MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel
5.11.2014 - (2014/2922(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Judith Sargentini, Heidi Hautala, Jordi Sebastià, Maria Heubuch, Bodil Ceballos, Igor Šoltes, Bart Staes, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0213/2014
B8‑0213/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi tal-2005 fis-Sudan (CPA),
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tal-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tal-1966 dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tal-1981 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fil-komunikat maħruġ mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fl-24 ta' April 2012,
– wara li kkunsidra l-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan t'Isfel, li qed tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ sa mill-bidu tal-kunflitt fil-15 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isforzi tal-komunità internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp u tal-"bini tal-istat" fis-Sudan t'Isfel[1], u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel[2],– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Jannar 2014 u tal-10 ta' Mejju 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Awwissu 2014 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta' Lulju 2014 dwar is-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2014 u tas-17 ta' Marzu 2014 dwar is-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva, tal-25 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, tat-30 ta’ Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) tal-20 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-ġlied beda fil-15 ta' Diċembru 2013, bi skontri li faqqgħu wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż u membru tal-grupp etniku Dinka, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, ta' etniċità Nuer, li ppjana kolp ta' stat kontrih, akkuża li ġiet miċħuda minn Riek Machar;
B. billi ħafna qabel ma faqqgħet il-vjolenza f'Diċembru 2013, l-istabilità politika fis-Sudan t'Isfel kienet mhedda mir-rivalità mhux solvuta u protratta bejn il-President Kiir u l-ex Viċi President Machar, li tmur lura sal-qasma fi ħdan il-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż (SPLM) bejn il-fazzjoni tal-Garang fl-1991; billi l-istrumentalizzazzjoni tal-identitajiet etniċi miż-żewġ naħat kompliet kabbret ir-rivalità politika bejn iż-żewġt irġiel dwar it-tmexxijja, il-governanza u d-direzzjoni tal-pajjiż;
C. billi l-partijiet fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel bdew negozjati fis-7 ta' Jannar 2014 f'Addis Ababa, taħt il-patroċinju tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD); billi t-taħditiet għall-paċi ftit li xejn wettqu progress, minkejja s-sejħiet internazzjonali dejjem aktar frustrati biex jintlaħaq kompromess;
D. billi fit-23 ta' Jannar 2014 kien iffirmat ftehim ta' waqfien mill-ġlied li kien ikkonfermat mill-ġdid fid-9 ta' Mejju 2014, li għadu qed jinkiser;
E. billi sa mid-dikjarazzjoni tal-indipendenza mis-Sudan fl-2011, kien hemm atti ta' vjolenza ripetuti bejn il-milizzji tribali fis-Sudan t'Isfel; billi l-vjolenza ħalliet eluf ta' ċivili mejtin, filwaqt li s-sitwazzjoni umanitarja kompliet tiddeterjora;
F. billi n-NU ddikjaraw livell ta' emerġenza 3 għas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel – li hu l-ogħla livell ta' kriżi umanitarja;
G. billi madwar 1.9 miljun persun ħarbu minn djarhom fis-Sudan t'Isfel, inklużi 490 000 persuna li fittxew rifuġju f'pajjiżi tal-viċinat; billi fl-istess ħin, il-pajjiż qiegħed jilqa' madwar kwart ta' miljun rifuġjat, l-iktar mis-Sudan; billi hu previst li s-Sudan t'Isfel se jiffaċċja aktar spustamenti hekk kif tkompli l-insigurtà;
H. billi s-Sudan t'Isfel għadu qiegħed jiffaċċja kriżi ta' sigurtà tal-ikel, minkejja li l-għajnuna umanitarja għenet biex tiġi evitata l-karestija għal dawk l-iktar vulnerabbli; billi hu previst li 1.5 miljun persuna se jibqgħu fi stat ta' kriżi jew f'livell ta' emerġenza fir-rigward ta' insigurtà tal-ikel; billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-insigurtà tal-ikel, peress li 57 % tal-unitajiet domestiċi fis-siti ta' protezzjoni huma mmexxija minn nisa;
I. billi l-UE, l-Istati Membri u l-Kummissjoni s'issa pprovdew aktar minn EUR 254 miljun f'għajnuna fl-2014; billi l-kapaċità u l-finanzjament tal-operazzjonijiet umanitarji fis-Sudan huma ferm anqas minn dak li hu meħtieġ;
