Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0282/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0282/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020

24.11.2014 - (2014/2946(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0042/2014
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Younous Omarjee, Martina Michels, Patrick Le Hyaric, Dimitrios Papadimoulis, Kostas Chrysogonos, Ángela Vallina f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0278/2014

Proċedura : 2014/2946(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0282/2014
Testi mressqa :
B8-0282/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0282/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020

(2014/2946(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tat-TFUE,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175 u 176 tat-TFUE,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 162 tat-TFUE,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 39 tat-TFUE,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta '  Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar dewmien fit-tnedija tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (O-000082/2014 – B8‑0042/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-politika ta' koeżjoni u b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huma l-istrumenti ta' solidarjetà prinċipali tal-UE, intiżi biex jirrimedjaw l-iżbilanċi reġjonali ewlenin fl-Unjoni permezz ta' parteċipazzjoni fl-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li għadhom lura f' dak li jirrigwarda l-iżvilupp, u fil-konverżjoni ta' reġjuni industrijali li sejrin lura;

B.     billi, bil-għan li jtejjeb l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema fis-suq intern u b'hekk jikkontribwixxi għat-titjib tal-istandard tal-għajxien, bit-Trattati twaqqaf Fond Soċjali Ewropew, maħsub biex jiffaċilita l-ingaġġ ta' ħaddiema f'impjiegi, iqawwi l-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali tagħhom fi ħdan l-Unjoni kif ukol l-adattament tagħhom għat-tibdiliet fl-industriji u fis-sistemi tal-produzzjoni, b'mod partikolari permezz tat-taħriġ, u t-taħriġ mill-ġdid, vokazzjonali;

C.     billi l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FAEŻR) huwa maħsub biex isaħħaħ il-politika tal-iżvilupp rurali tal-UE, itejjeb is-settur agrikolu u l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, u jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali;

D.     billi l-politika ta' koeżjoni għandha rwol ewlieni fit-trawwim tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fir-reġjuni kollha tal-UE;

E.     billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta wkoll il-politka ewlenija ta' investiment u ridistribuzzjoni fl-UE kollha kemm hi, u hija fond ewlieni għat-tkabbir fl-Ewropa, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020;

F.     billi, fi żmien ta' awsterità u restrizzjonijiet baġitarji, bosta reġjuni Ewropej jiddependu u/jew iserrħu fuq id-disponibbiltà tal-fondi ta' koeżjoni tal-UE u tal-FAEŻR biex jikkofinanzjaw firxa wiesgħa ta' proġetti;

G.     billi r-reġjuni l-anqas żviluppati tal-UE, iż-żgħażagħ, ix-xjuħ, il-persuni b'diżabbiltà u n-nies li jġarrbu esklużjoni soċjali, kif ukoll l-iskejjel, l-assoċjazzjonijiet, l-SMEs, il-mexxejja ta' proġetti żgħar, in-nies li jgħixu fiż-żoni rurali u l-bdiewa se jkunu minn tal-ewwel li jġarrbu l-effett konkret ta' dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020;

H.     billi l-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxu skeda ta' żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta' ftehimiet ta' sħubija u programmi operazzjonali, skont liema skeda l-ftehimiet ta' sħubija jridu jiġu adottati sa mhux aktar tard minn tmiem Awwissu 2014 u l-programmi operazzjonali sa mhux aktar tard minn tmiem Jannar 2015;

I.      billi qed inħabbtu wiċċna ma' dewmien ċar fil-proċess ta' programmazzjoni, meta sa tmiem l-2014 mistennija jiġu approvati biss għadd limitat ħafna ta' programmi operazzjonali (madwar 100);

J.      billi, fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ppreparat dokument informali dwar it-trattament tal-impenji tal-2014 fil-programmi kofinanzjati mill-FEŻR, il-FSE u l-FK li ma jkunux adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2014;

K.     billi hemm previsti żewġ xenarji għall-adozzjoni tal-programmi operazzjonali, li t-tnejn li huma jimplikaw dewmien ulterjuri rigward il-ftuħ tal-implimentazzjoni: għal dawk li jitqiesu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014, il-proċedura ta' riport, u għall-programmi li jitqiesu 'mhux lesti għall-adozzjoni' sa tmiem l-2014, l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-2014, mhux utilizzata, għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, b'mod li jimplika reviżjoni teknika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

L.     billi l-iskeda ta' żmien ippreżentata mill-Kummisjsoni, programmi operazzjonali jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura ta' riport bejn il-15 ta' Frar u l-31 ta' Marzu 2015, u l-proċedura tal-ibbaġitjar mill-ġdid wara l-1 ta' Mejju 2015;

