Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0211/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0211/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru

5.11.2014 - (2014/2921(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0211/2014

Proċedura : 2014/2921(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0211/2014
Testi mressqa :
B8-0211/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0211/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru

(2014/2921(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Londra u ta' Zurich għall-kostituzzjoni ta' Ċipru,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni ta' Ċipru, ratifikata fis-16 ta' Awwissu 1960,

–       wara li kkunsidra t-Trattat ta' Adeżjoni tal-2003, u partikolarment il-protokoll tiegħu dwar Ċipru,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 186 (1964) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mandat tal-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigata miż-żamma tal-paċi f'Ċipru (UN Peacekeeping Force in Cyprus - UNFICYP),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 541 (1983) u 550 (1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u r-riżoluzzjonijiet suċċessivi tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Ċipru,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,

–       wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet tat-23 ta' Ottubru 2014 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapporti ta' progress u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, fosthom ir-riżoluzzjoni tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress 2013 dwar it-Turkija[1],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta ta' Frar 2014 tal-mexxej Ċiprijott Grieg, Nicos Anastasiades, u tal-mexxej Ċiprijott Tork, Derviş Eroğlu,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija dwar l-adeżjoni mal-UE,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014'' (COM(2013)0700),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi Ċipru ilu maqsum mill-1974 meta t-Turkija invadiet it-Tramuntana bħala reazzjoni għall-kolp ta' stat militari fuq il-gżira Mediterranja appoġġat mill-Gvern Grieg; billi l-gżira ilha maqsuma minn dak iż-żmien, b'terz tat-territorju tat-Tramuntana abitat miċ-Ċiprijotti Torok u minn ċittadini tat-Turkija peninsulari li marru jgħixu fil-gżira, u fil-bqija tat-territorju miċ-Ċiprijotti Griegi;

B.     billi l-forzi għaż-żamma tal-paċi, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, jieħdu ħsieb żona ta' lqugħ (magħrufa bħala l-"linja l-ħadra") bejn iż-żewġ naħat; billi fl-1983 iż-żona fil-kontroll Tork ipproklamat ruħha bħala l-hekk imsejħa Repubblika Torka ta' Ċipru tat-Tramuntana; billi l-istatus ta' Ċipru tat-Tramuntana bħala entità separata huwa rikonoxxut biss mit-Turkija, li għandha madwar 30 000 suldat stazzjonat fit-Tramuntana tal-gżira;

C.     billi matul dawn l-aħħar 50 sena, saru bosta sforzi diplomatiċi bil-għan li tinstab soluzzjoni politika paċifika u dejjiema għas-sitwazzjoni f'Ċipru; billi l-futur ta' Ċipru jibqa' fattur importanti fl-aspirazzjonijiet tat-Turkija għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea;

D.     billi t-Turkija, għadd li hija pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE, hija l-uniku Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti li ma tirrikonoxxix ir-Repubblika ta' Ċipru, u mhijiex firmatarja tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li Ċipru ffirma u rratifika;

E.     billi l-UNCLOS tiddefinixxi qafas ġuridiku komprensiv li jistabbilixxi reġim ta' ordni pubbliku kif anki regoli li jirregolaw l-użi kollha tal-oċeani u tar-riżorsi tagħhom;

F.     billi l-UNCLOS infetħet għall-iffirmar fl-10 ta' Diċembru 1982 u rrappreżentat il-kulminu ta' aktar minn 14-il sena ħidma li involviet il-parteċipazzjoni ta' aktar minn 150 pajjiż li jirrappreżentaw ir-reġjuni kollha tad-dinja, is-sistemi ġuridiċi u politiċi kollha u l-firxa sħiħa tal-iżvilupp soċjoekonomiku; billi l-UNCLOS daħlet fis-seħħ, skont l-Artikolu 308 tagħha, fis-16 ta' Novembru 1994;

G.     billi l-acquis communautaire al-UE jeħtieġ l-adeżjoni fl-UNCLOS; billi l-Parlament, huwa u jadotta r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar it-twittija tat-triq għan-negozjati ta' adeżjoni UE-Turkija, tenna l-appell tiegħu lit-Turkija biex tiffirma l-UNCLOS;

H.     billi Ċipru u t-Turkija ilhom snin sħaħ imdaħħlin f'tilwima dwar l-estensjoni taż-żoni ekonomiċi esklussivi (ŻEE) tagħhom, mid-dehra mqanqla mill-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass fl-inħawi;

I.      billi t-Turkija topponi t-tħaffir min-naħa ta' Ċipru fl-ilmijiet rivendikati minn Ċipru skont id-dritt marittimu internazzjonali, minkejja l-garanziji li mir-riżorsi se jibbenefikaw b'mod indaqs iċ-Ċiprijotti kollha;

J.      billi fl-20 ta' Ottubru 2014 il-bastiment ta' riċerka Tork Barbaros daħal fiż-ŻEE ta' Ċipru; billi żewġ bastimenti ta' appoġġ u frejgata militari Torka ġew stazzjonati madwar 30 km fin-Nofsinhar ta' Kap Greco, it-tarf l-aktar orjentali tal-kosta tan-Nofsinhar ta' Ċipru;

K.     billi t-Turkija ħarġet "telex ta' navigazzjoni" (NAVTEX) li fiha tgħid li l-Barbaros se jiżvolġi stħarriġ sismiku fil-Mediterran mill-20 ta' Ottubru sat-30 ta' Diċembru għall-esplorazzjoni ta' kampijiet ta' gass naturali;

L.     billi skont l-istħarriġ fiż-żona, l-istimi jammontaw sa ħames triljun metru kubu ta' gass lokalizzati fl-inħawi ta' Nofsinhar ta' Ċipru;

