Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0223/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0223/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru

5.11.2014 - (2014/292(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Renate Sommer f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0211/2014

Proċedura : 2014/2921(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0223/2014
Testi mressqa :
B8-0223/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0223/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru

(2014/292(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress 2013 dwar it-Turkija[1],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-17 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Ottubru 2014 mill-kelliem tal-President tal-Kunsill Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tat-Turkija 2014, tal-4 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fit-3 ta' Ottubru 2014, it-Turkija ppubblikat direttiva dwar it-Telex ta' Navigazzjoni (NAVTEX), li permezz tagħha 'tidentifika' b'mod illegali żona kbira fil-parti t'isfel taż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) tar-Repubblika ta' Ċipru biex mill-20 ta' Ottubru sat-30 ta' Diċembru 2014 isir stħarriġ sismiku mill-bastiment Tork Barbaros; billi dan l-istħarriġ sismiku jolqot żoni li ġew allokati mill-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru lill-kumpanija Taljana ENI u lill-Korea Gas Corporation għall-esplorazzjoni ta' riżervi potenzjali tal-idrokarbur fis-sottoswol ta' qiegħ il-baħar;

B.     billi minkejja talbiet ripetuti min-naħa tal-UE, fosthom fir-Rapport tal-Progress 2014 dwar it-Turkija tal-Kummissjoni, it-Turkija għadha qed tikkontesta l-eżistenza tar-Repubblika ta' Ċipru u d-dritt leġittimu tar-Repubblika ta' Ċipru li tesplora u tisfrutta r-riżorsi naturali taż-ŻEE tagħha, u tisfida l-attività ta' kumpanija Ewropea; billi r-rivendikazzjonijiet u l-azzjonijiet tat-Turkija mgħandhomx bażi legali u jmorru kontra d-dritt internazzjonali, fosthom il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS);

C.     billi l-UE sikwit tenniet li t-Turkija jeħtieġ timpenja ruħha b'mod inekwivoku għal relazzjonijiet ta' viċinat tajba u għar-riżolviment paċifiku tat-tilwim skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

D.     billi l-azzjonijiet tat-Turkija fiż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru jikkoinċidu mal-ħatra reċenti ta' Espen Barth Eide bħala l-Konsulent Speċjali l-ġdid tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar Ċipru, u qed jolqtu negattivament in-negozjati bl-għan li tinstab soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru;

1.      Iħeġġeġ lit-Turkija turi moderazzjoni u taġixxi skont id-dritt internazzjonali; ifakkar li ż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru hija legali; jistieden lit-Turkija tirrispetta u timplimenta għalkollox id-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u tal-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005;

2.      Itenni t-talba tiegħu lill-gvern Tork li jiffirma u jirratifika il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li tagħmel parti mill-acquis communautaire, bla ebda dewmien ieħor;

3.      Jistieden lit-Turkija tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri tal-UE fuq l-ibħra territorjali tagħhom; itenni li d-drittijiet sovrani tal-Istati Membri tal-UE jinkludu d-dritt li jikkonkludu ftehimiet bilaterali u d-dritt li jesploraw u jisfruttaw ir-riżorsi naturali tagħhom skont l-UNCLOS;

4.      Itenni li jqis bħala importanti n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Istati Membri kollha tal-UE, u hu tal-fehma li t-tkomplija u/jew ripetizzjoni ta' dawn l-azzjonijiet jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tat-Turkija mal-UE, fosthom il-proċess ta' adeżjoni tagħha;

5.      Jenfasizza l-importanza li jieqfu l-azzjoni provokattivi fi ħdan iż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru, u li ma jsirux theddidiet kontra r-Repubblika ta' Ċipru; jinnota li dawn l-azzjonijiet u t-theddidiet idgħajfu t-tkomplija tan-negozjati għal soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru; jitlob għal stabilità f'dan ir-reġjun tant sensittiv, fid-dawl tal-isfidi tal-ġejjieni qarib;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.