MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020
24.11.2014 - (2014/2946(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Iskra Mihaylova, Ivan Jakovčić, Gérard Deprez f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0278/2014
B8‑0281/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 174 sa 178 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2014-2020,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar dewmien fit-tnedija tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (O-000082/2014 – B8‑0042/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. minħabba li l-adozzjoni tard tal-QFP f'Novembru 2013 ittardjat l-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv ta' koeżjoni;
B. billi l-politika ta' koeżjoni tirrapreżenta madwar terz tal-baġit tal-UE fuq il-perjodu 2014-2020 b'ammont totali ta' EUR 351 biljun (prezzijiet attwali);
C. billi r-Regolament li jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Ġenerali (Nru 1083/2006) jipprevedi aktar sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESIF) li jippermettu investimenti f'diversi fondi;
D. billi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESIF) għandhom approċċ orjentat aktar lejn ir-riżultat milli fil-perjodu 2007-2013, kif ukoll jintegraw aħjar fis-Semestru Ewropew u l-politiki nazzjonali;
E. billi l-ESIF jirrapreżentaw l-investiment pubbliku ewlieni tal-UE b'kontribut dirett għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u huma l-uniku investiment pubbliku f'ħafna Stati Membri;
F. billi l-Pjan ta' Investiment fl-Unjoni Kollha ta' EUR 300 biljun hu prijorità politika ewlenija tal-President elett tal-Kummissjoni Juncker;
G. billi l-politika ta' koeżjoni timmobilizza l-finanzjament għal ħdax-il prijorità bħall-RTDI[1], l-ICT, l-SMEs, ekonomija b'livell baxx tal-karbonju, il-klima, l-ambjent u l-effiċjenza fir-riżorsi, it-trasport, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li hemm konċentrazzjoni baġitarja fuq l-RTDI, l-SMEs, l-ICT u fuq ekonomija b'livell baxx tal-karbonju;
H. billi l-Ftehimiet ta' Sħubija (PAs) u l-Programmi Operazzjonali (OPs), negozjati bejn il-Kummissjoni (DĠ REGIO) u l-Istati Membri, jirrapreżentaw l-istrateġiji nazzjonali li jistabbilixxu l-objettivi u l-prijoritajiet li se jkunu ffinanzjati fi ħdan il-politika ta' koeżjoni permezz ta' għotjiet, strumenti finanzjarji u assistenza teknika; barra minn hekk, huma għandhom ikunu korrelati mal-istrateġiji tal-UE 2020 u mal-inizjattivi ewlenin tagħha;
I. billi kuntrarju għall-passat, il-perjodu ta' programmar 2014-2020 hu karatterizzat minn attenzjoni akbar fuq il-kwalità tal-Ftehimiet ta' Sħubija u tal-Programmi Operazzjonali;
J. billi l-PAs u l-OPs kellhom ikunu żviluppati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fi sħubija mal-partijiet interessati pubbliċi relevanti kemm dawk reġjonali u kemm dawk lokali;
K. billi l-adozzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali hi kundizzjoni biex jinbeda l-perjodu l-ġdid tal-politika ta' koeżjoni;
L. billi attwalment il-Ftehimiet ta' Sħubija kollha ġew approvati mill-Kummissjoni u biss madwar 10 % tal-Programmi Operazzjonali kollha ġew adottati, filwaqt li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li żżid l-approvazzjoni tagħhom jew lesta biex tadotta sa 50 % sa tmiem is-sena;
M. billi, wara t-talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ppreparat dokument informali dwar it-trattament tal-impenji tal-2014 fil-programmi kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni li ma jkunux adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2014;
N. billi, minbarra l-OPs li jistgħu jkunu adottati sa tmiem l-2014, hemm żewġ sitwazzjonijiet oħra previsti fir-rigward tal-bidu tal-implimentazzjoni: għal dawk li jitqiesu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014, il-proċedura ta' riport, u għall-programmi li jitqiesu 'mhux lesti għall-adozzjoni' sa tmiem l-2014, l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-2014, mhux utilizzata, għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, li jimplika reviżjoni teknika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);
O. billi, skont l-iskeda ta' żmien ippreżentata mill-Kummissjoni, fil-proċedura ta' riport, l-OPs jistgħu jiġu adottati bejn il-15 ta' Frar u l-31 ta' Marzu 2015, u fil-proċedura tal-ibbaġitjar mill-ġdid, wara l-1 ta' Mejju 2015;