M.    billi t-Turkija heddet bosta drabi li ma tħallix lil Ċipru jipproċedi bir-rivendikazzjonijiet tiegħu għad-depożiti ta' idrokarburi fl-ilmijiet fin-Nofsinhar tal-gżira; billi t-Turkija wissiet lill-kumpaniji internazzjonali taż-żejt biex ma jwettqux attivitajiet ta' esplorazzjoni u ta' produzzjoni fiż-żoni kkontestati, bit-theddida ta' esklużjoni mill-operazzjonijiet kummerċjali fit-Turkija;

N.     billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, ħeġġeġ liż-żewġ naħat ma jkomplux ikabbru s-sitwazzjoni biex tkun evitata kull instabilità ulterjuri f'reġjun diġà instabbli;

O.     billi t-tilwim attwali kkaġuna l-falliment tat-taħditiet intiżi li jsolvu t-tilwima li ilha għaddejja dwar Ċipru;

1.      Jesprimi tħassib gravi dwar dawn l-aħħar tensjonijiet imġedda bejn Ċipru u t-Turkija u jistieden liż-żewġ naħat juru moderazzjoni massima huma u jippruvaw isolvu d-diverġenzi attwali;

2.      Iqis ir-riżoluzzjoni tal-kwistjoni Ċiprijotta, b'tali mod li tirrispetta t-tħassib u l-interessi taż-żewġ komunitajiet, bħala ċ-ċavetta biex tiżblokka problemi pendenti oħrajn;

3.      Jesprimi diżappunt li għal darb'oħra fallew l-isforzi reċenti min-naħa tat-Turkija u tal-Greċja intiżi li jtejbu r-relazzjonijiet bilaterali bil-għan li jsolvu d-diverġenza li ilha għaddejja dwar Ċipru;

4.      Jappella għall-issuktar urġenti tan-negozjati, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, mingħajr l-ebda kundizzjoni preliminari, u jħeġġeġ lill-UE tuża l-bon uffiċji u r-riżorsi tagħha biex tgħin lil dan il-proċess u taċċerta ruħha li jasal għal konklużjoni malajr u pożittiva;

5.      Jistieden lit-Turkija tirrispetta d-drittijiet sovrani tar-Repubblika ta' Ċipru, inklużi dawk fi ħdan iż-ŻEE tagħha, u dawk relatati mal-esplorazzjoni u mal-isfruttament tar-riżorsi naturali fit-territorji jew fl-ilmijiet taħt is-sovranità tagħha;

6.      Itenni l-konvinzjoni tiegħu li t-Turkija tibqa' alleat strateġiku fil-viċinat tan-Nofsinhar tiegħu, u r-relazzjonijiet kordjali kontinwi huma fundamentali f'termini tal-politika enerġetika, tal-affarijiet barranin u tas-sigurtà;

7.      Jesiġi li l-bastimenti Torok li qegħdin joperaw fl-ilmijiet fiż-ŻEE ta' Ċipru u madwarha jiġu rtirati minnufih; ikompli jesiġi li l-Gvern Tork itemm il-ksur kontinwu tal-ispazju tal-ajru u tal-ilmijiet territorjali Griegi kif ukoll it-titjiriet tal-inġenji tal-ajru militari Torok fuq il-gżejjer Griegi;

8.      Jesprimi tħassib dwar l-eżerċizzji militari reċenti fir-reġjun bejn Ċipru, ir-Russja u l-Iżrael, u jwissi kontra kwalunkwe eżerċizzju tal-ġejjieni li jaf ikebbes it-tensjonijiet attwali;

9.      Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jissuktaw it-taħditiet immirati biex tinstab soluzzjoni paċifika u dejjiema mill-aktar fis possibbli; jemmen li tali negozjati huma l-unika triq biex tinstab soluzzjoni;

10.    Jilqa' pożittivament id-dikjarazzjoni konġunta ta' Frar 2014 tal-President Ċiprijott, Nicos Anastasiades, u tal-mexxej Ċiprijott Tork, Derviş Eroğlu, li tista' sservi ta' bażi għal perjodu mġedded ta' rispett u rikonċiljazzjoni mmirat lejn ir-riżoluzzjoni tal-qasma li ilha għexieren ta' snin;

11.    Ifakkar lit-Turkija fid-Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005, inkluż id-dispożizzjoni li r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa komponent neċessarju tal-proċess ta' adeżjoni;

12.    Jistieden lil-Gvern Tork jiffirma u jirratifika l-UNCLOS mingħajr dewmien; ifakkar barra minn hekk lit-Turkija li r-ratifika tal-UNCLOS hija rekwiżit tal-adeżjoni mal-UE skont it-termini tal-acquis Komunitarju;

13.    Isostni d-drittijiet ta' Ċipru li jressaq ilmenti formali kontra l-ksur fi ħdan it-territorju jew l-ilmijiet sovrani tiegħu lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali;

14.    Jiċħad l-affermazzjonijiet Torok li l-esplorazzjoni għall-gass min-naħa ta' Ċipru fl-ilmijiet proprji hija provokazzjoni; jikkondividi l-fehma tan-Nazzjonijiet Uniti li kull sejba ta' gass tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ komunitajiet f'Ċipru jekk tinstab soluzzjoni politika dejjiema biex jintemm il-kunflitt; jemmen li jekk tiġi amministrata kif suppost, l-iskoperta ta' riżervi sinifikanti ta' idrokarburi fir-reġjun tista' ttejjeb ir-relazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali bejn iż-żewġ komunitajiet f'Ċipru;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija.