Proċedura : 2014/2967(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0311/2014

Testi mressqa :

B8-0311/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.6
CRE 27/11/2014 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0069

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 159kWORD 68k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0311/2014
25.11.2014
PE539.034v01-00
 
B8-0311/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs (2014/2967(RSP))


Markus Pieper, Françoise Grossetête, József Szájer, Antonio Tajani, Pilar del Castillo Vera, Michał Boni, Bendt Bendtsen, Paul Rübig, Krišjānis Kariņš, Andreas Schwab, Othmar Karas, Philippe Juvin, Anne Sander, Tadeusz Zwiefka, Nadine Morano f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs (2014/2967(RSP))  
B8‑0311/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika li saret dan l-aħħar rigward ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni tal-valutazzjoni tal-impatt u l-abbozz tal-linji gwida riveduti tal-valutazzjoni tal-impatt rispettivi,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-valutazzjonijiet tal-impatt bħala għodda fi stadju bikri meta tkun qed tiġi żviluppata leġiżlazzjoni jiżvolġu rwol kruċjali fl-aġenda tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni intelliġenti bl-iskop li jipprovdu evidenza trasparenti, komprensiva u ekwilibrata dwar in-natura tal-problema li trid tiġi indirizzata, il-valur miżjud ta' azzjoni mill-UE u l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' mogħdijiet ta' azzjoni alternattivi għall-partijiet ikkonċernati kollha;

B.     billi l-linji gwida eżistenti tal-valutazzjoni tal-impatt jipprevedu rwol ċentrali li għandu jingħata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni u lill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk valutazzjoni tal-impatt hijiex meħtieġa għal inizjattiva speċifika jew le;

C.     billi l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt għandu rwol importanti bħala punt ta' kontroll tal-kwalità ċentrali għall-valutazzjonijiet tal-impatt;

D.     billi valutazzjoni tal-impatt xierqa u indipendenti hija ta' rilevanza partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li spiss jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet minn intrapriżi kbar biex jadattaw għal rekwiżiti ġuridiċi u amministrattivi ġodda u, minħabba d-daqs tagħhom, huma inqas kapaċi jantiċipaw bidliet regolatorji fi stadju bikri;

E.     billi l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" għandu l-għan li jqis l-interessi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-aktar stadji bikrin tat-tfassil tal-politika sabiex il-leġiżlazzjoni issir aktar favorevoli għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; billi hi disponibbli firxa wiesgħa ta' għodod sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-prinċipju, inkluża l-applikazzjoni ta' test tal-SMEs għall-proposti leġiżlattivi fil-ġejjieni;0

F.     billi l-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt attwali jipprevedu gwida speċifika fis-sura ta' "test tal-SMEs", anke għall-miżuri possibbli ta' mitigazzjoni; billi l-abbozz tal-linji gwida riveduti ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-test tal-SMEs;

Kamp ta' applikazzjoni

1.      Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li regolarment tirrevedi l-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt bil-għan li jitjiebu l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-impatt;

2.      Jinsab imħasseb, madankollu, mill-fatt li l-abbozz tal-linji gwida riveduti hu ħafna inqas speċifiku mil-linji gwida eżistenti fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni għall-valutazzjonijiet tal-impatt u li l-abbozz iħalli ħafna aktar possibilità ta' interpretazzjoni f'idejn id-direttorat ġenerali responsabbli fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk hijiex rikjesta valutazzjoni tal-impatt jew le; jemmen li l-prattiki eżistenti li jinvolvu l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt u s-Segretarjat Ġenerali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jinżammu;

3.      Jemmen li l-Kummissjoni għandha żżomm l-approċċ eżistenti tagħha li tippreżenta valutazzjoni tal-impatt għall-inizjattivi kollha li jissodisfaw tal-anqas waħda minn dawn il-kriterji li ġejjin:

–       il-proposti leġiżlattivi inklużi fil-Programm Leġislattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni,

–       il-proposti leġiżlattivi li ma jkunux fil-Programm Leġislattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni u li jkollhom impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jkunu identifikabbli b'mod ċar,

–       l-inizjattivi mhux leġiżlattivi li jiddefinixxu l-politiki għall-ġejjieni (eż. white papers, pjanijiet ta' azzjoni, programmi ta' nfiq u linji gwida għan-negozjazzjoni għal ftehimiet internazzjonali),

–       l-atti delegati jew ta' implimentazzjoni li x'aktarx ikollhom impatti sinifikanti;

4.      Jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni ta' valutazzjoni tal-impatt jista', f'ċerti każijiet ma jikkorrispondix mal-proposti adottati meta dawn jinbidlu ladarba jitressqu għal approvazzjoni mill-Kulleġġ tal-Kummissarji; jitlob li l-abbozz tal-linji gwida riveduti jinkludi d-dikjarazzjoni li l-valutazzjoni tal-impatt għandha tiġi aġġornata biex tiżgura l-kontinwità bejn il-kwistjonijiet ikkunsidrati fiha u kwalunkwe proposta li finalment tiġi adottata mill-Kummissjoni;

Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt

5.      Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li r-rwol tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt mhuwiex definit b'mod aktar ċar fl-abbozz tal-linji gwida riveduti; jinsisti b'qawwa li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid din l-ommissjoni u tistipula proċeduri relatati mal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt b'mod aktar ċar f'abbozz ta' sett ġdid ta' linji gwida riveduti meta tirrispondi għall-Parlament u li kwalunkwe inizjattiva li tirrikjedi valutazzjoni tal-impatt għandha tkun soġġetta għal opinjoni pożittiva mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt;

6.      Hu tal-opinjoni li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt għandu jkompli jaħdem bħala korp indipendenti għall-kontroll tal-kwalità fi ħdan il-Kummissjoni u jitlob li tissaħħaħ l-indipendenza tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt; jipproponi li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt jirrapporta direttament lill-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għal Regolamentazzjoni Aħjar;

It-test tal-SMEs

7.      Ifakkar li, fir-rieżami tagħha tal-2011 tas-"Small Business Act", il-Kummissjoni ikkunsidrat li kienet ħasra li tmien Stati Membri biss kienu integraw it-test tal-SMEs fil-proċessi deċiżjonali nazzjonali tagħhom; jilqa' l-impenn ċar li l-Kummissjoni ħadet f'dak ir-rieżami biex issaħħaħ ulterjorment it-test tal-SMEs; jiddeplora madankollu l-fatt li, bil-kontra għal dak li tħabbar, it-test tal-SMEs lanqas biss hu msemmi fl-abbozz tal-linji gwida riveduti tal-valutazzjoni tal-impatt;

8.      Jinsisti li t-test tal-SMEs, kif stabbilit fl-Anness 8 għal-linji gwida, għandu jinżamm sabiex jiġi evitat li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jintlaqtu b'mod sproporzjonat jew jiġu żvantaġġati mill-inizjattivi tal-Kummissjoni meta mqabbla ma' kumpaniji kbar; jemmen li test tal-SMEs dedikat għandu jkun obbligatorju għall-proposti leġiżlattivi li jkunu rilevanti għan-negozju;

9.      Jisħaq fuq il-fatt li. f'każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni tal-impatt għandha tinkludi għażliet li jkopru mekkaniżmi u/jew flessibbiltajiet alternattivi sabiex jgħinu lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jikkonformaw mal-inizjattiva (kif previst fl-Anness 8.4); jilqa', f'dan ir-rigward, l-esklużjoni a priori tal-mikrointrapriżi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' proposta leġiżlattiva bħala għażla politika ddikjarata fl-abbozz tal-linji gwida riveduti;

L-istabbiliment ta' Korp Konsultattiv dwar Regolamentazzjoni Aħjar

10.    Jilqa' l-ħidma u r-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi, skont il-mandat tal-Kummissjoni; ifakkar fl-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif iddikjarat fl-aktar komunikazzjoni riċenti tagħha dwar REFIT (Ġunju 2014), li tistabbilixxi grupp ta' livell għoli ġdid dwar regolamentazzjoni aħjar, li jkun jikkonsisti minn rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati u esperti nazzjonali; jissuġġerixxi li l-aħjar prattiki u l-esperjenza tal-korpi eżistenti għal regolamentazzjoni aħjar (bħal dawk fl-Isvezja, fir-Repubblika Ċeka, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit jew il-Ġermanja) għandhom jitqiesu meta jkun qed jiġi stabbilit korp konsultattiv fil-livell tal-UE;

11.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi kemm jista' jkun malajr tali korp konsultattiv ta' livell għoli dwar regolamentazzjoni aħjar li jinvolvi kemm il-kompetenzi tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll tal-esperti nazzjonali; jipproponi li jingħata mandat konsultattiv b'saħħtu u indipendenti lil dan il-korp, li għandu jinkludi l-valutazzjoni tal-piż amministrattiv tal-proposti, kemm tkun tiswa' l-konformità, ir-rispett għas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u l-għażla tal-bażi legali, kif ukoll is-suġġeriment ta' inizjattivi għal regolamentazzjoni aħjar u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali; jappella biex il-Parlament u l-Kunsill jiġu involuti fil-proċedura tan-nomina tal-esperti;

12.    Jappella lill-Kummissjoni biex tressaq abbozz ġdid tal-linji gwida riveduti dwar il-valutazzjoni tal-impatt, waqt li jqis il-punti li tisħaq fuqhom din ir-riżoluzzjoni u l-istruttura tal-Kummissjoni li għadha kif ġiet introdotta, b'mod partikolari r-rwol tal-Viċi President il-ġdid inkarigat mir-Regolamentazzjoni Aħjar;

Il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament

13.    Jappella biex il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni jiġu eżaminati mill-Parlament, b'mod sistematiku u kemm jista' jkun malajr, b’mod partikolari fil-livell tal-kumitati;

14.    Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta’ valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti(1), li fiha talab li jsir użu aktar konsistenti mill-valutazzjonijiet tal-impatt parlamentari; ifakkar li l-Unità tal-Valutazzjoni tal-Impatt hija strument li diġà disponibbli biex iwettaq valutazzjonijiet tal-impatt; jikkunsidra li hemm bżonn partikolari li jsir rikors għall-valutazzjonijiet tal-impatt parlamentari qabel l-adozzjoni kwalunkwe tibdiliet/emendi sostantivi għal proposta inizjali tal-Kummissjoni;

°

°       °

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u l-Kunsill.

(1)

ĠU C 380E, 11.12.2012, p. 31.

Avviż legali - Politika tal-privatezza