ABBOZZ TA' MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-25 Anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal
24.11.2014 - (2014/2919(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Anna Maria Corazza Bildt, Roberta Metsola, Monika Hohlmeier, Tadeusz Zwiefka, Cristian Dan Preda, Kinga Gál, Monica Macovei, Mariya Gabriel, Traian Ungureanu, Barbara Matera, Emil Radev, Elissavet Vozemberg, Michał Boni, Rosa Estaràs Ferragut, Carlos Coelho, Frank Engel, Antonio López-Istúriz White, Therese Comodini Cachia, Milan Zver, Heinz K. Becker, Jeroen Lenaers, Barbara Kudrycka, Csaba Sógor, Pál Csáky, Peter Jahr, Michaela Šojdrová, Lara Comi, Tomáš Zdechovský, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil f'isem il-Grupp PPE
Birgit Sippel, Caterina Chinnici, Anna Hedh, Tanja Fajon, Sylvie Guillaume, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Agnes Jongerius, Monika Flašíková Beňová, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Kashetu Kyenge, Péter Niedermüller, Josef Weidenholzer, Hugues Bayet, Miriam Dalli, Sergio Gutiérrez Prieto, Miltiadis Kyrkos, Kati Piri, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Vilija Blinkevičiūtė, Pier Antonio Panzeri, Liisa Jaakonsaari, Marlene Mizzi, Nicola Caputo f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Timothy Kirkhope, Jussi Halla‑aho, Helga Stevens, Ruža Tomašić, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR
Nathalie Griesbeck, Gérard Deprez, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Catherine Bearder, Petr Ježek, Javier Nart, Juan Carlos Girauta Vidal, Filiz Hyusmenova, Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE
Martina Anderson, Cornelia Ernst, Malin Björk, Marie-Christine Vergiat, Marina Albiol Guzmán, Kostas Chrysogonos, Dennis de Jong, Barbara Spinelli, Gabriele Zimmer, Dimitrios Papadimoulis, Lynn Boylan, Matt Carthy, Javier Couso Permuy, Fabio De Masi, Pablo Echenique, Luke Ming Flanagan, Eleonora Forenza, Emmanouil Glezos, Takis Hadjigeorgiou, Pablo Iglesias, Josu Juaristi Abaunz, Kateřina Konečná, Kostadinka Kuneva, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Paloma López Bermejo, Sabine Lösing, Curzio Maltese, Marisa Matias, Martina Michels, Liadh Ní Riada, Younous Omarjee, Miloslav Ransdorf, Sofia Sakorafa, Lola Sánchez Caldentey, Lidia Senra Rodríguez, Neoklis Sylikiotis, Ángela Vallina f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Judith Sargentini, Bodil Ceballos f'isem il-Grupp Verts/ALE
Laura Ferrara, Rolandas Paksas, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD
B8‑0285/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-25 Anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York, fl-20 ta' Novembru 1989,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, adottata fi New York, fit-13 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma, adottat fl-2009, u l-pjan ta' azzjoni assoċjat għall-2010-2014,
– wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,
– wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi Frar 2011,
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan mid-29 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE" (COM(2008)0055),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati,
– wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tan-NU bit-titolu "Dinja xierqa għat-tfal",
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI[2],
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar is-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prattiki;
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" (C(2013)0778),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE[3],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing tan-NU,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa[4], u tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili"[5],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ għall-koperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva" (COM(2014)0335),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp" (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tat-3166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Mejju 2012, bit-titolu "Inżidu l-Impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokolli fakultattivi tagħha jikkostitwixxu l-istandard fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u fihom sensiela komprensiva ta' standards legali internazzjonali għall-protezzjoni u l-benessri tat-tfal;
B. billi l-Istati Membri kollha tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u għandhom obbligi legali ċari biex jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet ta' kull tifel u tifla fil-ġurisdizzjonijiet tagħom;
C. billi l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija objettiv espliċitu tal-politiki tal-UE, u billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel kunsiderazzjoni fl-azzjonijiet kollha tal-UE;
D. billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrispettaw il-fatt li t-tfal għandhom id-dritt li jinstemgħu u li, skont l-età u l-maturità tagħhom, jittieħed kont tal-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom ;
E. billi d-drittijiet tat-tfal – b'mod partikolari l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal, id-dritt tat-tfal għall-ħajja, is-sopravivenza u l-iżvilupp, in-nondiskriminazzjoni u r-rispett għad-dritt tat-tfal li jesprimu opinjoni – jikkonċernaw il-politiki kollha tal-UE;
F. billi sar progress mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal 25 sena ilu, iżda billi d-drittijiet tat-tfal għadhom qed jiġu miksura f'ħafna mkejjen tad-dinja, inkluż fi Stati Membri tal-UE, bħala konsegwenza ta' vjolenza, abbuż, sfruttament, faqar, esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, diżabilità, sess, identità sesswali, età, etniċità, migrazzjoni jew status ta' residenza;
G. billi madwar 6,6 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' 5 snin mietu fl-2012, l-aktar minħabba kawżi li setgħu jiġu evitati, u għaldaqstant iċċaħdu mid-dritt fundamentali tagħhom li jissopravivu u jiżviluppaw; billi 168 miljun tifel u tifla ta' bejn 5 u 17-il sena huma involuti fit-tħaddim tat-tfal, li jikkomprometti d-dritt tagħhom li jiġu protetti mill-isfruttament ekonomiku u jikser id-dritt tagħhom li jitgħallmu u jilagħbu; billi 11 % tal-bniet jiżżewġu qabel ma jagħlqu l-15-il sena, u dan jikkomprometti d-drittijiet tagħhom għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni; billi fl-Afrika sub-Saħarjana, wieħed minn kull għaxart itfal għadu jmut qabel ma jagħlaq il-5 snin;
H. billi l-edukazzjoni – speċjalment l-edukazzjoni primarja mingħajr ħlas għat-tfal kollha – hija dritt fundamentali li l-gvernijiet ħadu impenn dwaru fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989; billi l-objettiv għas-sena 2015 huwa li jiġi żgurat li s-subien u l-bniet kollha jikkompletaw kors sħiħ ta' edukazzjoni primarja; billi minkejja l-ftit progress li sar fid-dinja li għadha fil-fażi tal-iżvilupp, għad fadal ħafna xi jsir biex jintlaħaq dan l-objettiv;
I. billi l-kriżijiet umanitarji għadu qed ikollhom impatt devastanti fuq it-tfal, u billi fl-2014, il-kriżijiet, l-aktar relatati mal-kunflitt, affettwaw il-ħajja ta' aktar minn 59 miljun tifel u tifla; billi fid-dinja, illum hemm madwar 250 000 suldat taħt l-età, u 40 % minn dawn huma bniet;
J. billi fl-2012 biss, kważi 95 000 tifel u tifla u adolexxenti taħt l-età ta' 20 sena kienu vittmi ta' omiċidji, kważi biljun tifel u tifla ta' bejn 2 u 14-il sena kienu soġġetti għal kastig fiżiku, wieħed minn tliet adolexxenti ta' bejn 13 u 15-il sena esperjenzaw bullying u madwar 70 miljun tifla ta' bejn 15 u 19-il sena kienu vittmi ta' xi forma ta' vjolenza fiżika, u billi 120 miljun tifla madwar id-dinja, xi darba jew oħra f'ħajjithom, esperjenzaw konġunġiment karnali furzat jew atti sesswali furzati oħra;
K. billi t-tfal jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, u billi madwar 100 miljun tifel u tifla jgħixu fl-UE;
L. billi skont l-aktar skeda ta' rapport reċenti tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) dwar il-faqar fost it-tfal f'pajjiżi sinjuri, mill-2008 'l hawn, 2,6 miljun tifel u tifla niżlu taħt is-soll tal-faqar fl-aktar pajjiżi għonja tad-dinja, u b'hekk, in-numru ta' tfal li qed jgħixu fil-faqar fid-dinja żviluppata attwalment huwa madwar 76,5 miljun; billi, skont l-istess studju, fl-2013, 7,5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-UE ġew ikklassifikati bħala NEETs (żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ);
M. billi l-vjolenza fuq it-tfal timmanifesta ruħha f'ħafna forom, inklużi l-abbuż psikoloġiku, fiżiku, sesswali, emozzjonali u verbali, in-negliġenza u l-privazzjoni, u tokkorri f'ħafna ambjenti, inklużi d-dar u l-iskola, fis-sistema tal-kura tas-saħħa u s-sistema tal-ġustizzja, fuq il-post tax-xogħol, fil-komunitajiet u online;
N. billi l-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal toffri qafas ċar għall-azzjoni tal-UE u billi l-implimentazzjoni tagħha rrizilutat f'progress sinifikanti f'għadd ta' oqsma ewlenin ta' azzjoni u leġiżlazzjoni, inklużi l-istabbiliment ta' hotlines għat-tfal mitlufa, il-promozzjoni ta' ġustizzja li tqis l-interessi tat-tfal, it-titjib tal-ġbir tad-data u l-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna;
O. billi t-tfal kollha huma qabel xejn tfal bi drittijiet li għandhom jiġu ssodisfati mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-oriġini etnika, in-nazzjonalità jew l-istatus soċjali, status ta' immigrant jew status ta' residenza tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom;
P. billi l-bniet u s-subien jesperjenzaw aspettattivi u forom ta' soċjalizzazzjoni simili u oħrajn differenti, u billi d-diskriminazzjoni li jesperjenzaw il-bniet u dik li jesperjenzaw is-subien tvarja f'etajiet differenti;
Q. billi, minkejja li sar progress sostanzjali, b'mod partikolari fl-oqsma tat-traffikar, l-isfruttament sesswali u d-drittijiet tal-vittmi, u f'dak li għandu x'jaqsam mat-tfittxija ta' asil u tfal mhux akkumpanjati, għad irid isir ħafna aktar biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-migranti tfal jiġu rispettati fl-UE kollha; billi bosta tfal mhux akkumpanjati jgħibu jew jaħarbu wara li jaslu għall-ewwel darba fl-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-abbuż;
R. billi, minħabba n-natura internazzjonali tiegħu, l-isfruttament tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal online – inklużi l-proliferazzjoni ta' materjal marbut mal-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet u l-fenomenu taċ-ċiberpredaturi – għadu jqajjem tħassib kbir fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, b'offiżi li jibdew minn estorsjoni sesswali u "grooming", għal materjal u xandir dirett ta' produzzjoni proprja marbut mal-abbuż tat-tfal, li huma sfidi investigattivi partikolari minħabba l-innovazzjoni teknoloġika li tipprovdi aċċess aktar faċli u rapidu għall-materjal lit-trasgressuri, inklużi ċ-ċiberpredaturi;
S. billi t-tfal huma partikolarment milquta mill-faqar u mit-tnaqqis fis-sistemi ta' sigurtà soċjali u benefiċċji soċjali ewlenin bħall-allowance tal-familja, u billi dan it-tip ta' tnaqqis żdied mill-2007 'l hawn fl-UE;
T. billi l-qafas ta' wara l-2015 għall-iżvilupp globali se jkun opportunità biex tiżdied l-importanza tad-drittijiet tat-tfal kollha, f'kull rokna tad-dinja – irrispettivament mis-sess, l-etniċità, ir-razza, id-diżabilità, l-istatus ekonomiku jew kwalunkwe status ieħor;
1. Iqis li d-drittijiet tat-tfal jinsabu fil-qalba tal-politiki tal-UE u li l-25 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija opportunità biex il-Konvenzjoni tiġi implimentata bis-sħiħ fil-politika u fil-prattika, kif ukoll biex jittieħdu miżuri addizzjonali biex id-drittijiet tat-tfal kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, jiġu rispettati kullimkien;
2. Jilqa' l-impenn tal-UE fl-ambitu tal-Programm ta' Stokkolma biex tiżviluppa strateġija integrata tal-UE għall-promozzjoni u s-salvagwardja effikaċi tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki interni u esterni tal-UE, u biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija ambizzjuża u komprensiva għad-drittijiet tat-tfal, u pjan ta' azzjoni għall-ħames snin li ġejjin, billi tibni fuq l-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal u ttejjibha;
3. Jilqa' l-impenn tal-UE li tiżviluppa ulterjorment linji gwidi integrati tal-UE għall-protezzjoni tat-tfal, bil-għan li tnaqqas il-frammentazzjoni li tirriżulta minn risposti bbażati fuq kwistjonijiet partikolari li jindirizzaw tħassib speċifiku dwar il-protezzjoni tat-tfal, sabiex it-tfal kollha fl-UE jkunu protetti b'mod effikaċi minn kull forma ta' vjolenza;
4. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tagħha bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" fl-Istati Membri, u tiżgura l-aċċess għal servizzi ta' kwalità u l-parteċipazzjoni tat-tfal; jistieden lill-dawk l-Istati Membri li għandhom rati ogħla mill-medja ta' faqar fost it-tfal biex jistabbilixxu objettivi nazzjonali u jipprijoritizzaw l-investimenti bil-għan li jnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal u ż-żgħażagħ;
5. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jqisu l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju bħala l-prijorità ewlenija fil-politiki interni tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza l-fatt li dawn l-objettivi, speċjalment il-qerda tal-faqar, l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd u l-ugwaljanza bejn is-sessi, jistgħu jinkisbu biss permezz tal-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi li huma aċċessibbli għal kulħadd;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw attenzjoni espliċita fuq it-tfal u ż-żgħażagħ fis-Semestru Ewropew, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fi Strateġija Ewropa 2020 riveduta, sabiex tiġi implimentata aħjar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ";
7. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn is-servizzi differenti tagħha, bil-għan li jiġu integrati b'mod effikaċi d-drittijiet tat-tfal fil-proposti leġiżlattivi, il-politiki u d-deċiżjonijiet finanzjarji tal-UE, u jitwettaq monitoraġġ tal-konformità sħiħa tagħhom mal-acquis tal-UE fir-rigward tat-tfal, u mal-obbligi skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mandat u r-riżorsi tal-Koordinatur tad-Drittijiet tat-Tfal jirriflettu adegwatament l-impenn tal-UE biex tintegra b'mod sistematiku u effikaċi d-drittijiet tat-tfal;
8. Jistieden lill-Kummissjoni taħtaf l-opportunità li ngħatatilha mir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali sabiex tiżgura li l-fondi tal-UE jkunu ta' benefiċċju għat-tfal l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli;
9. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, huma u jipprogrammaw u jimplimentaw politiki reġjonali u ta' koeżjoni, bħall-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità, il-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u l-politika tal-UE dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, lit-tfal jikkunsidrawhom espliċitament bħala prijorità; itenni l-importanza li jiġi protett u promoss l-aċċess ugwali għad-drittijiet kollha għat-tfal Rom;
10. Jinsisti li l-politiki kollha dwar id-drittijiet tat-tfal iridu jintegraw perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi, u jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi biex jissaħħu d-drittijiet tal-bniet, inklużi l-edukazzjoni u s-saħħa;
11. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal jitħares fil-leġiżlazzjoni kollha, f'deċiżjonijiet meħuda mir-rappreżentanti tal-gvernijiet fil-livelli kollha u fid-deċiżjonijiet kollha tal-qrati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki bil-għan li jtejbu l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal fl-UE kollha;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess effikaċi għas-sistemi tal-ġustizzja maħsuba għall-bżonnijiet u d-drittijiet speċifiċi tagħhom, kemm jekk bħala persuni suspettati, awturi ta' reat, vittmi jew partijiet involuti fi proċedimenti;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt li għandhom il-politiki ta' detenzjoni u s-sistemi ta' ġustizzja kriminali fuq it-tfal; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-UE d-drittijiet tat-tfal jintlaqtu b'mod dirett fil-każ ta' tfal li jgħixu f'ċentri ta' detenzjoni mal-ġenituri tagħhom; jissottolinja l-fatt li, kull sena, madwar 800 000 tifel u tifla fl-UE jiġu mifruda minn ġenitur li jinsab il-ħabs, u dan ikollu bosta riperkussjonijiet fuq id-drittijiet tat-tfal;
14. Iqis li t-tfal huma vulnerabbli fl-aċċess tagħhom għall-oġġetti u s-servizzi; jistieden lill-komunità tan-negozju u l-partijiet interessati biex ma jindirizzawx reklamar aggressiv u qarrieqi lit-tfal, kemm online kif ukoll offline, billi, fost miżuri oħra, jimplimentaw kodiċi ta' kondotta u inizjattivi simili eżistenti; iqis li r-reklamar destinat għat-tfal dwar ikel b'kontenut għoli ta' xaħam, melħ jew zokkor għandu jsir b'mod responsabbli, u li dak li jkun għandu jżomm f'moħħu l-obeżità u d-dijabete fost it-tfal;
15. Huwa tal-fehma li d-data personali tat-tfal li tinsab online trid tkun rispettata kif xieraq u li t-tfal jeħtieġ li jkunu informati, b'mod aċċessibbli u li jqis l-interessi tagħhom, dwar ir-riskji u l-konsegwenzi li jeżistu meta jużaw id-data personali tagħhom online; jisħaq fuq il-fatt li t-tfassil online ta' profili tat-tfal għandu jkun ipprojbit; iqis li t-tfal kollha għandu jkollhom id-dritt li jgawdu minn ambjent moralment pożittiv u sigur, kif ukoll mill-aċċess għal-logħob;
16. Jsitieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, fid-dawl tal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-vittmi ta' traffikar huma bniet u subien żgħar, li huma vittmi ta' tħaddim u sfruttament sesswali, kif ukoll ta' abbużi oħra; jistieden lill-UE u l-Istati Membri jsaħħu l-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja bil-għan li jipprevjenu dawn ir-reati u jressquhom quddiem qorti kriminali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiġġieldu t-trasferiment illeċitu tat-tfal, jaħdmu f'koperazzjoni ma' pajjiżi terzi bil-għan li jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-kuntrabandu u t-traffikar tat-tfal, u jressqu lit-traffikanti quddiem il-qorti, b'sanzjonijiet xierqa;
17. Iqis li jridu jittieħdu passi biex jiġi miġġieled il-bullying fuq l-internet, u li t-tfal, l-għalliema u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal jeħtiġilhom jiżvolġu rwol attiv biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni;
18. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jinvestu f'servizzi pubbliċi għat-tfal, inklużi l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u s-saħħa;
19. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u jsaħħu l-kapaċità legali, il-kompetenzi tekniċi u r-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex iżidu l-koperazzjoni, inkluża dik mal-Europol, bil-għan li jinvestigaw u jżarmaw netwerks ta' trasgressuri sesswali kontra t-tfal b'mod aktar effikaċi, filwaqt illi jipprijoritizzaw id-drittijiet u s-sikurezza tat-tfal involuti;
20. Jitlob li jkun hemm approċċ ta' kollaborazzjoni u skambju ta' informazzjoni effikaċi bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-industrija tal-informatika, il-fornituri tas-servizz tal-Internet (ISPs), is-settur bankarju u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal, bil-għan li jiggarantixxu d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal online u jqisuhom bħala persuni vulnerabbli skont il-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li titlob lill-Istati Membri kollha jieħdu azzjoni u jindirizzaw il-fenomenu taċ-ċiberpredaturi u l-forom kollha ta' bullying fuq l-internet;
21. Iqis li t-tfal mhux akkumpanjati huma partikolarment vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett relatat mas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, sabiex itejbu l-kundizzjoni tal-minuri mhux akkumpanjati fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex itemmu d-detenzjoni tal-migranti tfal fl-UE kollha; jilqa' s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-648/11 MA, BT, DA vs Secretary of State for the Home Department, fejn ġie ddikjarat li l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal asil li tkun saret f'aktar minn Stat Membru wieħed minn minuri mhux akkumpanjat huwa l-Istat li fih il-minuri ikun preżenti wara li jkun ressaq applikazzjoni hemmhekk; ifakkar li l-minuri mhux akkumpanjati huma l-ewwel u qabel kollox tfal li potenzjalment jinsabu fil-periklu, u li l-prinċipju ewlieni li għandhom iħaddnu l-Istati Membri u l-UE huma u jindirizzaw każijiet ta' minuri mhux akkumpanjati irid ikun il-protezzjoni tat-tfal, aktar milli l-politiki tal-immigrazzjoni, biex b'hekk ikunu qed jirrispettaw il-prinċipju fundamentali tal-aħjar interessi tat-tfal;
22. Jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw l-istandards stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal għal tfal li m'għandhomx kura mill-ġenituri, u l-Linji Gwida tan-NU għall-Kura Alternattiva tat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Fondi Strutturali tal-UE biex tagħti sostenn lit-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fuq il-komunità; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' għadd konsiderevoli ta' każijiet li, fihom, l-awtoritajiet pubbliċi f'xi Stati Membri ġew akkużati li pproċedew bl-adozzjoni furzata mingħajr ma ngħata kunsens mill-ġenituri, biex tipproponi miżuri speċifiċibil-għan li tiżgura li l-prattiki ta' adozzjoni mwettqa fl-Istati Membri jsiru fl-aħjar interessi tat-tfal;
23. Jistieden lill-Istati Membri kollha jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni tal-familja b'mod pożittiv, uman u rapidu, f'konformità mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
24. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm approċċ aktar koordinat biex jinstabu t-tfal neqsin fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'każijiet transfruntiera li jinvolvu tfal neqsin, u jiżviluppaw hotlines għat-tfittxija tat-tfal neqsin u jappoġġaw lill-vittmi tal-abbuż fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-adeżjoni tal-Marokk, is-Singapor, il-Federazzjoni Russa, l-Albanija, Andorra, is-Seychelles, il-Gabon u l-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex, hija u tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, tieħu b'serjetà l-aħjar interessi tat-tfal, fid-dawl tal-lakuni li jeżistu fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-ġenituri u d-dritt ta' kustodja;
26. Jikkundanna kull forma ta' vjolenza fuq it-tfal, l-abbuż fiżiku, sesswali u verbali, iż-żwigijiet furzati, it-tħaddim tat-tfal, il-prostituzzjoni, it-traffikar, it-tortura, il-qtil għall-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-użu ta' suldati tfal u l-użu tat-tfal bħala tarek umani, il-privazzjoni, in-negliġenza u l-malnutrizzjoni; iqis li t-tradizzjoni, il-kultura u r-reliġjon m'għandhom qatt jintużaw bħala ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi tagħhom u jiġġieldu kwalunkwe forma ta' vjolenza fuq it-tfal, anki billi jimponu sanzjonijiet u jipprojbixxu b'mod formali s-swat tal-ġisem fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koperazzjoni u d-djalogu tagħhom ma' pajjiżi terzi, jissensibilizzaw il-pubbliku u jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tat-tfal kullimkien fid-dinja;
27. Jikkundanna l-użu tat-tfal għal skopijiet jew attivitajiet ta' natura militari jew terrorista; ifakkar fl-importanza li jingħataw appoġġ u assistenza ta' natura psikoloġika lit-tfal kollha li jkunu ġew esposti għal ġrajjiet vjolenti jew tfal li jkunu vittmi tal-gwerra; jilqa' l-inizjattiva tal-UE "Tfal tal-Paċi", u jissottolinja l-importanza li t-tfal milquta mill-kunflitti jingħataw aċċess għall-edukazzjoni; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tappoġġa l-kampanja tan-NU "Tfal, mhux suldati", maħsuba biex sal-2016 jintemmu r-reklutaġġ u l-użu tas-suldati tfal mill-forzi ta' sigurtà nazzjonali;
