Proċedura : 2014/2967(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0312/2014

Testi mressqa :

B8-0312/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.6
CRE 27/11/2014 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0069

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 155kWORD 70k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0311/2014
25.11.2014
PE539.035v01-00
 
B8-0312/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs (2014/2967(RSP))


Ashley Fox, Sajjad Karim, Anthea McIntyre f'isem il-Grupp ECR

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs (2014/2967(RSP))  
B8‑0312/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika li saret dan l-aħħar rigward ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt u l-abbozz tal-linji gwida riveduti dwar il-valutazzjoni tal-impatt korrispondenti,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-valutazzjonijiet tal-impatt, bħala għodda fi stadju bikri meta tkun qed tiġi żviluppata leġiżlazzjoni, jiżvolġu rwol kruċjali fl-aġenda tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni intelliġenti bl-iskop li jipprovdu evidenza trasparenti, komprensiva u ekwilibrata dwar in-natura tal-problema li trid tiġi indirizzata, il-valur miżjud ta' azzjoni mill-UE u l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' mogħdijiet ta' azzjoni alternattivi għall-partijiet ikkonċernati kollha;

B.     billi l-linji gwida eżistenti dwar il-valutazzjoni tal-impatt jipprevedu rwol ċentrali li għandu jingħata lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk hijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt għal inizjattiva speċifika;

C.     billi l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt għandu rwol importanti bħala kontroll tal-kwalità ċentrali għal valutazzjonijiet tal-impatt;

D.     billi valutazzjoni tal-impatt xierqa u indipendenti hija ta' importanza partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li spiss jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet minn intrapriżi kbar biex jadattaw għal rekwiżiti ġuridiċi u amministrattivi ġodda u, minħabba d-daqs tagħhom, huma inqas kapaċi li jantiċipaw bidliet regolatorji fi stadju bikri;

E.     billi l-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir" għandu l-għan li jqis l-interessi tal-SMEs fi stadji bikrin ħafna tat-tfassil tal-politika sabiex il-leġiżlazzjoni tkun aktar favorevoli għall-SMEs; billi firxa wiesgħa ta' għodod hija disponibbli sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju, inkluża l-applikazzjoni ta' test tal-SMEs għall-proposti leġiżlattivi fil-ġejjieni;

F.     billi l-linji gwida attwali dwar il-valutazzjoni tal-impatt jipprevedu gwida speċifika fis-sura ta' "test tal-SMEs", inkluż għal miżuri possibbli ta' mitigazzjoni; billi l-abbozz tal-linji gwida riveduti ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-test tal-SMEs;

Kamp ta' applikazzjoni

1.      Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex regolarment tirrevedi l-linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-impatt bil-għan li jitjiebu l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-impatt;

2.      Madankollu, jinsab imħasseb li l-abbozz tal-linji gwida riveduti huma ħafna inqas speċifiċi mil-linji gwida eżistenti f'termini tal-kamp ta' applikazzjoni għall-valutazzjonijiet tal-impatt u li huma jħallu ħafna aktar lok għall-interpretazzjoni mid-direttorat ġenerali responsabbli rigward id-deċiżjoni dwar jekk hijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt; jemmen li l-prattiki eżistenti li jinvolvu l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt u s-Segretarjat Ġenerali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jinżammu;

3.      Jemmen li l-Kummissjoni, u l-aġenziji tagħha fejn rilevanti, għandhom jestendu l-approċċ eżistenti għal proposti li jikkwalifikaw għal valutazzjoni tal-impatt biex jinkludi atti delegati u ta' implimentazzjoni, speċjalment fejn dawn jista' jkollhom impatti sinifikanti;

4.      Jinnota li l-iskop ta' valutazzjoni tal-impatt jista', f'ċerti każijiet ma jikkorispondix mal-proposti adottati fejn dawn jinbidlu ladarba jitressqu għal approvazzjoni mill-Kulleġġ tal-Kummissarji; jitlob li l-abbozz tal-linji gwida riveduti jiddikjaraw li l-valutazzjoni tal-impatt għandha tkun aġġornata ħalli tiżgura kontinwità bejn kwistjonijiet meqjusa fiha u kwalunkwe proposta li finalment ġiet adottata mill-Kummissjoni;

Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt

5.      Jesprimi tħassib serju għall-fatt li r-rwol tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt mhuwiex definit b'mod aktar ċar fl-abbozz tal-linji gwida riveduti; jinsisti bil-qawwa li l-Kummissjoni terġa' tikkunsidra din l-omissjoni u li tistabbilixxi b'mod aktar ċar proċeduri relatati mal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt f'sett ġdid ta' abbozz tal-linji gwida riveduti meta twieġeb lill-Parlament;

6.      Iqis li tali proċeduri ġodda għandhom jistabbilixxu b'mod ċar, li jiftiehem u trasparenti l-proċess ta' sottomissjoni, reviżjoni u approvazzjoni aħħarija tal-valutazzjonijiet tal-impatt ippreżentati lill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt;

7.      Itenni l-fehma tiegħu li ma għandhomx jiġu adottati proposti mill-Kummissjoni sakemm ma jkunux akkumpanjati minn opinjoni pożittiva mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt; jenfasizza l-fatt li l-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt huwa mxekkel jekk mhux ukoll, bħal ma spiss ikun il-każ, jingħata isem ħażin minħabba l-preżentazzjoni ta' proposti akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt li ma kinux ġew approvati mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt;

