Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0215/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0215/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel

5.11.2014 - (2014/2922(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Lola Sánchez Caldentey, Malin Björk, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Miloslav Ransdorf, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Javier Couso Permuy, Kateřina Konečná f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2014/2922(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0215/2014
Testi mressqa :
B8-0215/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0215/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel

(2014/2922(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u fis-Sudan t'Isfel,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Settembru 2014 tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-protokoll fakultattiv tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u t-tliet protokolli fakultattivi tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi r-Repubblika tas-Sudan t'Isfel, li għandha popolazzjoni multietnika, saret indipendenti fid-9 ta' Lulju 2011 b'riżultat ta' referendum li sar fin-Nofsinhar tas-Sudan;

B.     billi l-indipendenza tas-Sudan t'Isfel kienet l-istadju finali ta' ftehim ta' paċi ta' 6 snin wara deċennji ta' gwerra ċivili; billi wara nuqqas ta' ftehim intern fil-Moviment ta' Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan li kien qed imexxi l-pajjiż, il-President Salva Kiir Mayardit xolja l-kabinett kollu tiegħu u neħħa lill-Viċi President Riek Machar mill-kariga f'Lulju 2013;

C.     billi l-medda ta' insigurtà, sottożvilupp u governanza ħażina li testendi mis-Saħel sal-Qarn tal-Afrika tista' tiġi indirizzata biss jekk jiġu ttrattati l-kawżi ewlenin, inklużi l-faqar estrem, it-tibdil fil-klima, l-interessi u l-interventi ġeostrateġiċi internazzjonali u tal-UE, id-distribuzzjoni inġusta tal-ġid u l-isfruttament tar-riżorsi;

D.     billi t-taqbida għall-poter qed tipprova toħloq u tisfrutta l-firdiet etniċi, u għalhekk x'aktarx li twassal għal gwerra etnika li mbagħad tista' twassal għal gwerra ċivili fuq skala kbira fis-Sudan t'Isfel;

E.     billi l-indipendenza tas-Sudan t'Isfel jidher li ma għandhiex l-effetti mistennija fuq il-popolazzjonijiet Sudaniżi inġenerali;

F.     billi kwistjonijiet kruċjali, bħad-demarkazzjoni tal-fruntieri, il-qsim tad-dħul miż-żejt u l-użu tal-pipeline tat-Tramuntana, għadhom ma ġewx solvuti;

G.     billi żieda sinifikanti tal-prezzijiet tal-ikel u tal-ilma, nuqqas ta' kura medika u ta' infrastruttura, ekonomija li ma taħdimx sew, insigurtà kronika tal-ikel u livelli għoljin ta' malnutrizzjoni akuta ħolqu tensjonijiet u wasslu għall-vjolenza;

H.     billi s-Sudan t'Isfel għandu abbundanza ta' art agrikola għammiela u ta' riżorsi naturali minbarra ż-żejt mhux maħdum, inklużi l-minerali tal-ħadid, ir-ram, id-djamanti u d-deheb;

I.      billi aktar minn 10 000 ruħ inqatlu fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel, filwaqt li tal-anqas 1.8 miljun ruħ ħarbu minn djarhom;  

J.      billi s-Sudan t'Isfel jospita wkoll ir-refuġjati minn pajjiżi tal-viċinat, inklużi r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Etjopja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana;

K.     billi t-tfal jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni tas-Sudan t'Isfel;    

1.      Jiddeplora l-fatt li mietu n-nies fil-kunflitt u jesprimi tħassib kbir dwar kif qed jiżviluppa, billi dan qed jikkaġuna ħafna mwiet fost iċ-ċivili; jitlob waqfien mill-ġlied immedjat li għandu jiġi miftiehem bejn il-partijiet li qed jiġġieldu, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għal medjazzjoni imparzjali/newtrali bl-għan li jintlaħaq ftehim malajr u sostenibbli;

2.      Jitlob li tinstab soluzzjoni negozjata, ekwa u sostenibbli li tippermetti lill-mexxejja tas-Sudan t'Isfel jegħlbu d-differenzi tagħhom b'mod paċifiku u demokratiku, u jitlob li jkun hemm proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali fl-interess tal-popolazzjonijiet Sudaniżi inġenerali;

3.      Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel sforzi dimplomatiċi kuraġġużi biex tikkonvinċi liż-żewġ naħat tal-kunflitt iwaqqfu l-ġlied u jibdew negozjati favur soluzzjoni paċifika, ekwa u sostenibbli tal-kunflitt;

4.      Iħeġġeġ waqfien immedjat tal-fornimenti ta' armi u munizzjon lis-Sudan t'Isfel u lir-reġjun kollu; jilqa' t-tkomplija tal-embargo eżistenti tal-UE fuq l-armi impost fuq is-Sudan t'Isfel;

5.      Jistieden lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, biex jadottaw approċċ komprensiv li jkun strettament limitat li joffri appoġġ purament ċivili u paċifiku għal proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni fis-Sudan;

6.      Jappoġġa, u jqis bħala essenzjali, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fin-negozjati għall-paċi;

7.      Jissottolinja l-fatt li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel għandu juża l-fondi mogħtija biex jelimina l-kawżi li jsejsu l-qagħda ekonomika diżastruża tal-pajjiż, l-inugwaljanza u l-faqar estrem;

8.      Jissottolinja l-ħtieġa li r-riżorsi naturali tal-pajjiż, partikolarment il-produzzjoni taż-żejt, ikunu taħt il-kontroll tal-istat u li l-istat jużahom għall-benefiċċju tal-poplu inġenerali;

9.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu sew l-appoġġ umanitarju u jipprovdu ikel, ilma nadif, kura tas-saħħa u sanitazzjoni lill-popolazzjoni tas-Sudan t'Isfel;  

10.    Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jipproteġu liċ-ċivili, partikolarment lin-nisa u lit-tfal, u jissalvagwardjaw il-faċilitajiet mediċi, l-iskejjel u l-postijiet ta' rifuġju;

11.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel isaħħu l-ġlieda kontra l-impunità billi jħarrġu lill-komunità ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi b'għodda mfassla biex ittemm il-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet;

12.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jaħdmu mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa biex jagħtu u jippromwovu l-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità u għad-drittijiet u għas-servizzi tal-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva għat-tfajliet u n-nisa, inkluż l-aċċess għall-kontraċezzjoni u għall-ittestjar u t-trattament tal-HIV/AIDS;

13.    Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali ma tippermettix li 50 000 tifel u tifla jmutu bil-ġuħ u bil-kolera, kif stmat minn aġenziji tal-għajnuna;

14.    Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha għas-Sudan t'Isfel u għar-reġjun u timmobilizza riżorsi addizzjonali sabiex tirreaġixxi minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fis-Sudan t'Isfel;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.