J. billi l-kunflitt hu kkaratterizzat minn atroċitajiet miż-żewġ naħat; billi l-biża' ewlenija hi li l-ġlied bejn il-forzi tal-President Salva Kiir u r-ribelli leali għall-ex Viċi President, Rick Machar, jerġa' jibda ladarba jintemm l-istaġun tax-xita dan ix-xahar; billi l-aġenziji tal-għajnuna ewlenin, inklużi l-Oxfam, CARE u Cafod, wissew li l-karestija tista' tolqot partijiet mis-Sudan t'Isfel kmieni s-sena d-dieħla jekk ikompli l-ġlied;
K. billi l-adozzjoni ta' "liġi dwar l-NGOs" li għandha l-għan li tillimita l-ispazju li fih l-NGOs u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaħdmu fis-Sudan t'Isfel ġiet posposta għal Diċembru; billi, jekk l-abbozz ta' "liġi dwar l-NGOs" jiġi implimentat, dan jista' jkollu konsegwenzi ewlenin fuq l-operazzjonijiet ta' għajnuna f'dan il-mument kritiku meta l-komunità internazzjonali qed tiġġieled biex tipprevjeni l-bidu ta' karestija;
L. billi l-ostilitajiet attivi u l-insigurtà f'bosta stati, speċjalment fl-Unità u n-Nil ta' Fuq, għadhom qegħdin iħarbtu l-attivitajiet ta' rispons umanitarju u qed jirrestrinġu l-aċċess mit-triq u l-ajru għall-ħaddiema umanitarji;
M. billi minbarra l-għajnuna minn donaturi u l-għajnuna umanitarja, l-ekonomija tas-Sudan t'Isfel tiddependi kważi esklussivament fuq is-settur taż-żejt;
N. billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni tgħix fi stat ta' faqar flagranti minkejja l-fatt li l-pajjiż għandu ħafna żejt u riżorsi naturali, bl-esportazzjonijiet taż-żejt jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-PDG u madwar 90 % tad-dħul tal-gvern;
O. billi d-dħul iġġenerat mill-industrija taż-żejt kompla qawwa l-kunflitti vjolenti; billi Sudan riformat għandu l-potenzjal li jbiddel il-ġid li ġej mir-riżorsi minn dak li s'issa titqies bħala "s-saħta tar-riżorsi" f'barka li ġġib prosperità għall-pajjiż;
P. billi għandha tinstab soluzzjoni politika demokratika għall-kunflitt attwali li twitti t-triq għal istituzzjonijiet maħtura demokratikament biex jibnu stat vijabbli;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-atroċitajiet imwettqa miż-żewġ naħat tal-kunflitt; b'mod partikolari, jiddenunzja bil-qawwa kollha l-qtil bla rażan ta' ċivili, spiss immotivat mill-etniċità tagħhom, il-qerda tal-massa u s-sakkeġġi ta' proprjetà ċivili, u l-qtil ta' ħaddiema umanitarji; jikkundanna bl-istess mod il-ksur qawwi ta' drittijiet tal-bniedem, bħat-tortura u l-vjolenza sesswali mwettaq minn uffiċjali tal-armata, inkluż kontra t-tfal li wħud minnhom spiċċaw mietu b'konsegwenza ta' dawn l-atti orrendi, il-qtil extraġudizzjarju u d-detenzjonijiet arbitrarji flimkien ma' trattament ħażin f'bosta każijiet, li għadhom għaddejjin mingħajr kundanna; jinsab inkwetat ħafna ukoll dwar ir-restrizzjonijiet dejjem akbar fuq il-libertà tal-espressjoni, il-midja u s-soċjetà ċivili;
2. Jenfasizza li l-unika soluzzjoni vijabbli għall-kriżi hi li tinstab soluzzjoni paċifika għad-differenzi ta' bejn il-partijiet fil-kunflitt u li l-interessi tal-pajjiż u ta' niesu jitpoġġew l-ewwel; jitlob liż-żewġ partijiet fil-kunflitt itemmu l-ostilitajiet u jipparteċipaw b'mod serju f'negozjati għall-paċi, sabiex jillimitaw il-portata tad-diżastru umanitarju; b'mod partikolari, iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jippermettu aċċess umanitarju mingħajr xkiel u jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' paċi;
3. Jinsab partikolarment inkwetat dwar id-dimensjoni etnika tal-kunflitt; jinnota bi tħassib qawwi li madwar 1.4 miljun persuna għadhom spustati minn djarhom wara xhur ta' ġlied li ħallew mill-anqas 10 000 vittma u li wasslu għal żieda fi qtil etniku; jinnota wkoll li madwar 100 000 persuna għadhom imblukkati f'kampijiet tan-NU madwar il-pajjiż, u għadhom beżgħana li jirritornaw id-dar anke wara l-waqfien mill-ġlied;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan t'Isfel, li ngħatat il-kompitu li tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju mwettqa tul il-kunflitt u li tagħmel rakkomandazzjonijiet rigward il-fejqan, ir-rikonċiljazzjoni, ir-responsabilità u r-riforma istituzzjonali, biex tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jappella bil-qawwa lill-membri tagħha jiżguraw, bħala prekundizzjoni għal kwalunkwe proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin u sostenibbli, li dawk li wettqu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem jitressqu quddiem il-ġustizzja biex tintemm l-impunità;
5. Jiddeplora l-fatt li minkejja l-isforzi kontinwi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) li taġixxi ta' medjatur biex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sudan t'Isfel bil-għan li jkun stabbilit gvern tranżitorju ta' unità nazzjonali, s'issa l-partijiet ftit li xejn wettqu progress: huma komplew jipparteċipaw fi ġlied sporadiku fuq l-art, b'konsegwenzi gravi għall-popolazzjoni ċivili, filwaqt li kkaġunaw kriżi umanitarja aktar gravi u ksur tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied;
