Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0278/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0278/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020

24.11.2014 - (2014/2946(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0042/2014
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Constanze Krehl, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Anneliese Dodds, Michela Giuffrida, Pina Picierno, Kerstin Westphal, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Iliana Iotova, Viorica Dăncilă, Isabelle Thomas, Derek Vaughan f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0278/2014

Proċedura : 2014/2946(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0278/2014
Testi mressqa :
B8-0278/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0278/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020

(2014/2946(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar dewmien fit-tnedija tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (O-000082/2014 – B8‑0042/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija ta' investiment fl-ekonomija reali u hija mutur eċċellenti għat-tkabbir fl-Ewropa, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020;

B.     billi, permezz ta' konċentrazzjoni tematika, ir-riżorsi jiġu mmirati lejn għadd limitat ta' objettivi strateġiċi li għandhom potenzjal li jtejbu t-tkabbir ekonomiku, bħalma huma l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, is-sostenn tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll lejn it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-infrastruttura;

C.     billi l-Ftehimiet ta' Sħubija (FS) u l-Programmi Operazzjonali (PO) huma għodod strateġiċi li jiggwidaw l-investimenti fl-Istati membri u fir-reġjuni bi qbil mal-għanijiet kumplessivi tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġemti, sostenibbli u inklussiv;

D.     billi l-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxu skeda ta' żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija u Programmi Operazzjonali, skont liema skeda l-Ftehimiet ta' Sħubija kellhom jiġu adottati sa tmiem Awwissu 2014 u l-Programmi Operazzjonali jridu jiġu adottati sa mhux aktar tard minn tmiem Jannar 2015;

 

E.     billi qed inħabbtu wiċċna ma' dewmien ċar fil-livell tal-proċess ta' programmazzjoni, meta sa tmiem l-2014 mistennija jiġu approvati biss għadd limitat ħafna ta' programmi operazzjonali (madwar 100);

F.     billi, fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ħejjiet dokument informali dwar it-trattament tal-impenji tal-2014 fil-programmi kofinanzjati mill-FEŻR, il-FSE u l-FK li ma jkunux adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2014;

G.     billi għall-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali hemm previsti żewġ xenarji, li t-tnejn li huma jimplikaw dewmien ulterjuri fil-ftuħ tal-implimentazzjoni: għal dawk li jitqiesu "lesti għall-adozzjoni" sal-31 ta' Diċembru 2014, il-proċedura ta' riport, u għall-programmi li jitqiesu "mhux lesti għall-adozzjoni" sa tmiem l-2014, l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-2014, mhux utilizzata, għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, b'mod li jimplika reviżjoni teknika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

H.     billi, skont l-iskeda ta' żmien ippreżentata mill-Kummissjoni, fil-proċedura ta' riport, Programmi Operazzjonali jistgħu jiġu adottati bejn il-15 ta' Frar u l-31 ta' Marzu 2015, u fil-proċedura tal-ibbaġitjar mill-ġdid, wara l-1 ta' Mejju 2015;

I.      billi, minbarra d-dewmien fl-implimentazzjoni għall-2014-2020, il-politika ta' koeżjoni trid tħabbat wiċċha wkoll ma' pagamenti b'lura għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, żewġ fatturi li qed idgħajfu l-kredibbiltà tagħha;

1.      Jesprimi tħassib serju ħafna dwar id-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020, filwaqt li jagħraf li huwa importanti li Programmi Operazzjonali ta' kwalità għolja jiġu adottati fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni ħalli tiġi evitata r-riprogrammazzjoni fi stadju ulterjuri;

2.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu xhieda ta' responsabbiltà u jagħmlu ħilithom kollha ħalli diġà fl-2014 iħaffu l-adozzjoni ta' għadd massimu ta' Programmi Operazzjonali, kif ukoll biex jiżguraw li kemm jista' jkun programmi jkunu "lesti għall-adozzjoni" sal-31 ta' Diċembru 2014, ħalli jibbenefikaw mill-proċedura ta' riport, bi qbil mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Applikazzjoni tiegħu;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-bon offiċji tagħha biex tissemplifika l-proċeduri interni tagħha ħalli tiżgura li l-Programmi Operazzjonali li jkunu reġgħu tressqu wara l-iskadenza tas-17 ta' Novembru 2014 jiġu kkunsidrati wkoll bil-ħsieb li l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tiġi konkluża sa tmiem is-sena, u jiġu ttrattati bħala lesti għall-adozzjoni jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità;

4.      Huwa konxju li l-ibbaġitjar mill-ġdid fl-2015 tal-ammonti mhux impenjati fl-2014, bi qbil mal-Artikolu 19 tal-QFP, jimplika reviżjoni tal-QFP sal-1 ta' Mejju 2015, li, avolja ta' natura teknika, trid tkun konformi mal-proċedura baġitarja pluriennali: proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tal-QFP, l-approvazzjoni tal-Parlament u adozzjoni unanima fil-Kunsill; jenfasizza, barra minn hekk, li biex il-Programmi Operazzjonali jiġu adottati, jeħtieġ li jiġi approvat abbozz ta' baġit emendatorju korrispondenti li jkopri l-approprjazzjonijiet ta' impenn rispettivi għall-2015, u li dan jimplika, fl-aktar xenarju favorevoli, li l-implimentazzjoni effettiva ta' dawk il-programmi ma tibdiex qabel nofs is-sena 2015;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, tressaq lill-Parlament il-miżuri li biħsiebha tieħu biex, mill-aktar fis, tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali, kif ukoll l-iskeda ta' żmien li tipprevedi;

6.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu, barra minn hekk, dwar il-pagamenti b'lura fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni fir-rigward tal-Programmi Operazzjonali tal-perjodu 2007-2013, kif ukoll dwar il-qagħda attwali ta' staġnar fl-adozzjoni tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3/2014 dwar il-pagamenti pendenti u l-baġit għall-2015, fattur li jkompli jagħmel is-sitwazzjoni tal-kontijiet mhux imħallsa aktar kritika;

7.      Jitlob li l-Kummissjoni tispjega l-impatt ta' dan id-dewmien fil-pagamenti fuq il-ftuħ tal-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali l-ġodda, kif ukoll tipproponi soluzzjonijiet li, kemm jista' jkun, jillimitaw il-ħsara;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħra.