MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel
5.11.2014 - (2014/2922(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Mark Demesmaeker, Nirj Deva, Charles Tannock, Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0213/2014
B8‑0214/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, b’mod partikolari dik tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kunflitti li għaddejjin fis-Sudan,
– wara li kkunsidra r-Rapport tas-Sitwazzjoni Nru 59 tat-23 ta' Ottubru 2014 tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU (OCHA), dwar il-kriżi fis-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra r-Rapport tas-Sitwazzjoni tal-15 ta' Lulju 2014 tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa f'isem l-Unjoni Afrikana mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Dr Nkosazana Dlamini-Zuma, fl-4 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-Repubblika tas-Sudan t'Isfel hija l-aktar stat fraġli fid-dinja u hija wieħed mill-ifqar pajjiżi u wieħed mill-anqas żviluppati fid-dinja (minkejja li huwa pajjiż għani fiż-żejt), fejn wieħed isib li 50 % mill-popolazzjoni ta' dan il-pajjiż qiegħda tgħix taħt il-livell tal-faqar, hemm l-ogħla mortalità materna fid-dinja u waħda mill-ogħla mortalità fost it-trabi, l-illiteriżmu jinsab fil-livell ta' madwar 75 % u terz biss tal-popolazzjoni għandu aċċess għal ilma nadif; billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel huwa theddida għal aktar minn miljun ruħ fis-sena;
B. billi mindu faqqgħet il-gwerra ċivili f'Diċembru 2013 aktar minn 1.7 miljun persuna ħarbu minn darhom, inklużi 450 000 li fittxew kenn f'pajjiżi ġirien;
C. billi s-Sudan t'Isfel attwalment qed iħabbat wiċċu mal-kriżi fis-sigurtà tal-ikel l-aktar allarmanti fid-dinja u li qed taffettwa madwar 7 miljun persuna, bi 3.9 miljun minnhom qed ibatu min-nuqqas kbir ta' sigurtà tal-ikel - siwazzjoni li tista' potenzjalment twassal għal karestija fl-2015;
D. billi n-Nazzjonijiet Uniti ddikjaraw li s-Sudan t-Isfel għandu livell 3 ta' emerġenza, l-agħar livell ta' kriżi umanitarja, u billi l-pajjiż jikklassifika bħala t-tieni fl-Indiċi Finali tal-Vulnerabbiltà Globali u tal-Valutazzjoni tal-Kriżiijiet tal-ECHO wara r-Repubblika Ċentru-Afrikana;
E. billi s-sitwazzjoni tat-tfal hija partikolarment allarmanti; billi f'pajjiż fejn kważi nofs il-popolazzjoni għandha anqas minn 15-il sena, dawn jirrappreżentaw l-aktar gurpp vulnerabbli u huma spiss fil-mira bħala persunal militari potenzjali;
F. billi l-ħtiġijiet umanitarji prinċipali jinkludu ikel, ilma nadif, kura tas-saħħa, kundizzjonijiet sanitarji, kenn u protezzjoni;
G. billi 2.4 miljun persuna fis-Sudan t'Isfel ingħataw għajnuna umanitarja mill-bidu tal-kriżi 'l hawn; billi l-UE, l-Istati Membri u l-Kummissjoni s'issa pprovdew għajnuna li tiswa aktar minn EUR 244 miljun fl-2014;
H. billi l-għajnuna umanitarja qed titwassal f'ċirkostanzi estremament diffiċli għaliex il-ġlied u l-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji, kif ukoll ir-rifjut ta' aċċess min-naħa tal-awtoritajiet qed jillimitaw serjament l-aċċess għal dawk fil-bżonn;
I. billi l-ġlied mistenni jiħrax matul l-istaġun ta' nuqqas ta' xita li ġej, u se jwassal sabiex aktar persuni jaħarbu minn djarhom;
1. Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha għas-Sudan t'Isfel u għar-reġjun u timmobilizza riżorsi sabiex tirreaġixxi minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja kritika fis-Sudan t'Isfel;
2. Jikkundanna bil-qawwi l-bidu mill-ġdid tal-ġlied fis-Sudan t'Isfel, attribwiti lill-Moviment ta' Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan li jinsab fl-oppożizzjoni (SPLM-IO);
3. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li l-gwerra ċivili li għaddejja u l-vjolenza etnika qed ikollhom konsegwenzi serji umanitarji, ta' sigurtà, politiċi, ekonomiċi u soċjali, f'pajjiż li diġà huwa fraġli u instabbli, u li dan jista' jiddestabbilizza r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant; jinsab partikolarment inkwetat dwar id-dimensjoni etnika tal-kunflitt; jenfasizza li l-fatt li meta wieħed jippova jikseb il-poter permezz tal-vjolenza jew il-firda fost il-gruppi etniċi jkun qed imur kontra l-istat tad-dritt demokratiku;
4. Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jimplimentaw il-ftehim ta' paċi ffirmat f'Addis Ababa f'Mejju 2014, li jwitti t-triq għal waqfien mill-ġlied permanenti u wara għal ħolqien ta' gvern tranżitorju biex titħejja kostituzzjoni ġdida u jiġu organizzati elezzjonijiet demokratiċi;
5. Jilqa' l-isforzi tal-Unjoni Afrikana u tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fil-promozzjoni ta' djalogu inklużiv u ta' medjazzjoni; jistieden lill-UE tkompli tassisti lill-IGAD kemm mil-lat sostantiv u kemm finanzjarju, u tikkontribwixxi persunal għall-monitoraġġ tal-waqfien mill-ġlied u l-mekkaniżmu ta' verifika;
6. Jappella għal soluzzjonijiet fit-tul ibbażati fuq il-proċess tal-bini ta' nazzjon, bħall-ħolqien ta' servizz ċivili, amministrazzjoni li tiffunzjona u infrastruttura, li lkoll huma karatteristiċi ta' stat modern, flimkien mal-istat tad-dritt, governanza tajba u trasparenza;
7. Jistieden lill-pajjiżi tal-viċinat kollha tas-Sudan t'Isfel u lis-setgħat reġjonali jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex itejbu s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u fir-reġjun u biex isibu mod kif tinstab soluzzjoni politika paċifika u dejjiema għall-kriżi attwali; jenfasizza li b'mod partikolari l-kooperazzjoni mas-Sudan tkun tirrappreżenta titjib fir-relazzjonijiet; iqis li sabiex jiġu evitati kunflitti militari fil-futur huwa fundamentali li jiġu solvuti kwistjonijiet bħal dawk relatati mal-kondiviżjoni tad-dejn u l-introjtu miż-żejt;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
- [1] Testi Adottati, P7_TA(2014)0042.