Proċedura : 2014/2844(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0136/2014

Testi mressqa :

B8-0136/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 133kWORD 66k
16.9.2014
PE537.038v03-00
 
B8-0136/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/2844(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/2844(RSP))  
B8‑0136/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, partikolarment dik tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b'mod partikolari(1), u dik tal-15 ta' Settembru 2011dwar is-sitwazzjoni fil-Libja(2),

–       wara li kkunsidra l-ħatra ta' Bernardino León bħala r-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja fl-14 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-SEAE tas-26 ta' Lulju 2014 mill-mibgħuta speċjali għal-Libja,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-14 ta' Lulju u tal-25 ta' Awwissu 2014 tal-kelliem tas-SEAE dwar is-sitwazzjoni fil-Libja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libja, inkluża dik tas-27 ta' Awwissu 2014 (S/RES/2174 (2014)),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi mill-waqgħa ta' Muhammar Gaddafi fl-2011 l-Ewropa għadha ma kinitx kapaċi tistabbilixxi strateġija soda biex tassisti lil-Libja sabiex tikseb tranżizzjoni demokratika; billi dan in-nuqqas ta' strateġija u viżjoni wassal għall-kriżi politika u ta' sigurtà attwali fil-Libja;

B.     billi fis-16 ta' Mejju 2014 il-forzi leali lejn l-ex Ġeneral Haftar nedew offensiva indipendenti mill-ajru u mill-art fuq skala kbira, imlaqqma Operation Dignity, kontra l-gruppi armati Iżlamiċi f'Bengażi;

C.     billi fid-9 ta' Ġunju 2014 il-Qorti Suprema tal-Libja qatgħetha li l-ħatra tal-Prim Ministru Ahmed Maiteeq mill-Kungress Nazzjonali Ġenerali tmur kontra l-kostituzzjoni; billi fil-25 ta' Ġunju 2014 saru l-elezzjonijiet għal Kamra tar-Rappreżentanti;

D.     billi l-Kamra tar-Rappreżentanti eletta fil-25 ta' Ġunju 2014 ħadet post il-Kungress Nazzjonali Ġenerali preċedenti bħala l-korp leġittimu tar-rappreżentanti Libjani; billi, għal raġunijiet ta' sigurtà, il-Kamra tar-Rappreżentanti ċċaqalqet lejn Tobruk, belt żgħira fil-Lvant;

E.     billi, bi tweġiba, koalizzjoni ta' milizji Iżlamiċi u ta' Misrata nedew l-operazzjoni Libya Dawn u fit-23 ta' Awwissu 2014, wara battalja li damet għaddejja kważi xahar, ħatfu l-Ajruport Internazzjonali ta' Tripli minn idejn il-milizji ta' Zintan; billi l-Kamra tar-Rappreżentanti, il-parlament il-ġdid tal-Libja, qalet li l-gruppi li issa qed jikkontrollaw l-ajuport huma "organizzazzjonijiet terroristiċi";

F.     billi fl-24 ta' Awwissu 2014 ajruplani tal-gwerra mhux identifikati wettqu attakki fuq objettivi fil-belt kapitali tal-Libja, Tripli;

G.     billi fil-25 ta' Awwissu 2014 il-Kungress Nazzjonali Ġenerali reġa' ltaqa' u eleġġa lil Omar al-Hasi, li jgawdi l-appoġġ tal-Iżlamiċi, bħala prim ministru u talbu jifforma gvern;

H.     billi fil-25 ta' Awwissu 2014 saret laqgħa tal-pajjiżi ġirien tal-Libja fil-Kajr, li fiha l-ambaxxatur tal-Libja fl-Eġittu talab assistenza u protezzjoni minn pajjiżi barranin għall-bjar taż-żejt, l-ajruporti, u l-assi l-oħra tal-Istat;

I.      billi l-qsim illegali tal-fruntiera tal-Libja s'issa laħaq għadd rekord ta' 140 000 fl-2014; billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati rrapporta li minn Ġunju 'l hawn 1 600 persuna mietu huma u jippruvaw jaslu l-Ewropa, bl-Italja tilqa' aktar minn 80 000 migrant mill-bidu tas-sena;

1.      Jikkundanna b'mod qawwi l-vjolenza kontinwa madwar il-pajjiż, il-qtil, l-aggressjonijiet fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili u l-impatt umanitarju tagħhom; jafferma mill-ġdid l-importanza li dawk li jikkommettu reati kontra d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali jinżammu responsabbli;

2.      Jinsab imħasseb dwar id-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, l-eskalazzjoni tal-vjolenza u l-effetti tal-ġlied fuq il-popolazzjoni ċivili; jemmen li l-qagħda attwali tista' tikkomprometti l-istabbiltà, mhux biss tal-pajjiż, iżda tar-reġjun kollu kemm hu;

3.      Jafferma mill-ġdid l-importanza li l-Gvern Libjan jikkoopera mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jilqa' d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Lulju 2014 tal-prosekutur tal-QKI li fiha qalet li l-uffiċċju tagħha "mhux se jaħsibha darbtejn biex jinvestiga u jieħu passi kontra dawk li jikkomettu reati taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti fil-Libja, irrispettivament mill-istat uffiċjali jew l-affiljazzjoni tagħhom";

4.      Jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat mill-partijiet kollha; jappoġġja bil-qawwi, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali l-ġdid tan-NU Bernardino León u tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL);

5.      Jirrifjuta l-interferenzi esterni fil-Libja, li jkabbru l-firdiet li jeżistu u jikkompromettu t-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż; jinsab konvint li l-azzjonijiet militari unilaterali ma jirrappreżentawx soluzzjoni vijabbli għall-kriżi u jqisu li kwalunkwe intervent għandu jkun ta' natura paċifika u taħt l-awtorità tan-Nazzjonijiet Uniti;

6.      Jinsab imħasseb profondament dwar in-nuqqas ta' kontroll fil-fruntiera fil-Libja u t-theddida rappreżentata mit-traffikar u l-kuntrabandu ta' armi fir-reġjun, u dwar l-armi u l-munizzjon jiġru fl-idejn u t-tkattir tagħhom; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-riżoluzzjoni 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u t-twessigħ tas-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti imposti fuq il-Libja billi jiġu inklużi nies li jappoġġjaw jew huma involuti f'atti li "jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew jostakolaw jew jikkompromettu t-twettiq b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-pajjiż"; iqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma pass meħtieġ lejn tranżizzjoni politika li tirnexxi;

7.      Jirrikonoxxi l-isforzi konġunti tal-pajjiżi ġirien biex jgħinu lil-Libja toħroġ mill-kriżi, kif ukoll is-solidarjetà tagħhom ma' persuni spostati li jitilqu mil-Libja; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-Eġittu fl-organizzazzjoni tal-konferenza tal-Karj tal-25 ta' Awwissu 2014; jistieden lil dawn il-partijiet kollha jimplimentaw mill-aktar fis possibbli d-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni 2175 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-tiftix u r-rimi ta' armi;

8.      Jistieden lill-partijiet ikkonċernati internazzjonali u reġjonali jkomplu jipparteċipaw b'mod kostruttiv fl-appoġġ ta' waqfien mill-ġlied immedjat; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tibqa' involuta bis-sħiħ fl-appoġġ u l-assistenza lill-istituzzjonijiet Libjani u jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija komprensiva biex tassisti lil-Libja matul u wara t-tranżizzjoni, u biex iżżid b'mod sostanzjali l-għajnuna umanitarja tagħha hija u tassisti l-popolazzjoni; jistieden lill-Unjoni Afrikana u lil-Lega Għarbija jużaw l-influwenza politika tagħhom biex jiġi evitat li partijiet terzi jiffinanzjaw xi parti fil-kunflitt;

9.      Jistieden lill-gvern interim u lill-Kamra tar-Rappreżentanti eletta biex iwettqu l-kompiti tagħhom b'moderazzjoni u fl-interess tal-pajjiż kollu kemm hu, jistabbilixxu b'urġenza gvern tassew inklużiv u jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji biex tinstab soluzzjoni politika inklużiva li tiġbor fiha l-atturi politiċi kollha u l-minoranzi tal-pajjiż;

10.    Jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija komuni ġdida għall-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni li joriġinaw mil-Libja u mill-Afrika ta' Fuq; jemmen li l-kondiviżjoni tal-piżijiet għandha tkun il-bażi ta' strateġija bħal din; jistieden lill-UE tiżviluppa u timplimenta mezzi legali biex tipprovdi aċċess għall-UE u jistieden lill-UE tappoġġja, pereżempju permezz tal-għoti ta' livell adegwat ta' finanzjament u, possibilment, mandat akbar għall-attivitajiet tal-FRONTEX, lil dawk l-Istati Membri tan-Nofsinhar li jkollhom iġorru l-akbar piżijiet;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Unjoni Afrikana, lil-Lega Għarbija u lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Libja.

 

(1)

ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 158.

(2)

ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 114.

Avviż legali - Politika tal-privatezza