MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020
24.11.2014 - (2014/2946(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Lambert van Nistelrooij, Tamás Deutsch, Marian-Jean Marinescu, Jan Olbrycht, Marc Joulaud, Franck Proust, Tunne Kelam, Claude Rolin, Pascal Arimont, Krzysztof Hetman, Joachim Zeller, Raffaele Fitto, Franc Bogovič, Tomáš Zdechovský, Stanislav Polčák, Maurice Ponga, Daniel Buda, Siegfried Mureşan, Ivana Maletić, Michaela Šojdrová, Lara Comi, Jiří Pospíšil, Iuliu Winkler f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0278/2014
B8‑0284/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 20142020
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar dewmien fit-tnedija tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (O-000082/2014 – B8‑0042/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politka ewlenija ta' investiment fl-ekonomija reali u mutur eċċellenti għat-tkabbir fl-Ewropa, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020;
B. billi, permezz ta' konċentrazzjoni tematika, ir-riżorsi jiġu mmirati lejn għadd limitat ta' objettivi strateġiċi li għandhom potenzjal li jtejbu t-tkabbir ekonomiku, bħalma huma l-innovazjzoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, is-sostenn tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll lejn it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-infrastruttura;
C. billi l-Ftehimiet ta' Sħubija (FS) u l-Programmi Operazzjonali (PO) huma għodod strateġiċi li jiggwidaw l-investimenti fl-Istati membri u fir-reġjuni bi qbil mal-għanijiet kumplessivi tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġemti, sostenibbli u inklussiv;
D. billi l-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxu skeda ta' żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija u Programmi Operazzjonali, skont liema skeda l-Ftehimiet ta' Sħubija kellhom jiġu adottati sa tmiem Awwissu 2014 u l-Programmi Operazzjonali jridu jiġu adottati sa mhux aktar tard minn tmiem Jannar 2015;
E. billi qed inħabbtu wiċċna ma' dewmien ċar fil-livell tal-proċess ta' programmazzjoni, meta sa tmiem l-2014 mistennija jiġi approvat biss għadd limitat ħafna ta' programmi operazzjonali (madwar 100);
F. billi, wara t-talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ppreparat dokument informali dwar it-trattament tal-impenji tal-2014 fil-programmi kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni li ma jkunux adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2014;
G. billi hemm previsti żewġ xenarji għall-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali, li t-tnejn li huma jimplikaw dewmien ulterjuri rigward il-ftuħ tal-implimentazzjoni; għal dawk li jitqiesu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014, il-proċedura ta' riport, u għall-programmi li jitqiesu 'mhux lesti għall-adozzjoni' sa tmiem l-2014, l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-2014, mhux utilizzata, għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, b'mod li jimplika reviżjoni teknika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);
H. billi, skont l-iskeda ta' żmien ippreżentata mill-Kummissjoni, fil-proċedura ta' riport, Programmi Operazzjonali jistgħu jiġu adottati bejn il-15 ta' Frar u l-31 ta' Marzu 2015, u fil-proċedura tal-ibbaġitjar mill-ġdid, wara l-1 ta' Mejju 2015;
I. billi, minbarra d-dewmien fl-implimentazzjoni għall-2014-2020, il-politika ta' koeżjoni trid tħabbat wiċċha wkoll ma' pagamenti b'lura għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, żewġ affarijiet li jimminaw il-kredibbiltà tagħha;
1. Jesprimi tħassib serju ħafna dwar id-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020, filwaqt li jagħraf li huwa importanti li Programmi Operazzjonali ta' kwalità għolja jiġu adottati fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni ħalli tiġi evitata r-riprogrammazzjoni aktar tard;
2. Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni, flimkien mal-kofinanzjament żgurat mill-Istati membri, tipprovdi proporzjon maġġuri tal-infiq pubbliku relatat mat-tkabbir ekonomiku fl-UE; jenfasizza, għaldaqstant, li huwa imperattiv li l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda tinfetaħ mill-aktar fis possibbli, biex isaħħu d-dinamika tal-investiment, jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u jqawwu t-tkabbir tal-produttività;
3. Iħeġġeġ lill-Kummisjsoni u lill-Istati Membri biex jagħtu xhieda ta' responabbiltà u jagħmlu ħilithom kollha ħalli diġà fl-2014 iħaffu l-adozzjoni ta' għadd massimu ta' Programmi Operazzjonali, kif ukol biex jiżguraw li kemm jista' jkun programmi jkunu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014, ħalli jibbenefikaw mill-proċedura ta' riport, bi qbil mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Applikazzjoni tiegħu;
4. Jesiġi li l-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltajiet kollha biex tissemplifika l-proċeduri interni tagħha ħalli tiżgura li l-Programmi Operazzjonali li jkunu reġgħu tressqu wara l-iskadenza tas-17 ta' Novembru 2014 jiġu kkunsidrati wkoll bil-ħsieb li l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tiġi konkluża sa tmiem is-sena, u jiġu ttrattati bħala lesti għall-adozzjoni jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità;
5. Huwa konxju li t-tieni xenarju, applikabbli għall-Programmi Operazzjonali li ma jkunux lesti għall-adozzjoni sa tmiem l-2014, jiġifieri l-ibbaġitjar mill-ġdid fl-2015 tal-ammonti mhux impenjati fl-2014, bi qbil mal-Artikolu 19 tal-QFP, jimplika reviżjoni tal-QFP sal-1 ta' Mejju 2015, li, anki jekk tkun ta' natura teknika, tkun trid tikkonforma mal-proċedura tal-baġit pluriennali; għaldaqstant, jistieden lill-Kummisjsoni tibda diskussjonijiet mill-aktar fis possibbli mal-parlament u mal-Kunsill biex tfassal pjanta direzzjonali kredibbli li tiżgura li r-reviżjoni tal-QFP tiġi adottata kemm jista' jkun kmieni fl-2015;
6. Jenfasizza, barra minn hekk, li biex il-Programmi operazzjonali jiġu adottati, jeħtieġ li jiġi approvat abbozz ta' baġit emendatorju korrispondenti li jkopri l-approprjazzjonijiet ta' impenn rispettivi għall-2015, u li dan jimplika li, fl-aktar xenarju favorevoli, il-ftuħ effettiv tal-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi jiddewwem sa nofs is-sena 2015;
7. Jitlob lil l-Kummissjoni, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, tressaq lill-Parlament il-miżuri li biħsiebha tieħu biex, mill-aktar fis, tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali, kif ukoll l-iskeda ta' żmien li tipprevedi;
8. Huwa allarmat dwar il-pagamenti li għadhom pendenti fil-politika ta' koeżjoni għall-Programmi Operazzjonali tal-perjodu 2007-2013, kif ukoll dwar il-fatt li llum l-adozzjoni tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3/2014 dwar il-pagamenti pendenti u BUDG 2015, fattur li s-sitwazzjoni tal-kontijiet mhux imħallsa jkompli jagħmilha aktar kritika; jisħaq fuq l-importanza u l-urġenza li, sa tmiem l-2014, jintlaħaq qbil f'dan is-sens abbażi tal-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħra.