoni aktar magħquda, inkluziva u organizzata, kemm internament kif ukoll esternament;
6. Jenfasizza l-importanza li l-atturi kollha għandhom jipprovdu protezzjoni militari lil gruppi partikolarment vulnerabbli fis-soċjetà Iraqina u Sirjana, bħal minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi Kristjani, Yazidis u Turkmens, fil-kriżi attwali, u l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħhom f'soluzzjonijiet futuri dejjiema bil-għan li jiġu ppreservati l-ħajjiet tagħhom u tradizzjonijiet għall-koeżistenza interkulturali, interetnika u interreliġja fil-pajjiż, għal Iraq u s-Sirja ġodda fil-futur;
7. Jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mill-mexxejja tal-IS li waqqfu kalifat fiż-żoni kkontrollati minnu, u jirrifjuta l-kunċett ta' kwalunkwe bdil unilaterali permezz tal-forza fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment, filwaqt li għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tan-nies fit-territorji kkontrollati mill-IS;
8. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li s-soluzzjoni politika għandha tissalvagwardja l-unità, l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Iraq u tas-Sirja;
9. Huwa tal-fehma li djalogu u kooperazzjoni reġjonali huma meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-problemi li qed jaffaċċja r-reġjun u biex l-IS u gruppi radikali oħra jiġu aboliti; jenfasizza li l-UE għandha tiżviluppa strateġija politika komprensiva għar-reġjun u li primarjament, l-Iran, l-Arabja Sawdija kif ukoll l-Istati tal-Golf l-oħra, jeħtieġ li jiġu inklużi bħala atturi essenzjali fi kwalunkwe sforz li jwassal għat-tnaqqis tat-tensjoni fis-Sirja u l-Iraq; jistieden lill-komunità internazzjonali, speċjalment lill-UE, biex tiffaċilita dan id-djalogu u tinkludi l-partijiet sinifikanti kollha;
10. Jilqa' l-isforzi tal-Gvern tal-Iraq, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u b'kooperazzjoni man-NU, biex jiġu indirizzati b'mod urġenti l-bżonnijiet umanitarji ta' dawk li ġew spostati mill-kunflitt attwali u biex tiġi indirizzata t-theddida terroristika li qed jaffaċċaw l-Iraqini kollha, u jitlob għal intensifikazzjoni ta' dawn l-isforzi;
11. Jenfasizza li, fid-dawl tal-kobor mingħajr preċedent tal-kriżi, li tittaffa t-tbatija ta’ miljuni ta’ Sirjani li għandhom bżonn prodotti u servizzi bażiċi, għandha tkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi; iħeġġeġ mill-ġdid lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jonoraw ir-responsabbilitajiet umanitarji tagħhom u jżidu l-assistenza tagħhom lir-rifuġjati Sirjani, kif ukoll jikkoordinaw l-isforzi tagħhom b'mod aktar effikaċi f'dan il-qasam; jikkundanna t-tfixkil konsistenti ta' tentattivi ta' tqassim tal-għajnuna umanitarja u jitlob lil l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u b'mod partikolari r-reġim ta' Assad, jiffaċilitaw il-forniment ta' għajnuna u assistenza umanitarja b'kull mezz possibbli, inkluż bil-qsim tal-fruntieri u l-linji ta' kunflitt, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u l-ħaddiema umanitarji kollha; jistieden lill-UE biex tagħmel pressjoni fuq id-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom b'mod rapidu; jilqa' l-impenji mill-Istati Membri, peress li l-Unjoni hija l-ikbar donatur ta' għajnuna finanzjarja u s-sors ta' wegħdiet futuri;
12. Ifakkar fl-istqarrija mill-Koordinatur Speċjali tal-UN-OPCW, li ddikjara li 96 % tal-armi kimiċi Sirjani ġew meqruda; jitlob li l-armi li fadal jiġu diżattivati f'konformità mal-Qafas għall-Eliminazzjoni tal-Armi Kimiċi tas-Sirja;
13. Ifakkar li t-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu jikkostitwixxi waħda mit-theddidiet l-aktar serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u li l-atti kollha ta' terroriżmu, irrelevanti minn meta jitwettqu u mingħand min, huma kriminali u inġustifikabbli, irrispettivament mill-motivazzjoni warajhom; jafferma mill-ġdid li t-terroriżmu ma għandux jiġi assoċjat ma' xi reliġjon, nazzjonalità jew ċivilizzazzjoni;
14. Jesprimi t-tħassib estrem tiegħu rigward l-involviment dejjem jikber ta' ġellieda barranin fil-kunflitt, u jfakkar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2014 bl-isem "Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti"[4], li fiha tistieden lill-Istati Membri iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jostakolaw ġellieda potenzjali milli jmorru lejn is-Sirja u jerġħu jissieħbu ma' ġellieda barranin wara li dawn jirritornaw lura lejn pajjiżhom; jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni, l-involviment, ir-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, kif ukoll mat-Turkija;
15. Jilqa' d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Lega Għarbija fis-7 ta' Settembru 2014 għat-teħid ta' miżuri meħtieġa għal konfrontazzjoni mal-IS u kooperazzjoni mal-isforzi internazzjonali, reġjonali u nazzjonali biex jiġu miġġielda militanti fis-Sirja u l-Iraq, u biex tiġi approvata r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, 2170; jistieden lill-Lega Għarbija tiddiskuti l-emenda tal-Konvenzjoni Għarbija għall-ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-1998 sabiex hija stess tkun tista' tisfida t-terroriżmu globali bil-mezzi kollha possibbli, jiġifieri militarment, politikament, intellettwalment u ekonomikament.
16. Jilqa' l-laqgħa tal-Konferenza għall-Paċi u s-Sigurtà fl-Iraq, fuq inizjattiva proprja ta' Franza, u jistieden lill-Istati partijiet biex ifasslu strateġija internazzjonali għall-ġlieda kontra l-azzjonijiet terroristiċi tal-IS fir-reġjun, b'mod partikolari billli jiffriżaw il-fondi tagħhom u jrażżnu l-fluss tar-reklutaġġ tal-ġiħadisti;
17. Jilqa' l-isforzi tal-Istati Uniti u s-sħab tiegħu biex iwaqqfu l-avvanz tal-IS u jiffaċilitaw l-aċċess għall-appoġġ umanitarju; jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu li jappoġġaw id-deċiżjoni tal-Istati Membri individwali biex jingħata materjal militari lill-Iraq, inkluża l-awtorità reġjonali Kurda;
18. Huwa mħasseb li l-IS qed jiġġenera dħul mill-bejgħ taż-żejt; jieħu nota tal-intenzjoni tal-UE li tissikka s-sanzjonijiet biex l-IS ma jkunx jista' jbigħ iż-żejt; għalhekk jappella lill-UE biex timponi sanzjonijiet fuq dawk kollha (il-gvernijiet, il-kumpaniji pubbliċi jew privati) involuti fit-trasport, it-trasformazzjoni, l-irfinar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' żejt estratt f'żoni ikkontrollati mill-IS, flimkien ma' kontrolli stretti fuq il-flussi finanzjarji sabiex tiġi ostakolata l-attività ekonimika u l-isfruttament tar-rifuġji fiskali min-naħa tal-IS;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0099.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2014)0011.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0022.
- [4] COM(2013)0941.