6. Iħeġġeġ, madankollu, lill-UE tkompli tassisti lill-IGAD fl-istforzi tagħha ta' medjazzjoni bejn iż-żewġ partijiet tal-kunflitt kemm f'termini sustantivi kif ukoll f'termini finanzjarji u billi tikkontribwixxi persunal għall-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' verifika tal-waqfien mill-ġlied;
7. Jistieden lill-pajjiżi tal-viċinat kollha tas-Sudan t'Isfel u lis-setgħat reġjonali jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex itejbu s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u fir-reġjun tal-madwar u biex isibu mod kif tinstab soluzzjoni politika paċifika u dejjiema għall-kriżi attwali;
8. Itenni li l-prospetti għat-tul ta' żmien għal koeżistenza paċifika u l-iżvilupp jirrikjedu riformi istituzzjonali komprensivi li jipprovdu lill-pajjiż bi proċess governattiv li jiggarantixxi l-istat tad-dritt; għaldaqstant, jitlob lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel biex iniedu riformi istituzzjonali qawwija li, inter alia: (i) jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet umani u fundamentali, inkluż dawk ta' gruppi vulnerabbli (pereżempju nisa, gruppi etniċi ta' minoranza); (ii) jistabbilixxu mekkaniżmi għas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt u joħolqu ambjent li fih il-popolazzjoni diversa tal-pajjiż kollha kemm hi tista' tgħix flimkien b'mod paċifiku; u (iii) jiżguraw ġestjoni effikaċi u ekwitabbli tar-riżorsi naturali u l-qerda tal-korruzzjoni;
9. Jiddenunzja l-fatt li l-aċċess umanitarju qed ikompli jkun imfixkel mill-ġlied u l-vjolenza li qed issir miż-żewġ naħat fuq ħaddiema li jagħtu l-għajnuna, it-tagħmir u l-infrastruttura tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern biex, anke fiż-żoni kkontrollati minnu, josserva l-obbligi tiegħu li jirrispetta d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem u jiżgura l-protezzjoni taċ-ċivili;
10. Iħeġġeġ lill-partijiet b'mod partikolari biex jiffaċilitaw il-fluss ta' għajnuna umanitarja lill-persuni li għandhom bżonn qawwi tagħha, u biex jikkooperaw ma' u jappoġġaw il-moviment liberu tal-persunal kollu li jaħdem għall-organizzazzjonijiet umanitarji;
11. Jistieden, bl-istess mod, lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha għas-Sudan t'Isfel u għar-reġjun u timmobilizza riżorsi sabiex tirrispondi b'mod immedjat għas-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fis-Sudan t'Isfel;
12. Jenfasizza li s-Sudan t'Isfel għandu wieħed mill-agħar livelli ta' saħħa u nutrizzjoni fid-dinja, bi problemi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa primarja minħabba s-sottożvilupp, il-kunflitt kontinwu, l-attakki fuq il-faċilitajiet għall-kura tas-saħħa u l-aċċess diffiċli għal bosta żoni; jenfasizza li kura tas-saħħa fqira taffettwa b'mod partikolari lil dawk l-iktar vulnerabbli, u twassal għal rati ta' mortalità għolja fost it-tfal u n-nisa;
13. Jiddeplora l-fatt li l-kunflitt ħarbat ħafna servizzi soċjali bażiċi, b'mijiet ta' eluf ta' tfal ma jattendux skola; jinsab allarmat mill-fatt li t-tfal komplew iġorru l-piż tal-vjolenza, u jbatu minn trawma psikoloġika u min-nuqqas ta' aċċess għal servizzi, inkluża l-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-partijiet itemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal fil-forzi armati u vjolazzjonijiet gravi oħra kontra t-tfal;
14. Jenfasizza li l-bini ta' istituzzjonijiet xierqa u ta' qafas legali għall-ġestjoni tal-ġid miż-żejt fi ħdan il-federaliżmu etniku tiegħu huma fundamentali għall-iżvilupp paċifiku tiegħu; b'mod partikolari, jistieden lill-UE tappoġġa strateġija għall-iżvilupp fit-tul fir-rigward tas-Sudan t'Isfel li tippermetti l-ħolqien ta' sistema qawwija ta' governanza tajba, trasparenza u responsabilità (partikolarment fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi), u l-iżvilupp tal-infrastruttura, l-edukazzjoni, programmi tas-saħħa u ta' benessri soċjali bl-użu ta' dħul miż-żejt u mill-għajnuna għall-iżvilupp;
15. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jiżguraw li d-dħul miż-żejt ikun ta' benefiċċju għall-poplu; jistieden lill-partijiet kollha fin-negozjati biex jinkludu l-kwistjoni ta' trasparenza u ta' skrutinju pubbliku fis-settur taż-żejt fil-ftehim ta' paċi, b'tali mod li d-dħul iġġenerat minn din ir-riżorsa jintuża għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż u biex jitjieb il-livell tal-għajxien tal-popolazzjoni;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0546.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2014)0042.