MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs
25.11.2014 - (2014/2967(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Pavel Telička, Jean-Marie Cavada, Antanas Guoga, António Marinho e Pinto, Dita Charanzová f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0311/2014
B8‑0313/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika li saret dan l-aħħar rigward ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt (IA) u l-abbozz tal-linji gwida riveduti tal-IA korrispondenti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-IAs bħala għodda fi stadju bikri meta tkun qed tiġi żviluppata leġiżlazzjoni jiżvolġu rwol kruċjali fl-aġenda tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni intelliġenti bl-iskop li jipprovdu evidenza trasparenti, komprensiva u ekwilibrata dwar in-natura tal-problema li trid tiġi indirizzata, il-valur miżjud ta' azzjoni mill-UE, il-piż amministrattiv mistenni u l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' mogħdijiet ta' azzjoni alternattivi għall-partijiet ikkonċernati kollha;
B. billi l-linji gwida eżistenti tal-valutazzjoni tal-impatt jipprevedu rwol ċentrali għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni u l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB) fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk IA hijiex meħtieġa jew le għal inizjattiva speċifika;
C. billi l-IAB għandu rwol importanti bħala punt ta' kontroll tal-kwalità ċentrali għal IAs;
D. billi skont il-grupp ta' esperti tal-Kummissjoni, l-ispiża għal SME biex tikkonforma ma' regolament tista' tkun għaxar darbiet aktar mill-ispiża għal kumpaniji akbar; billi, għalhekk, IA xierqa u indipendenti hija ta' rilevanza partikolari għall-SMEs li spiss jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet minn intrapriżi kbar biex jadattaw għal rekwiżiti ġuridiċi u amministrattivi ġodda u, minħabba d-daqs tagħhom, huma inqas kapaċi jantiċipaw bidliet regolatorji fi stadju bikri;
E. billi l-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir" huwa l-pedament tas-"Small Business Act" għall-Ewropa tal-2008; billi ilu jagħmel parti mil-linji gwida tal-IA mill-2009, u minn testi oħra tal-Kummissjoni mill-2005; billi dan il-prinċipju għandu l-għan li jqis l-interessi tal-SMEs fi stadji bikrin ħafna tat-tfassil tal-politika sabiex il-leġiżlazzjoni tkun aktar favorevoli għall-SMEs; billi hija disponibbli firxa wiesgħa ta' għodod sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi ta' dan il-prinċipju, inkluża l-applikazzjoni ta' test tal-SMEs għall-proposti leġiżlattivi fil-ġejjieni;
F. billi t-test tal-SMEs, inklużi miżuri ta' mitigazzjoni possibbli, ilu jagħmel parti mil-linji gwida tal-IA mill-2009, u minn testi oħra tal-Kummissjoni mill-2005; billi l-abbozz tal-linji gwida riveduti ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-test tal-SMEs;
G. billi valutazzjoni xierqa tal-emendi sostantivi tal-Parlament għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni turi valur miżjud konsiderevoli biex tappoġġa l-pożizzjoni tal-Parlament fin-negozjati ta' trilogu
Kamp ta' applikazzjoni
1. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li regolarment tirrevedi l-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt bil-għan li jitjiebu l-proċeduri tal-IA;
2. Jinsab imħasseb, madankollu, mill-fatt li l-abbozz tal-linji gwida riveduti huwa ħafna inqas speċifiku mil-linji gwida eżistenti fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni għall-IAs u li l-abbozz iħalli ħafna aktar possibilità ta' interpretazzjoni f'idejn id-direttorat ġenerali responsabbli fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk hijiex rikjesta IA jew le; jemmen li l-prattiki eżistenti li jinvolvu l-IAB u s-Segretarjat Ġenerali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jinżammu;
3. Jemmen li l-Kummissjoni għandha żżomm l-approċċ eżistenti tagħha li tippreżenta IA għall-inizjattivi kollha li jissodisfaw tal-anqas waħda minn dawn il-kriterji li ġejjin:
– il-proposti leġiżlattivi inklużi fil-Programm Leġislattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni (CLWP);
– il-proposti leġiżlattivi li ma jkunux fil-Programm Leġislattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni u li jkollhom impatti ekonomiċi, soċjali, ambjentali u amministrattivi li jkunu identifikabbli b'mod ċar,
– l-inizjattivi mhux leġiżlattivi li jiddefinixxu l-politiki għall-ġejjini (eż. white papers, pjanijiet ta' azzjoni, programmi ta' nfiq u linji gwida għan-negozjazzjoni għal ftehimiet internazzjonali);
– atti delegati jew ta' implimentazzjoni li x'aktarx ikollhom impatt identifikabbli fuq il-qasam ekonomiku, soċjali, ambjentali u fuq il-piż amministrattiv;
4. Jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni ta' IA jista' f'ċerti każijiet ma jikkorrispondix mal-proposti adottati meta dawn jinbidlu ladarba jitressqu għal approvazzjoni mill-Kulleġġ tal-Kummissarji; jitlob li l-abbozz tal-linji gwida riveduti jiddikjara li l-IA għandha tiġi aġġornata biex tiżgura l-kontinwità bejn il-kwistjonijiet ikkunsidrati fih u kwalunkwe proposta li finalment tiġi adottata mill-Kummissjoni;
5. Jirrimarka li ma jridx isir użu ħażin mill-IAs bħala mezz ta' oppożizzjoni għal biċċa leġiżlazzjoni li istituzzjoni ma taqbilx magħha, jew biex jimminaw il-kapaċità tal-leġiżlatur li jipproponi emendi.
6. Jinnota li l-valutazzjoni tal-impatt trid tkun rigoruża, komprensiva u bbażata fuq informazzjoni preċiża, objettiva u kompluta, b'analiżi li tkun proporzjonata u li tiffoka fuq l-għan u l-objettiv tal-proposta, sabiex tippermetti deċiżjoni politika informata sew;
7. Jenfasizza li l-proċess tal-IA għandu jkun trasparenti u jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni;
Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt
8. Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li r-rwol tal-IAB fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt mhuwiex definit b'mod aktar ċar fl-abbozz tal-linji gwida riveduti; jinsisti b'qawwa li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid din l-ommissjoni u tistipula proċeduri relatati mal-IAB b'mod aktar ċar f'abbozz ta' sett ġdid ta' linji gwida riveduti meta tirrispondi għall-Parlament u li kwalunkwe inizjattiva li tirrikjedi IA għandha tkun soġġetta għal opinjoni pożittiva mill-IAB; iqis li l-Kulleġġ tal-Kummissarji m'għandu jeżamina l-ebda inizjattiva leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva li ma jkollhiex IA approvata mill-IAB;
9. Hu tal-opinjoni li l-IAB għandu jkompli jaħdem bħala korp indipendenti għall-kontroll tal-kwalità fi ħdan il-Kummissjoni, u jitlob li tissaħħaħ b'mod sinifikanti l-indipendenza tal-IAB mid-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali; iqis li l-IAB għandu jkun magħmul biss minn persuni kkwalifikati ħafna; jipproponi li l-IAB jirrapporta direttament lill-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għal Regolamentazzjoni Aħjar;
It-test tal-SMEs
10. Ifakkar li l-Kummissjoni, fis-"Small Business Act", ħadet l-impenn li timplimenta l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" fit-tfassil tal-politika tagħha, u li dan jinkludi t-test tal-SMEs biex jivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni fil-ġejjieni u l-inizjattivi amministrattivi dwar l-SMEs; jenfasizza li huwa vitali li jiġi żgurat li dan it-test jitwettaq sew, u jqis li hemm marġini sinifikanti ta' progress li għad irid isir;
11. Jissottolinja l-importanza li jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lill-SMEs dwar l-ewwel abbozz tal-valutazzjonijiet tal-impatt, qabel il-finalizzazzjoni, u fl-istadju l-aktar bikri possibbli bl-għan li jitwettaq test tal-SMEs rigoruż; iqis li l-Kummissjoni għandha ttejjeb il-format tal-konsultazzjoni sabiex tilħaq aħjar lill-SMEs;
12. Ifakkar li fir-rieżami tagħha tal-2011 dwar is-"Small Business Act", il-Kummissjoni qieset li kienet ħasra li tmien Stati Membri biss kienu integraw it-test tal-SMEs fil-proċessi nazzjonali tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jilqa' l-impenn ċar li l-Kummissjoni ħadet f'dak ir-rieżami biex issaħħaħ ulterjorment it-test tal-SMEs; jiddeplora l-fatt li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-test tal-SME lanqas biss hu msemmi fl-abbozz tal-linji gwida riveduti tal-IA;
13. Jinsisti li t-test tal-SMEs, kif stabbilit fl-Anness 8 għal-linji gwida, għandu jinżamm sabiex jiġi evitat li l-SMEs jintlaqtu b'mod sproporzjonat jew jiġu żvantaġġati mill-inizjattivi tal-Kummissjoni meta mqabbla ma' kumpaniji kbar;
14. Jisħaq fuq il-fatt li f'każijiet bħal dawn, l-IA għandha tinkludi għażliet li jkopru mekkaniżmi u/jew flessibbiltajiet alternattivi sabiex jgħinu lill-SMEs jikkonformaw mal-inizjattiva (kif previst fl-Anness 8.4); jilqa', f'dan ir-rigward, l-esklużjoni a priori tal-mikrointrapriżi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' proposta leġiżlattiva bħala għażla politika ddikjarata fl-abbozz tal-linji gwida riveduti;
L-istabbiliment ta' Korp Konsultattiv dwar Regolamentazzjoni Aħjar
15. Jilqa' l-ħidma u r-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi, skont il-mandat tal-Kummissjoni; ifakkar l-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha l-aktar riċenti dwar REFIT (Ġunju 2014), li tistabbilixxi grupp ġdid ta' livell għoli dwar regolamentazzjoni aħjar li jikkonsisti minn rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati u esperti nazzjonali;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi kemm jista' jkun malajr tali Korp Konsultattiv ta' Livell Għoli dwar Regolamentazzjoni Aħjar li jinvolvi kemm il-kompetenzi tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll esperti nazzjonali, flimkien ma' rappreżentant tal-Parlament bħala osservatur; jipproponi mandat konsultattiv b'saħħtu u indipendenti għal dan il-korp, li għandu jivvaluta l-piż amministrattiv ta' proposti, l-ispiża ta' konformità, ir-rispett tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u l-għażla tal-bażi legali, jissuġġerixxi inizjattivi għal regolamentazzjoni aħjar u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill biex ikunu involuti fil-proċedura tan-nomina tal-esperti;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq abbozz ġdid tal-linji gwida riveduti tal-IAs li jqis il-punti enfasizzati minn din ir-riżoluzzjoni u l-istruttura tal-Kummissjoni li għadha kif ġiet introdotta, b'mod partikolari r-rwol tal-Viċi President il-ġdid inkarigat minn Regolamentazzjoni Aħjar;
Il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament
18. Jitlob biex l-IAs tal-Kummissjoni jkunu eżaminati mill-Parlament, b'mod sistematiku u kemm jista' jkun malajr, b’mod partikolari fil-livell tal-kumitati;
19. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu, tat-8 ta' Ġunju 2011, dwar il-garanzija li l-valutazzjonijiet tal-impatt ikunu indipendenti[1], u li fiha talab li jsir użu aktar konsistenti mill-IA parlamentari, u jirrimarka li unità tal-IA hija strument li huwa diġà disponibbli għat-twettiq tal-IAs; iqis li r-rikors għall-IA parlamentari huwa partikolarment utli qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe bidla jew emenda sostantiva maġġuri introdotta fil-proposti inizjali tal-Kummissjoni;
Valutazzjonijiet tal-Impatt fil-Kunsill Ewropew
20. Ifakkar lill-Kunsill dwar l-impenn tiegħu li jivvaluta b'mod sistematiku l-impatt tal-emendi sostantivi tiegħu stess;
°
° °
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
- [1] ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 31.