MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru
5.11.2014 - (2014/2921(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Johannes Cornelis van Baalen, Alexander Graf Lambsdorff f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0211/2014
B8‑0212/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress dwar it-Turkija[1] u tat-13 ta' Ġunju 3013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija[2],
– wara li kkunsidra d-dħul tal-bastiment Tork tal-esplorazzjoni 'Barbaros' fl-ilmijiet taż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru t-Tnejn, 20 ta' Ottubru 2014, u d-deċiżjoni sussegwenti mill-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru t-Tlieta, 21 ta' Ottubru 2014 biex tadotta pjan bi tmien punti, li jissanzjona lill-Gvern Tork għal din l-azzjoni, inkluż bl-imblukkar mill-ġdid tal-kapitoli fin-negozjati mat-Turkija dwar adeżjoni u firxa oħra ta' miżuri politiċi u diplomatiċi,
– wara li kkunsidra l-falliment reċenti tad-taħditiet immexxija min-NU għal soluzzjoni komprensiva tad-diviżjoni ta' Ċipru, wara azzjonijiet mit-Turkija biex twettaq stħarriġ sismiku għaż-żejt u l-gass 'il ġewwa miż-żona ekonomika esklussiva li r-Repubblika ta' Ċipru qed issostni li hija tagħha,
– wara li kkunsidra l-fatt li t-Turkija ma rrikonoxxietx ir-Repubblika ta' Ċipru mid-diviżjoni ta' Ċipru fl-1974, u billi t-Turkija mhijiex firmatarja tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li r-Repubblika ta' Ċipru ffirmat u rratifikat,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi hija biss soluzzjoni komprensiva tad-diviżjoni ta' Ċipru, flimkien ma' parametri stabbiliti ta' struttura federali bikomunali u biżonali, li tiggarantixxu paċi, stabilità u vantaġġi ekonomiċi għaż-żewġ komunitajiet;
B. billi t-taħditiet għal soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru, li bħalissa huma wieqfa, jeħtieġ li jitkomplew, u billi l-appoġġ kontinwu tat-Turkija għal soluzzjoni negozjata jeħtieġ li jkun ikkontrobilanċjat b'azzjoni konkreta biex tinħoloq klima ta' fiduċja bejn il-partijiet kollha;
C. billi l-iskoperta ta' riżervi kbar ta' idrokarburi fil-Lvant tal-Mediterran u madwar Ċipru tul is-sena li għaddiet għandha tipprovdi impetu ulterjuri għal soluzzjoni politika għad-diviżjoni tal-gżira u dawn jiġu sfruttati b'modi li jkunu ta' benefiċċju għaż-żewġ komunitajiet f'Ċipru;
1. Jistieden lill-Gvern Tork jieqaf minn attivitajiet ulterjuri ta' esplorazzjoni marittima fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru, biex jirtira l-bastimenti tiegħu u jiffirma u jirratifika l-UNCLOS;
2. Jenfasizza li r-Repubblia ta' Ċipru għandha d-dritt sħiħ u sovran li tesplora r-riżorsi naturali fi ħdan iż-żona ekonomika esklussiva tagħha u li l-istħarriġ marittimu Tork għandu jitqies kemm bħala illegali kif ukoll provokattiv;
3. Jistieden lill-Kummissjoni toffri l-assistenza ġudizzjarja tagħha lir-Repubblika ta' Ċipru, lill-Greċja u t-Turkija biex tiffaċilita l-iffirmar tal-UNCLOS mit-Turkija, u taħdem fid-direzzjoni ta' soluzzjonijiet tal-kwistjoni dwar il-blata kontinentali fl-Eġew u l-konflitt attwali mar-Repubblika ta' Ċipru;
4. Jesprimi l-impenn kontinwu tiegħu u l-appoġġ tiegħu għat-taħditiet dwar ir-riunifikazzjoni, taħt l-awspiċji tan-NU, għal soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru, kif rikonfermati miż-żewġ mexxejja fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tal-11 ta' Frar 2014; jiddispjaċih li dawn it-taħditiet issa twaqqfu;
5. Jistieden liż-żewġ komunitajiet f'Ċipru, lill-Greċja u t-Turkija, jagħmlu aktar sforzi biex jappoġġjaw it-tkomplija ta' dawn id-diskussjonijiet, u biex ma jieħdu ebda azzjoni jew miżura li jistgħu jitqiesu provokattivi; jistieden lill-Kummissjoni, bħala kwistkjoni ta' emerġenza, tesplora modi biex tappoġġja t-tkomplija tat-taħditiet u tikkunsidra jekk deċiżjonijiet ulterjuri mill-UE jew involviment tagħha f'dawn it-taħditiet ikunux ta' benefiċċju;
6. Jissottolinja l-fatt li l-isfruttament tar-riżorsi tal-idrokarburi fl-ilmijiet ta' Ċipru jkunu ffaċilitati bil-kbir b'soluzzjoni tad-diviżjoni ta' Ċipru, u li normalizzazzjoni fir-relazzjonijiet mat-Turkija ġġib gwadanji ekonomiċi kunsiderevoli għat-Turkija u għaż-żewġ komunitajiet f'Ċipru;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tat-Turkija.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0235.
- [2] Testi adottati P7_TA(2013)0277.