8.      Ifakkar ukoll lill-Kummissjoni dwar it-talba tal-Parlament li tissaħħaħ l-indipendenza tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt, u b'mod partikolari li membri tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt ma jkunux soġġetti għal kontroll jew superviżjoni politiċi mill-Kummissjoni;

It-test tal-SMEs

9.      Ifakkar li fir-rieżami tagħha tal-2011 dwar is-"Small Business Act", il-Kummissjoni qieset li kienet ħasra li tmien Stati Membri biss kienu integraw it-test tal-SMEs fil-proċessi nazzjonali tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jilqa' l-impenn ċar li l-Kummissjoni ħadet f'dak ir-rieżami biex issaħħaħ ulterjorment it-test tal-SMEs; madankollu, jiddeplora l-fatt li kuntrarju għal dawk l-avviżi, it-test tal-SMEs lanqas biss huwa msemmi fl-abbozz tal-linji gwida riveduti dwar il-valutazzjoni tal-impatt;

10.    Jinsisti li t-test tal-SMEs, kif stabbilit f'Anness 8 tal-linji gwida, għandu jinżamm sabiex ikun evitat li l-SMEs ikunu affettwati b'mod spoporzjonat jew żvantaġġat mill-inizjattivi tal-Kummissjoni meta mqabbla ma' kumpaniji kbar;

11.    Jenfasizza li f'każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni tal-impatt għandha tinkludi għażliet li jkopru mekkaniżmi alternattivi u/jew flessibbiltajiet sabiex jgħinu lill-SMEs ikunu konformi mal-inizjattiva (kif stipulat f'Anness 8.4); f'dan ir-rigward, jissottolinja l-fatt li l-preżunzjoni tal-esklużjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, attwalment prevista għal mikrointrapriżi, għandha tiġi estiża bħala punt ta' tluq biex tkopri l-SMEs kollha u dan ikun miċħud bil-provi kif u fejn xieraq;

It-test tal-kompetittività

12.    Jemmen li l-valutazzjoni ta' impatt fuq il-kompetittività għandha tagħmel parti sinifikanti mill-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt; iqis li l-abbozz tal-linji gwida riveduti għandu jinkludi direzzjoni fir-rigward ta' kif impatti fuq il-kompetittività għandhom ikunu vvalutati u mwieżna fl-analiżi finali; jappoġġja preżunzjoni permanenti li proposti b'impatt negattiv fuq il-kompetittività għandhom jiġu rifjutati, sakemm ma tkunx preżentata prova li ssostni benefiċċji sinifikanti li mhumiex kwantifikati;

Applikazzjoni u monitoraġġ

13.    Jinnota li l-forma aħħarija ta' att leġiżlattiv tista' tkun ferm differenti mill-proposta adottata mill-Kummissjoni; jemmen li jkun utli li titħejja sinteżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż stmati għal atti leġiżlattivi adottati, u li din tkun aġġornata biex tirrifletti bidliet mill-analiżi li hija inkluża fil-valutazzjoni tal-impatt bħala riżultat ta' emendi li saru matul il-proċess leġiżlattiv; iqis li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt ta' proposta jkunu ssimplifikati b'eżerċizzju bħal dan;

L-istabbiliment ta' Korp Konsultattiv dwar Regolamentazzjoni Aħjar

14.    Jilqa' r-rapport ta' ħidma u finali tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi, skont il-mandat tal-Kummissjoni; ifakkar l-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha l-aktar riċenti dwar REFIT (Ġunju 2014), li tistabbilixxi grupp ġdid ta' livell għoli dwar regolamentazzjoni aħjar li jikkonsisti minn rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati u esperti nazzjonali;

15.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi kemm jista' jkun malajr tali korp konsultattiv ta' livell għoli dwar regolamentazzjoni aħjar li jinvolvi kemm il-kompetenzi tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll esperti nazzjonali; jipproponi mandat konsultattiv b'saħħtu u indipendenti għal dan il-korp, inter alia dwar il-valutazzjoni tal-piżijiet regolatorji tal-proposti inklużi iżda mhux limitati biss għall-piżijiet amministrattivi u l-ispiża tal-konformità, ir-rispett għas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u l-għażla tal-bażi ġuridika u li jissuġġerixxu inizjattivi regolatorji aħjar u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali; jitlob lill-Parlament u l-Kunsill ikunu involuti fil-proċedura tal-ħatra tal-esperti;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq abbozz ġdid tal-linji gwida riveduti dwar il-valutazzjoni tal-impatt, filwaqt li tqis il-punti enfasizzati minn din ir-riżoluzzjoni u l-istruttura tal-Kummissjoni li għadha kif ġiet introdotta, b'mod partikolari r-rwol tal-Viċi President il-ġdid inkarigat minn Regolamentazzjoni Aħjar;

Il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament

17.    Jitlob biex il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni jkunu eżaminati mill-Parlament, b'mod sistematiku u kemm jista' jkun malajr, b'mod partikolari fil-livell tal-kumitati;

18.    Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu, tat-8 ta' Ġunju 2011, dwar il-garanzija li l-valutazzjonijiet tal-impatt ikunu indipendenti(1), u li fiha talab li jsir użu aktar konsistenti mill-valutazzjonijiet tal-impatt parlamentari, strument li huwa diġà disponibbli; ifakkar li linja baġitarja speċifika u servizzi dedikati huma disponibbli biex ikopru t-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt; iqis li huwa partikolarment meħtieġ li jkun hemm rikors għal valutazzjoni tal-impatt parlamentari meta jkunu ġew introdotti bidliet sostantivi għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni;

°

°       °

19.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

 

(1)

ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 31.

Avviż legali - Politika tal-privatezza