Proċedura : 2014/2946(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0279/2014

Testi mressqa :

B8-0279/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0068

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 129kWORD 63k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0278/2014
24.11.2014
PE539.002v01-00
 
B8-0279/2014

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0042/2014

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (2014/2946(RSP))


Rosa D’Amato, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (2014/2946(RSP))  
B8‑0279/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175 u 176 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020,

–       wara li kkunsidra l-punt 2 u l-punt 3 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - ''Sixth report on economic, social and territorial cohesion: investment for jobs and growth'' (Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020(O-000082/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kriżi affettwat l-investiment pubbliku b'mod drammatiku, fejn naqqsitu b'20 % f'termini reali bejn l-2008 u l-2013 u b'60 % fl-Istati Membri l-aktar milquta, u għaldaqstant issaħħaħ ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni sabiex tagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi u tnaqqas id-differenzi bejn il-livell ta' żvilupp fid-diversi reġjuni,

B.     billi skont l-aħħar informazzjoni disponibbli, ġew adottati biss uħud mill-Programmi Operazzjonali u sa tmiem din is-sena se jiġu adottati biss 100, u dan minkejja li l-politika ta' koeżjoni kellha tibda fl-2014;

C.     billi l-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) li għandu bħala wieħed mill-elementi ewlenin tiegħu l-għan li tiżdied il-prestazzjoni tal-Fondi b'riżultati aktar viżibbli, tfassal bl-objettiv li jżid il-koerenza bejn l-impenji politiċi li saru fil-kuntest ta' Ewropa 2020 u l-investiment fuq il-post;

D.     billi l-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-18 u d-19 ta' Novembru 2014 ifakkar fil-konklużjonijiet tiegħu fl-importanza li jkun hemm oqfsa regolatorji, istituzzjonali u strateġiċi adegwati sabiex jiżguraw l-effikaċja tal-investimenti appoġġjati mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, u jenfasizza li l-programmi adottati huma mfasslin u se jiġu implimentati skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà, il-ġestjoni kondiviża u s-sħubija u jgawdu mill-appoġġ ta' loġika speċifika ta' intervent;

E.     billi fil-każ tal-programmi li ma jkunux lesti għall-adozzjoni sal-31 ta' Diċembru 2014, l-impenji tal-2014 jistgħu jiġu preżervati biss permezz tal-ibbaġitjar mill-ġdid tal-ammonti mhux impenjati mill-2014, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

F.     billi dak imsemmi hawn fuq jimplika reviżjoni tal-QFP abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni, bil-ftehim tal-Kunsill u l-kunsens tal-Parlament, u billi b'konsegwenza diretta se jkun hemm dewmien sinifikanti fil-bidu konkret tal-implimentazzjoni tal-proġetti;

G.     billi fid-19 ta' Novembru 2014 Corina Creţu, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, qalet li hi qed tistenna li l-politika ta' koeżjoni se tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-pakkett ta' investiment ta' EUR 300 biljun imħabbar mill-President Juncker, filwaqt li madankollu matul is-smigħ tagħha f'Ottubru naqqset milli tispjega kif kien beħsiebha tindirizza d-dewmien enormi fil-pagamenti fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni;

H.     billi fl-20 ta' Novembru 2014, il-president tal-Kumitat tar-Reġjuni Michel Lebrun qal li d-dewmien attwali jirrappreżenta sfida għall-kapaċità tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li jippjanaw u jimplimentaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment 2014-2020, u li din is-sitwazzjoni teħtieġ kooperazzjoni sħiħa u stabbli bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet nazzjonali, ir-reġjuni u l-ibliet, inkella l-miġja tal-investiment tagħna se tkun tard wisq;

I.      billi fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni, il-kontijiet mhux imħallsa għall-2011-2012 kienu ta' EUR 11-il biljun, dawk għall-2012-2013 EUR 16-il biljun u għall-2013-2014 kellhom il-livell għoli ta' EUR 23,4 biljun;

1.      Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-waqfien istituzzjonali u finanzjarju, meta wieħed iqis li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni finalment se jfisser aktar piż fuq iċ-ċittadini tal-Ewropa, li diġà huma drammatikament milquta mill-kriżi;

2.      Jilqa' l-pożizzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-20 ta' Novembru 2014 li tappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċeleraw l-adozzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija u tal-Programmi Operazzjonali;

3.      Jinnota bi tħassib li l-ħtieġa ddikjarata li jiġu esplorati l-possibbiltajiet kollha biex tinżamm id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji fi ħdan il-baġit tal-UE, tqajjem il-kwistjoni dwar iċ-ċarezza fir-rigward tad-disponibbiltà tat-EUR 350 biljun għal tkabbir sostenibbli u inklużiv fi ħdan il-politika reġjonali;

4.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara l-pożizzjoni attwali tagħha fir-rigward tat-trattament ta' impenji għall-Programmi Operazzjonali kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-Fond ta' Koeżjoni, li mhux se jkunu ġew adottati sa tmiem l-2014;

5.      Jindika li s'issa għadha ma nġibditx l-attenzjoni tal-Parlament dwar il-kwistjoni tal-ibbaġitjar mill-ġdid tal-ammonti mhux impenjati mill-2014 għall-2015 permezz ta' reviżjoni tal-QFP;

6.      Jinnota bi tħassib li l-allegat kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-pakkett ta' investiment ta' EUR 300 biljun imħabbar mill-President Juncker, jista' jwitti t-triq għal tqassim mill-ġdid tar-riżorsi diġà allokati għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv fil-qafas tal-politika reġjonali;

7.      Jenfasizza li l-ħtieġa li titħaffef il-programmazzjoni sabiex ikun żgurat li l-Programmi Operazzjonali adottati jiġu implimetati, m'għandhiex tippreġudika l-kwalità tagħhom;

8.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara kif is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kontijiet mhux imħallsa mill-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 tolqot l-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali u l-bidu tal-perjodu ta' implimentazzjoni l-ġdid;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħrajn.

Avviż legali - Politika tal-privatezza