Proċedura : 2014/2946(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0280/2014

Testi mressqa :

B8-0280/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0068

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 131kWORD 62k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0278/2014
24.11.2014
PE539.003v01-00
 
B8-0280/2014

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0042/2014

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (2014/2946(RSP))


Monika Vana, Terry Reintke, Davor Škrlec, Bronis Ropė, Benedek Jávor f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (2014/2946(RSP))  
B8‑0280/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002,

–       wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3 għall-Baġit Ġenerali tal-2014 (COM(2014)0329),

–       wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bit-titlu, ''Investment for jobs and growth: Promoting development and good governance in EU regions and cities'' (Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir: Il-promozzjoni tal-iżvilupp u tal-governanza tajba fir-reġjuni u l-ibliet tal-UE);

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kummissjoni dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (O-000082/2014 – B8‑0042/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi s-sitt rapport ta' koeżjoni jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni kkontribwixxiet b'mod sinifikanti sabiex jittaffa' l-waqfien fl-investiment tul dawn l-aħħar snin, partikolarment f'dawk l-Istati Membri li l-agħar li ntalqtu mill-kriżi, u għadha l-aktar politika importanti tal-investiment tal-UE għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

B.     billi kien hemm dewmien fl-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv għall-perjodu ta' finanzjament 2014-2020 u l-Istati Membri eżitaw li jaċċeleraw it-tħejjija tal-proċess ta' programmazzjoni;

C.     billi skont l-aħħar informazzjoni disponibbli, s'issa ġew adottati l-ftehimiet kollha ta' sħubija u wħud biss mill-programmi operazzjonali;

D.     billi l-Kummissjoni ħabbret li se tapplika proċedura ta' riport lil dawk il-programmi operazzjonali li sa tmiem l-2014 ikunu għadhom ''lesti li jiġu adottati'', proċedura li se tippermetti li l-impenji tal-2014 jiġu riportati għall-2015, bil-kundizzjoni li l-ammonti tal-2014 ikunu impenjati sal-31 ta' Marzu 2015;

E.     billi l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipproponi l-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għal dawk il-programmi operazzjonali li ma jkunux lesti biex jiġu adottati sa tmiem l-2014, biex b'hekk jiġu bbaġitjati mill-ġdid l-allokazzjonijiet għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment tal-2014 li ma jkunux intużaw;

F.     billi barra dan, l-Istati Membri u r-reġjuni qed iħabbtu wiċċhom mal-problema li l-Kummissjoni jaf mhux se tkun tista' tonora fil-ħin it-talbiet pendenti għal pagament mill-perjodu ta' finanzjament 2007-2013, u b'hekk dan se joħloq aktar ostakoli fl-użu tal-flejjes impenjati u jimmina l-kredibilità tal-UE;

G.     billi dan l-aħħar falliet il-konċiljazzjoni baġitarja li kellha l-għan tiffaċilita soluzzjoni għan-nuqqas ta' pagament, u b'hekk dan tawwal l-insuffiċjenza fil-finanzjament tal-baġit tal-UE;

H.     billi fl-istess waqt, il-Kummissjoni ħabbret li se tippreżenta proposta għal pakkett ta' investiment;

1.      Jenfasizza r-rwol importanti tal-politika ta' koeżjoni bħala l-istrument ewlieni tal-UE għall-investiment fl-impjiegi u l-ekonomija reali, allinjat mal-objettivi ta' Ewropa 2020;

2.      Jifraħ lill-Istati Membri u lir-reġjuni kkonċernati li rnexxielhom jiffinalizzaw l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali tagħhom qabel tmiem l-2014, biex b'hekk ikun jista' jsir investiment fi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

3.      Jaqbel mal-Kummissjoni li ma tistax tiġi ssagrifikata l-kwalità għar-rapidità; jenfasizza l-ħtieġa li fil-ġlieda kontra l-frodi jkun hemm programmi u proġetti ta' kwalità għolja;

4.      Jinsab imħasseb dwar id-dewmien sinifikanti fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jkomplu jżidu l-isforzi tagħhom għall-adozzjoni ta' programmi operazzjonali, filwaqt li jiżguraw li jiġu ssodisfati kif xieraq ir-rekwiżiti kollha u li l-implimentazzjoni tibda mingħajr aktar dewmien;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-konsegwenzi tad-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 fuq l-impjiegi, l-ekonomija reali u l-ħarsien ambjentali u tal-klima, tagħmel rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq il-lezzjonijiet li nsiltu għall-ftuħ tal-perjodu ta' finanzjament li jmiss wara l-2020 u tippubblika komunikazzjoni dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha, filwaqt li telenka wkoll il-problemi ewlenin u l-ostakli li kien hemm f'bosta Stati Membri;

7.      Jibża' li parti mill-allokazzjonijiet tal-2014 se jintilfu minħabba d-dewmien li kien hemm u li mhux se jkunu disponibbli għall-investimenti meħtieġa b'urġenza fir-reġjuni; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu possibbli sabiex it-telf jibqa' l-minimu possibbli billi jiftiehmu kemm jista' jkun malajr u b'mod konġunt mal-Parlament dwar l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet tal-2014 skont l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-QFP;

8.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex bħala miżura fuq perjodu qasir jagħmlu użu minn self tranżitorju biex b'hekk jaċċeleraw l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiffaċilita l-proċess b'kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment;

9.      Jinsab imħasseb ħafna dwar il-lakuna dejjem tiżdied fil-pagamenti u n-nuqqas ta' konċiljazzjoni baġitarja, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà u jħallu lill-Kummissjoni tonora l-pagamenti pendenti għall-perjodu ta' finanzjament 2007-2013 fi ħdan il-qafas ta' żmien meħtieġ;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' politika ta' koeżjoni li tiffunzjona kompletament u li jkollha rwol importanti fil-kontribut lejn l-ilħuq tal-ħtiġijiet tal-investiment tal-UE, is-soluzzjoni tal-problemi baġitarji u l-limitazzjoni tad-dannu relatat mal-opportunitajiet ta' investiment tal-UE;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħrajn.

Avviż legali - Politika tal-privatezza