MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-benessri tal-annimali fil-farms tal-minkijiet
2.12.2014
Sophie Montel, Dominique Bilde, Florian Philippot, Steeve Briois, Aymeric Chauprade
B8‑0323/2014
Proposta ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-benessri tal-annimali fil-farms tal-minkijiet
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali li Jinżammu għal Skopijiet ta' Biedja tal-10 ta’ Marzu 1976,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-annimali huma ħlejjaq sensittivi;
B. billi l-benessri tal-annimali u l-ħarsien tal-annimali huma valuri Komunitarji;
C. billi, fl-ambjent naturali, il-minkijiet jgħixu fuq territorji estensivi ħafna li jikkonsistu f’żoni akkwatiċi;
D. ifakkar li l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali li Jinżammu għal Skopijiet ta' Biedja tal-10 ta’ Marzu 1976 jiddisponi li kull annimal għandu jgawdi minn akkomodazzjoni, ikel u kura li – skont l-ispeċi tiegħu, l-istadju ta’ żvilupp tiegħu, ta’ adattament u ta’ domestikazzjoni tiegħu – huma adattati għall-ħtiġijiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi tiegħu, skont l-esperjenza miksuba u l-għarfien xjentifiku;
1. Hu tal-fehma li t-trobbija tal-minkijiet fil-gaġeġ għall-pil tagħhom hija għalkollox kontradittorja għall-prinċipji bażiċi tal-benessri tal-annimali kif definiti fit-testi Komunitarji msemmija hawn fuq;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tipprojbixxi fl-Unjoni ż-żamma tal-minkijiet għall-produzzjoni tal-pil b’tali mod li tippermetti li jiġi ggarantit ir-rispett strett tad-Direttiva 98/58/KE tal-20 ta’ Lulju 1998;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.