Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0222/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0222/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel

5.11.2014 - (2014/2922(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Goerens, Louis Michel, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0213/2014

Proċedura : 2014/2922(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0222/2014
Testi mressqa :
B8-0222/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0222/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel

(2014/2922(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-28 ta' Awwissu 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–       wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel tal-24 ta' April 2012,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi n-NU ddikjaraw livell ta' emerġenza 3 għas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel – li hu l-agħar livell ta' kriżi umanitarja;

B.     billi s-Sudan t'Isfel huwa l-Istat l-aktar żagħżugħ u l-aktar fraġli tad-dinja, u huwa kklassifikat it-tieni fl-Indiċi umanitarju tal-Kummissjoni dwar il-Vulnerabbiltà Globali u l-Valutazzjoni tal-Kriżijiet;

C.     billi 2.4 miljun persuna fis-Sudan t'Isfel ingħataw għajnuna umanitarja mill-bidu tal-2014;

D.     billi r-Riżoluzzjoni 2155 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tesprimi tħassib serju dwar l-ispostament fuq skala kbira ta' persuni u l-kriżi umanitarja li qed tiżdied;

E.     billi madwar 3.8 miljun ruħ mis-Sudan t'Isfel jeħtieġu għajnuna umanitarja, 1.4 miljun ruħ ġew spostati internament u aktar minn 450 000 ruħ qed ifittxu rifuġju f'pajjiżi ġirien;

F.     billi 7 miljun ruħ jinsabu f'riskju ta' insigurtà tal-ikel, bi 3.9 miljun ruħ f'riskju immedjat, u billi aġenziji ewlenin tal-għajnuna wissew li partijiet mis-Sudan t'Isfel jistgħu jsibu ruħhom f'karestija fil-bidu tal-2015 jekk il-ġlied jerġa' jibda;

G.     billi l-ħtiġijiet umanitarji ewlenin huma l-ikel, l-ilma nadif, il-kura tas-saħħa, il-kenn, is-sanità, l-iġjene, ir-rispons għal epidemiji (bħall-kolera) u l-protezzjoni;

H.     billi l-fatt li reġgħet faqqgħet il-kolera fil-Kontea ta' Lopa-Lafon huwa ta' tħassib;

I.      billi fl-20 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni żiedet l-allokazzjoni tagħha għall-għajnuna umanitarja ta' EUR 100 miljun b'EUR 20 miljun, u b'hekk it-total ta' finanzjament umanitarju tal-UE għall-kriżi huwa iktar minn EUR 245 miljun fl-2014, li jirrappreżenta aktar minn terz tal-kontribuzzjonijiet internazzjonali kollha;

J.      billi l-aċċess għall-persuni fil-bżonn għadu mfixkel minn ġlied u vjolenza, li huma diretti wkoll kontra ħaddiema tal-għajnuna u provvisti; billi fis-Sudan t'Isfel madwar 80 % tas-servizzi tal-kura tas-saħħa u dawk bażiċi kollha huma pprovduti minn organizzazzjonijiet nongovernattivi;

K.     billi d-distribuzzjoni tal-provvisti bażiċi ta' ikel u nutrizzjoni tinħtieġ speċjalment f'Bor u Bentiu;

L.     billi l-UE pprogrammat mill-ġdid "kuntratt għall-bini tal-istat", inizjalment maħsub bħala appoġġ baġitarju, fi sħubija ma' NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali biex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet tal-edukazzjoni u s-saħħa;

M.    billi wara talba tan-NU għal għajnuna, fl-4 ta' Jannar 2014 ġie attivat il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex jappoġġja lis-Sudan t'Isfel;

N.     billi r-riżorsi umanitarji qed jaslu fil-limiti tagħhom minħabba diversi kriżijiet globali li ilhom għaddejjin;

O.     billi hemm riskju li din il-kriżi umanitarja taffettwa reġjun ferm usa' li diġà huwa suxxettibbli għan-nuqqas ta' stabbiltà;

P.     billi l-vjolenza sessista fis-Sudan t'Isfel għandha għeruq b'saħħithom;

Q.     billi taħdititet għall-paċi ma tantx taw frott u l-koordinatur tan-NU għall-għajnuna umanitarja indika li l-possibbiltajiet ta' paċi sostenibbli fil-livell politiku u f'dak interkomunitarju huma ftit;

1.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà tal-ikel fis-Sudan t'Isfel, li marret għall-agħar minħabba d-diżastri naturali rikorrenti; jenfasizza li l-pajjiż huwa partikolarment fraġli u instabbli, u jinsab ferm inkwetat li l-kriżi tas-saħħa pubblika fis-Sudan t'Isfel se twassal għal aktar imwiet;

2.      Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha u timmobilizza r-riżorsi sabiex tirreaġixxi minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar;

3.      Jikkundanna d-deterjorament fir-relazzjonijiet bejn il-komunità umanitarja u l-gvern, partikolarment it-tassazzjoni illegali tal-għajnuna u l-fastidju u saħansitra l-qtil ta' ħaddiema li jagħtu l-għajnuna b'impunità;

4.      Iħeġġeġ lill-gvern u lill-partijiet ikkonċernati kollha jirrispettaw id-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem, jagħtu aċċess u protezzjoni lil aġenziji umanitarji li qed jgħinu lill-popolazzjoni ċivili f'diffikultà u jiftħu passaġġi umanitarji għall-kunsinni ta' provvisti u tagħmir; jinnota li għadd ta' aġenziji ta' għajnuna barranija diġà ħarġu mis-Sudan t'Isfel;

5.      Iħeġeġġ lill-UE tipprogramma mill-ġdid l-għajnuna għall-iżvilupp tagħha sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-poplu tas-Sudan t'Isfel u tappoġġja tranżizzjoni lejn il-paċi u l-istabbiltà;

6.      Jikkundanna l-każijiet ta' ksur u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem li ġew irrappurtati, jappella lill-partijiet kollha biex itemmu minnufih l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jaffettwaw ir-rifuġjati u l-persuni spustati, in-nisa, il-persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, u l-ġurnalisti, u jappella sabiex dawk involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli;

7.      Jikkundanna l-ksur preċedenti tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jonoraw il-ftehim u ma jerġgħux jibdew il-ġlied;

8.      Ifakkar li implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u l-issoktar rapidu ta' diskussjonijiet li jwasslu għall-ħolqien ta' gvern transizzjonali ta' unità nazzjonali huma l-unika soluzzjoni fit-tul għall-poplu tas-Sudan t'Isfel; huwa partikolarment inkwetat dwar id-dimensjoni etnika tal-kunflitt;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi Presidenti/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.