Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0277/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0277/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan

10.12.2014 - (2014/2964(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Francesc Gambús, Michèle Alliot-Marie, Lorenzo Cesa, Gunnar Hökmark, Philippe Juvin, Davor Ivo Stier, Francisco José Millán Mon, Jiří Pospíšil, Michaela Šojdrová, Lars Adaktusson f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0277/2014

Proċedura : 2014/2964(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0277/2014
Testi mressqa :
B8-0277/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0277/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan

(2014/2964(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tas-17 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Novembru 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-attakk fis-sinagoga ta' Har Nof,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, bl-Istat ta’ Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u fis-sigurtà;

B.     billi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet fid-29 ta’ Novembru 2012 li tagħti lill-Palestina l-istatus ta’ stat osservatur mhux membru fin-NU;

1.      Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu għat-tensjoni dejjem tikber u ż-żieda fil-vjolenza fir-reġjun; jikkundanna l-attakki terroristiċi reċenti kollha; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jibqgħu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' taggrava s-sitwazzjoni permezz ta' inċitament, provokazzjoni, użu eċċessiv ta' forza jew ritaljazzjoni;

2.      Jappoġġja l-isforzi tal-Gvern Palestinjan b'Kunsens Nazzjonali u l-President Abbas; iħeġġeġ bil-qawwa l-Awtorità Palestinjana biex tassumi progressivament il-funzjoni tagħha ta' gvern fl-Istrixxa ta' Gaża, inkluż fil-qasam tas-sigurtà u l-amministrazzjoni ċivili u permezz tal-preżenza tagħha fil-punti ta' qsim tal-fruntiera f'Gaża; iħeġġeġ lill-fazzjonijiet Palestinjani kollha biex itemmu d-diviżjonijiet interni;

3.      Jisħaq ukoll li kwalunkwe azzjoni li tqajjem dubji dwar l-impenji ddikjarati għal soluzzjoni negozjata jeħtieġ tiġi evitata; jisħaq fuq il-fatt li l-insedjamenti huma illegali skont id-dritt internazzjonali;

4.      Itenni s-sostenn qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ Stati fuq il-bażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, li tipprevedi Stat tal-Iżrael sikur li jgħix maġenb Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, fil-paċi u s-sigurtà; jerġa’ jenfasizza l-fatt li l-mezzi paċifiċi u mhux vjolenti huma l-uniku mod kif tista’ tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

5.      Jisħaq fuq il-bżonn ta' paċi komprensiva li ttemm il-affermazzjonijiet kollha u tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi taż-żewġ partijiet, inklużi dawk tal-Iżraeljani għas-sigurtà u dawk tal-Palestinjani għal stat sovran; jenfasizza li l-unika soluzzjoni possibbli għall-kunflitt hija l-koeżistenza ta' żewġ stati, l-Iżrael u l-Palestina; iqis għalhekk li r-rikonoxximent tal-Palestina bħala stat, suġġett tad-dritt internazzjonali, huwa neċessarju bħala l-eżitu ta' proċess ta' negozjar bejn iż-żewġ partijiet;

6.      Jitlob lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tħeġġeġ, f'koordinazzjoni mal-komunità internazzjonali u b'mod partikolari mal-Istati Membri tal-UE, dan ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala stat sovran fil-qafas ta' soluzzjoni finali u komprensiva għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.