M.    billi minbarra d-dewmien fl-implimentazzjoni għall-2014-2020, il-politika ta' koeżjoni trid tħabbat wiċċha wkoll ma' pagamenti b'lura għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 li, fi tmiem l-2013 kienu jlaħħqu EUR 23,4 biljun, żewġ affarijiet li jimminaw il-kredibbiltà, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tagħha;

1.      Jesprimi tħassib serju dwar id-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020, filwaqt li jagħraf l-importanza tal-adozzjoni ta' programmi operazzjonali ta' kwalità għolja fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni;

2.      Jistieden lill-Kummisjsoni, lill-Istati Membri u lir-Reġjuni tal-UE biex jagħtu xhieda ta' responabbiltà u jagħmlu ħilithom kollha biex iħaffu l-adozzjoni ta' programmi operazzjonali fl-2014, kif ukol biex jiżguraw li l-programmi kollha jkunu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014, ħalli jibbenefikaw mill-proċedura ta' riport, bi qbil mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Applikazzjoni tiegħu;

3.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissemplifika l-proċeduri interni tagħha ħalli tiżgura li l-kważi totalità tal-programmi operazzjonali li jkunu reġgħu tressqu wara l-iskadenza tas-17 ta' Novembru 2014 jiġu kkunsidrati bil-ħsieb li l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tiġi konkluża sa tmiem is-sena, u jiġu ttrattati bħala lesti għall-adozzjoni jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità;

4.      Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija waħda mill-aktar politiki tal-UE magħrufin u stmati fost iċ-ċittadini tal-Unjoni;

5.      Jikkondividi t-tħassib tal-Kumitat tar-Reġjuni rigward il-pakkett ta' investiment ta' EUR 300 biljun, li, skont il-konklużjonijiet tal-aħħar laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, jista' jiġi marbut mas-somma allokata għall-politika ta' koeżjoni; iqis li dan jirrappreżenta inċertezza serja fi żmien li fih reġjuni u bliet fl-istess ħin qegħdin jimmobilizzaw l-enerġiji tagħhom kollha biex jippjanaw kif iwettqu l-programmi operazzjonali tagħhom għall-perjodu 2014-2020;

6.      Iqis li l-ibbaġitjar mill-ġdid fl-2015 ta' ammonti mhux kommessi fl-2014 għandu jiġi evitat kemm jista' jkun, ladarba, skont l-Artikolu 19 tal-QFP, dan l-ibbaġitjar mill-ġdid jimplika reviżjoni tal-QFP sal-1 ta' Mejju 2015 li, anki jekk ikun ta' natura teknika, irid jikkonforma mal-proċedura baġitarja pluriennali, jiġifieri proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tal-QFP, l-approvazzjoni tal-Parlament u l-adozzjoni unanima mill-Kunsill; jesprimi tħassib profond dwar il-kumplessità ta' tali bbaġitjar mill-ġdid, u jfakkar li huwa importanti li jiġi evitat kull tnaqqis tal-impenji baġitarji tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020;

7.      Jinsisti wkoll fuq il-fatt li, għall-programmi operazzjonali li jkunu jridu jiġu adottati, jeħtieġ li jiġi approvat abbozz ta' baġit emendatorju li jkopru l-approprjazzjonijiet ta' impenn rispettivi għall-2015, u li dan jimplika li, fl-aktar xenarju favorevoli, il-ftuħ effettiv tal-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi jiddewwem sa nofs is-sena 2015;

8.      Jitlob li l-Kummissjoni, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, tressaq lill-Parlament il-miżuri li biħsiebha tieħu biex, mill-aktar fis, tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali, kif ukoll l-iskeda ta' żmien li tipprevedi;

9.      Jesprimi tħassib serju, barra minn hekk, dwar il-pagamenti li għadhom penedenti fil-politika ta' koeżjoni għall-programmi operazzjonali tal-perjodu 2007-2013, u dwar il-fatt li llum l-adozzjoni tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3/2014 dwar il-pagamenti pendenti u BUDG 2015, fattur li s-sitwazzjoni tal-kontijiet mhux imħallsa jkompli jagħmilha aktar kritika; jistieden lill-Istati Membri juru sens ta' responsabbiltà u rieda li jsolvu din il-kwistjoni tal-pagamenti pendenti, li qed tipperikola l-kredibiltà tal-fondi tal-UE;

10.    Jitlob li l-Kummisjsoni tispjega l-impatt ta' dan id-dewmien fil-pagamenti fuq il-ftuħ tal-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali l-ġodda, kif ukoll tipproponi soluzzjonijiet li, kemm jista' jkun, jillimitaw il-ħsara;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħra.