Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0283/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0283/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020

24.11.2014 - (2014/2946(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0042/2014
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Andrew Lewer, Ruža Tomašić, Tomasz Piotr Poręba, James Nicholson, Mirosław Piotrowski f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0278/2014

Proċedura : 2014/2946(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0283/2014
Testi mressqa :
B8-0283/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0283/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020

(2014/2946(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar dewmien fit-tnedija tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (O-000082/2014 – B8‑0042/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija ta' investiment fl-ekonomija reali fl-UE kollha kemm hi u hija mutur eċċellenti għat-tkabbir fl-Ewropa, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020;

B.     billi, permezz ta' konċentrazzjoni tematika, dawn ir-riżorsi jiġu mmirati lejn għadd limitat ta' objettivi strateġiċi li għandhom potenzjal li jtejbu t-tkabbir ekonomiku, bħalma huma l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, is-sostenn tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, flimkien mat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-infrastruttura;

C.     billi l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali huma għodod strateġiċi li jiggwidaw l-investimenti fl-Istati Membri u fir-reġjuni, bi qbil mal-għanijiet kumplessivi tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

D.     billi l-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxu l-iskeda ta' żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija u Programmi Operazzjonali, skont liema skeda l-Ftehimiet ta' Sħubija kellhom jiġu adottati sa tmiem Awwissu 2014 u l-Programmi Operazzjonali jridu jiġu adottati sa mhux aktar tard minn tmiem Jannar 2015;

E.     billi hemm dewmien ċar fil-proċess ta' programmazzjoni, b'għadd limitat ħafna ta' Programmi Operazzjonali (madwar 115) li huma mistennija jiġu approvati sa tmiem l-2014;

F.     billi, fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ħejjiet dokument informali dwar it-trattament tal-impenji tal-2014 fil-programmi kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni li ma jkunux adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2014;

G.     billi għall-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali hemm previsti żewġ xenarji, li t-tnejn li huma jimplikaw dewmien ulterjuri fil-ftuħ tal-implimentazzjoni: għal dawk li jitqiesu "lesti għall-adozzjoni" sal-31 ta' Diċembru 2014, il-proċedura ta' riport, u għall-programmi li jitqiesu "mhux lesti għall-adozzjoni" sa tmiem l-2014, l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-2014, mhux utilizzata, għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, b'mod li jimplika reviżjoni teknika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

H.     billi, skont l-iskeda ta' żmien ippreżentata mill-Kummissjoni, fil-proċedura ta' riport, Programmi Operazzjonali jistgħu jiġu adottati bejn il-15 ta' Frar u l-31 ta' Marzu 2015, u fil-proċedura tal-ibbaġitjar mill-ġdid, wara l-1 ta' Mejju 2015;

I.      billi minbarra d-dewmien fl-implimentazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-politika ta' koeżjoni trid tħabbat wiċċha wkoll ma' pagamenti b'lura għall-perjodu 2007-2013, u billi dawn iż-żewġ fatturi jdgħajfu l-kredibbiltà tagħha;

1.      Jesprimi tħassib serju ħafna dwar id-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, filwaqt li jagħraf li huwa importanti li Programmi Operazzjonali ta' kwalità għolja jiġu adottati fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni ħalli tiġi evitata r-riprogrammazzjoni fi stadju ulterjuri;

2.      Jenfasizza li d-dewmien tal-lum qed jipperikola l-kapaċità tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li b'mod effikaċi jippjanaw u jimplimentaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-perjodu 2014-2020;

3.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu xhieda ta' responsabbiltà u jagħmlu ħilithom kollha ħalli diġà fl-2014 iħaffu l-adozzjoni ta' għadd massimu ta' Programmi Operazzjonali, kif ukoll biex jiżguraw li kemm jista' jkun programmi jkunu "lesti għall-adozzjoni" sal-31 ta' Diċembru 2014 b'tali mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-proċedura ta' riport, bi qbil mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Applikazzjoni tiegħu;

4.      Jesiġi li l-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltajiet kollha biex tissemplifika l-proċeduri interni tagħha ħalli tiżgura li l-Programmi Operazzjonali li jkunu reġgħu tressqu wara l-iskadenza tas-17 ta' Novembru 2014 jiġu kkunsidrati wkoll bil-ħsieb li l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tiġi konkluża sa tmiem is-sena, u jiġu ttrattati bħala "lesti għall-adozzjoni" jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità;

5.      Huwa konxju li l-ibbaġitjar mill-ġdid fl-2015 tal-ammonti mhux impenjati fl-2014, bi qbil mal-Artikolu 19 tal-QFP, jimplika reviżjoni tal-QFP sal-1 ta' Mejju 2015, li, avolja ta' natura teknika, trid tkun konformi mal-proċedura baġitarja pluriennali: proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tal-QFP, l-approvazzjoni tal-Parlament u l-adozzjoni unanima mill-Kunsill; jenfasizza, barra minn hekk, li biex il-Programmi Operazzjonali jiġu adottati, jeħtieġ li jiġi approvat ukoll abbozz ta' baġit emendatorju korrispondenti li jkopri l-approprjazzjonijiet ta' impenn rispettivi għall-2015, u li dan jimplika li, fl-aktar xenarju favorevoli, l-implimentazzjoni effettiva ta' dawk il-programmi ma tibdiex qabel nofs is-sena 2015;

6.      Jitlob li l-Kummissjoni, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, tressaq lill-Parlament il-miżuri li biħsiebha tieħu biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali mill-aktar fis, flimkien mal-iskeda ta' żmien li tipprevedi;

7.      Huwa allarmat dwar l-istatus tal-pagamenti pendenti fil-politika ta' koeżjoni għall-Programmi Operazzjonali tal-perjodu 2007-2013; jisħaq fuq l-importanza u l-urġenza li, sa tmiem l-2014, jintlaħaq qbil abbażi tal-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni;

8.      Jitlob li l-Kummissjoni tispjega l-impatt ta' dan id-dewmien fil-pagamenti fuq il-ftuħ tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali l-ġodda, kif ukoll tipproponi soluzzjonijiet li, kemm jista' jkun, jillimitaw il-ħsara;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħra.