imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru (2014/2921(RSP))
Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Demetris Papadakis, Costas Mavrides, Miltiadis Kyrkos, Nikos Androulakis
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru(2014/2921(RSP))
B8‑0225/2014
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress 2013 dwar it-Turkija(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, tat-23 ta' Ottubru 2014, fejn esprima tħassib dwar l-istaġnar fin-negozjati u l-aggravar tat-tensjonijiet bejn ir-Repubblika ta' Ċipru u t-Turkija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ favur ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru fil-qafas ta' stat federali bikomunali u biżonali skont il-parametri tan-NU, u skont il-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE;
B. billi fit-3 ta' Ottubru 2014, it-Turkija ppubblikat direttiva dwar it-Telex ta' Navigazzjoni (NAVTEX) li b'mod illegali 'tidentifika' żona kbira fil-parti t'isfel taż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) ta' Ċipru biex mill-20 ta' Ottubru sat-30 ta' Diċembru 2014 isir stħarriġ sismiku mill-bastiment xjentifiku Tork Barbaros;
C. billi l-Istat Maġġur Ġenerali Tork ħabbar li, bħala parti mill-Operazzjoni Mediterranean Shield, il-bastiment tal-gwerra Göksu tal-Forzi Navali Torok kien wettaq id-dmir li "jipproteġi u jappoġġa" il-bastiment għall-esplorazzjonijiet sismiċi Barbaros Hayrettin Paşa, li qed iwettaq operazzjonijiet permezz ta' liċenzja mogħtija lil Turkish Petroleum Corporation (TPAO) mill-awtoritajiet Ċiprijotti Torok fiż-żona okkupata ta' Ċipru; billi, skont id-dikjarazzjoni tal-Istat Maġġur Ġenerali Tork, il-bastiment tal-gwerra Zipkin qed ikompli josserva l-pjattaforma ta' tħaffir SAIPEM -10000, li qed topera fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru, minn distanza ta' disa' kilometri;
D. billi din iż-żona tinsab eżatt faċċata tal-port ewlieni tar-Repubblika ta' Ċipru f'Limassol u portijiet iżgħar li jintużaw għas-sajd u oħrajn għar-rikreazzjoni li jinsabu bejn Larnaca u Limassol, u mhijiex qrib it-Turkija nnifisha u lanqas qrib iż-żoni li t-Turkija tgħid li jinsabu fiż-żona ekonomika esklussiva tagħha;
E. billi l-azzjonijiet tat-Turkija qed jittieħdu fi stadju kritiku tal-proċess tan-negozjati, wara l-ħatra reċenti tal-konsulent speċjali ġdid tas-Segretarju tan-NU, il-Ġeneral Espen Barth Eide, ftit jiem qabel il-bidu tal-fażi l-ġdida tan-negozjati sostantivi bejn iċ-Ċiprijotti Griegi u ċ-Ċiprijotti Torok;
F. billi fis-7 ta' Ottubru 2014, wara li ġew skjerati l-bastimenti tal-gwerra Torok fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru, il-President Anastasiades issospenda l-parteċipazzjoni tiegħu fin-negozjati mmexxija min-NU biex jipprotesta kontra l-passi li ħadet it-Turkija biex tostakola d-dritt ta' pajjiżu li jisfrutta r-riżervi tal-gass u taż-żejt;
G. billi partijiet miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru diġà ġew konċessi lil kumpaniji internazzjonali u Ewropej għall-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' riżervi tal-idrokarbur li jista' jkun hemm f'qiegħ il-baħar u s-sottoswol;
H. billi l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li issa hija parti integrali mill-acquis communautaire tagħha;
1. Jiddeplora ż-żieda fit-theddid u l-azzjonijiet unilaterali min-naħa tat-Turkija kontra r-Repubblika ta' Ċipru fir-rigward taż-ŻEE; jissottolinja li l-attitudni ta' Ankara thedded b'mod dirett is-sovranità tar-Repubblika ta' Ċipru;
2. Jisħaq fuq il-fatt li din l-azzjoni tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet sovrani tar-Repubblika ta' Ċipru kif ukoll tad-dritt internazzjonali, inkluża l-UNCLOS;
3. Jerġa' jafferma d-dritt sovran tal-Istati Membri li jikkonkludu ftehimiet bilaterali u li jesploraw u jisfruttaw ir-riżorsi naturali tagħhom skont il-UNCLOS;
4. Itenni t-talba tiegħu lit-Turkija biex tinnormalizza r-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri kollha tal-UE, u jfakkar id-Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u tal-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005, fosthom l-istqarrija li r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha hu element meħtieġ tal-proċess ta' adeżjoni;
5. Jistieden lill-partijiet kollha jaġixxu b'mod responsabbli u kostruttiv biex jirriżolvu l-kriżi, u f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lit-Turkija tirtira l-bastimenti tal-gwerra tagħha mill-ibħra ta' Ċipru mill-aktar fis, bil-għan li titbatta t-tensjoni u titwitta t-triq għat-tkomplija tan-negozjati;
6. Jemmen li l-esplorazzjoni tar-riżorsi naturali mir-Repubblika ta' Ċipru fiż-Żona Ekonomika Esklussiva tagħha ma tikkontradixxix, u ma tpoġġix f'riskju n-negozjati għar-riunifikazzjoni tal-gżira; jindika, f'dan ir-rigward, li l-isfruttament eventwali taż-żejt u l-gass għandu jkun immirat li jkun ta' benefiċċju għaċ-Ċiprijotti kollha;
7. Jistieden lill-partijiet kollha juru rieda politika ġenwina bil-għan li tinstab soluzzjoni sostenibbli u komprensiva għad-diviżjoni li ilha snin twal tikkaratterizza lill-gżira, soluzzjoni li tkun verament ta' benefiċċju għaċ-Ċiprijotti kollha; jemmen li hu ta' dispjaċir, f'dan ir-rigward, li l-pakkett Ċiprijott Grieg ta' proposti ta' miżuri għall-bini tal-fiduċja ġie rrifjutat min-naħa Ċiprijotta Torka; iqis li l-miżuri għall-bini tal-fiduċja setgħu mexxew 'il quddiem l-integrazzjoni tal-komunità Ċiprijotta Torka, u li għandhom isiru aktar sforzi favur l-integrazzjoni tal-komunità ĊiprijottaTorka;
8. Ifakkar lit-Turkija li, bħala pajjiż kandidat għall-UE, għandha taġixxi skont il-valuri tal-UE u tevita azzjonijiet ostili fil-konfront ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE;
9. Jisħaq li l-Parlament se jkompli jimmonitorja l-kwistjoni u jitlob lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-attivitajiet tat-Turkija fiż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru, u biex tirrapporta lura lill-Parlament skont il-każ;
10. Jesprimi l-impenn kontinwi tiegħu, u l-appoġġ tiegħu, tat-taħdidiet dwar ir-rijunifikazzjoni, taħt l-awspiċji tan-NU, għal soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru, kif riaffermati mill-mexxejja tal-komunitajiet Ċiprijotti Griegi u Ċiprijotti Torok fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tal-11 ta' Frar 2014;
11. Jistieden liż-żewġ komunitajiet f'Ċipru, lill-Greċja u t-Turkija biex jagħmlu aktar sforzi biex jappoġġaw it-tkomplija ta' dawn id-diskussjonijiet, u biex ma jeħdux azzjonijiet jew miżuri li jistgħu jitqiesu provokattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex bħala kwistjoni ta' urġenza tesplora modi biex tappoġġa t-tkomplija tad-diskussjonijiet;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill u l-Kummissjoni, lill-President u l-Parlament tar-Repubblika ta' Ċipru, lill-mexxej tal-komunità Ċiprijotta Torka u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tat-Turkija.