28. Jistieden lill-VP/RGħ tagħti prijorità lid-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna kollha tal-UE sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu integrati b'mod effikaċi, anki fil-kuntest tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-ftehimiet ta' kummerċ, il-proċess ta' adeżjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, u f'relazzjonjiet mal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), b'mod partikolari dawk il-pajjiżi li jinsabu f'kunflitt; jistieden lill-VP/RGħ tagħti rendikont fuq bażi annwali lill-Parlament dwar ir-riżultati li nkisbu f'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjoni esterna tal-UE ffokata fuq it-tfal;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-drittijiet tat-tfal fil-koperazzjoni għall-iżvilupp u fl-għajnuna umanitarja sabiex tiggarantixxi finanzjament adegwat u żżid il-livell ta' protezzjoni għat-tfal milquta minn emerġenzi jew diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, it-tfal spustati f'pajjiżhom jew it-tfal rifuġjati; jissottolinja l-importanza li tinħoloq rabta bejn is-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp, speċjalment fi kriżijiet li jdumu għaddejjin snin twal, u li l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda jiġu integrati fil-politiki u l-programmi tal-UE sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu promossi aħjar f'sitwazzjonijiet ta' żvilupp u emerġenza;
30. Jilqa' l-fatt li l-Premju Nobel għall-Paċi ngħata b'mod konġunt lil Kailash Satyarthi u Malala Yousafzai għall-impenn tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni; jifraħ bl-approvazzjoni espressa pubblikament min-Netwerk tal-Premju Sakharov għall-inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza fuq it-tfal; iqis li dawn l-inizjattivi juru b'mod ċar ir-rwol importanti li għandhom is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-appoġġ u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet minquxa fil-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
31. Jissottolinja r-rwol importanti li għandhom is-sħab soċjali u l-awtoritajiet lokali fil-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jieħdu azzjoni u jfasslu opinjonijiet bil-għan li jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fil-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki tal-UE kollha;
32. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u jikkoperaw fil-livelli kollha biex itejbu s-sitwazzjoni tat-tfal fl-UE u fil-bqija tad-dinja; jilqa' u jappoġġa l-Manifest dwar id-Drittijiet tat-Tfal, miktub b'mod konġunt mill-UNICEF u minn 14-il organizzazzjoni li jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, u jħeġġeġ lil aktar Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll membri tal-parlamenti nazzjonali, jiffirmaw il-Manifest u jsiru "difensuri tad-drittijiet tat-tfal";
33. Jesprimi x-xewqa tiegħu li jinħoloq intergrupp dwar id-drittijiet u l-benessri tat-tfal fi ħdan il-Parlament Ewropew, imsejjes fuq il-Manifest dwar id-Drittijiet tat-Tfal, bħala entità permanenti responsabbli għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Parlament Ewropew, kemm fil-kuntest tal-affarijiet interni, kif ukoll f'dak tal-affarijiet barranin; jappoġġa, għaldaqstant, l-inizjattiva li jinħatru "punti ta' kuntatt" għad-drittijiet tat-tfal fi ħdan il-kumitati parlamentari kollha sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu integrati f'kull test politiku u leġiżlattiv adottat;
34. Iqisha ħaġa importanti li tiżdied il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-attivitajiet parlamentari tiegħu, f'konformità mal-prattiki stabbiliti mill-Unjoni Interparlamentari u l-UNICEF; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jesploraw mezzi biex iżidu l-parteċipazzjoni tat-tfal u l-adolexxenti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; iħeġġeġ l-użu tal-innovjazzjoni u t-teknoloġiji ġodda biex jiġu konsultati t-tfal u ż-żgħażagħ u tiżdied il-parteċipazzjoni tat-tfal;
35. Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr dewmien il-protokolli fakultattivi kollha tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jfittxu mezzi biex l-UE taderixxi b'mod unilaterali mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal u lid-Direttur Eżekuttiv tal-UNICEF.
- [1] ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
- [2] ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0387.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2014)0126.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2014)0105.