P. billi sal-31 ta' Diċembru 2013 l-impenji li fadal (RALs) li jammontaw għal EUR 220 biljun, li minnhom EUR 136 biljun (60%) għall-politika ta' koeżjoni;
Q. billi minkejja d-dewmien fl-implimentazzjoni għall-2014-2020, il-politika ta' koeżjoni qed tħabbat wiċċha wkoll ma' talbiet ta' pagamenti b'lura għall-perjodu ta' programmar 2007-2013 li qed jiżdiedu u li huma insostenibbli (EUR 5 biljun fl-2011, EUR 11-il biljun fl-2012, EUR 13-il biljun fl-2013 u EUR 23 biljun fl-2014), li kollha qed idgħajfu l-kredibbiltà tagħha;
R. billi l-baġit tal-2014 juri bilanċ mhux mistenni ta' dħul ta' EUR 5 biljun, li jikkumpensa b'mod sħiħ il-ħtiġijiet ta' pagamenti addizzjonali tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3/2014;
1. Jinsab ferm imħasseb dwar id-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza u l-ħtieġa li jkunu adottati l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali ta' kwalità għolja sabiex tiżdied l-effiċjenza, l-effikaċja u l-impatt tal-politika kollha kemm hi; jinsab inkwetat, barra minn hekk, li kull dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-2014-2020 se jfixkel il-bidu u s-suċċess tal-Pjan ta' Investiment fl-Unjoni Kollha;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri isaħħu l-isforzi tagħhom biex ikabbru l-kwalità tal-Programmi Operazzjonali fejn meħtieġ sabiex jiżguraw li kemm jista' jkun programmi jkunu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014, ħalli jibbenefikaw mill-proċedura ta' riport, bi qbil mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Applikazzjoni tiegħu;
3. Jesiġi li l-Kummissjoni, filwaqt li żżomm attenzjoni għolja fuq il-kwalità, tanalizza l-possibbiltajiet kollha biex tissemplifika l-proċeduri interni tagħha ħalli tiżgura li l-Programmi Operazzjonali li jkunu reġgħu tressqu wara l-iskadenza tal-24 ta' Novembru 2014 jiġu kkunsidrati wkoll bil-ħsieb li l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tiġi konkluża sa tmiem is-sena, u jiġu ttrattati bħala lesti għall-adozzjoni jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità;
4. Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw proċess immexxi minn kwalità għolja fl-iżvilupp u l-aġġornament tal-Programmi Operazzjonali;
5. Jinsab konxju li l-ibbaġitjar mill-ġdid fl-2015 tal-ammonti mhux impenjati fl-2014, bi qbil mal-Artikolu 19 tal-QFP, jimplika reviżjoni tal-QFP sal-1 ta' Mejju 2015, li, anki jekk tkun ta' natura teknika, tkun trid tikkonforma mal-proċedura tal-baġit pluriennali; proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tal-QFP, l-approvazzjoni tal-Parlament u l-adozzjoni unanima mill-Kunsill; jenfasizza, barra minn hekk, li biex il-Programmi operazzjonali jiġu adottati, jeħtieġ li jiġi approvat abbozz ta' baġit emendatorju korrispondenti li jkopri l-approprjazzjonijiet ta' impenn rispettivi għall-2015, u li dan jimplika li, fl-aktar xenarju favorevoli, il-ftuħ effettiv tal-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi jiddewwem sa nofs is-sena 2015;
6. Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, tressaq lill-Parlament il-miżuri li biħsiebha tieħu biex, mill-aktar fis, tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali, kif ukoll l-iskeda ta' żmien li tipprevedi;
7. Jinsab ferm imħasseb dwar il-pagamenti li għadhom pendenti fil-politika ta' koeżjoni għall-Programmi Operazzjonali tal-perjodu 2007-2013, kif ukoll dwar il-fatt li attwalment hi imblukkata l-adozzjoni tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3/2014 dwar il-pagamenti pendenti u BUDG 2015, fattur li jkompli jagħmel aktar kritika s-sitwazzjoni tal-kontijiet mhux imħallsa; jisħaq fuq l-importanza u l-urġenza li, sa tmiem l-2014, jintlaħaq qbil f'dan is-sens abbażi tal-proposti eżistenti tal-Kummissjoni;
8. Iħeġġeġ lill-Kunsill, bi qbil mal-prinċipji ta' baġitjar tajjeb u ta' ġestjoni finanzjarja tajba, li jaċċetta li jqiegħed kull għajn ta' dħul mhux mistenni biex jitħallsu talbiet ta' pagamenti pendenti;
9. Jitlob li l-Kummisjsoni tispjega l-impatt ta' dan id-dewmien fil-pagamenti fuq il-ftuħ tal-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali l-ġodda, kif ukoll tipproponi soluzzjonijiet li, kemm jista' jkun, jillimitaw il-ħsara;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħra.
- [1] Ir-riċerka , l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni.