MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' ksur serju tar-regoli tal-Unjoni, li jista' jwassal għat-telf ta' reputazzjoni tajba tal-operatur tat-trasport bit-triq u li jemenda l-Anness III tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew
4.12.2014 - (D034120/02 – 2014/2859(RPS))
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Michael Cramer
B8-0325/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' ksur serju tar-regoli tal-Unjoni, li jista' jwassal għat-telf ta' reputazzjoni tajba tal-operatur tat-trasport bit-triq u li jemenda l-Anness III tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew
(D034120/02 – 2014/2859(RPS))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni (D034120/02),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha,
– wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-30 ta' Ġunju 2014 mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għan tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 huwa l-implimentazzjoni sħiħa ta' suq intern tat-trasport bit-triq b'kondizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni, li titlob l-applikazzjoni uniformi ta' regoli komuni għall-awtorizzazzjoni għad-dħul għall-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq tal-merkanzija jew tal-passiġġieri;
B. billi dawn ir-regoli komuni ser jikkontribwixxu għall-kisba ta' kwalità għolja ta' kwalifika professjonali għall-operaturi tat-trasport, lejn ir-razzjonalizzazzjoni tas-suq, lejn it-titjib tal-kwalità tas-servizz, fl-interess tal-operaturi tat-trasport bit-triq, tal-klijenti tagħhom u tal-ekonomija kollha kemm hi, kif ukoll lejn aktar sigurtà fit-toroq;
C. billi l-Artikolu 6 jipprovdi lista mhux eżawrjenti tar-regoli tal-UE marbuta mal-valutazzjoni tar-reputazzjoni tajba, li tinkludi: ir-regoli applikabbli għall-ħinijiet tas-sewqan u l-ħinijiet tax-xogħol tax-xufiera; l-użu tat-takografi; il-piżijiet massimi u d-dimensjonijiet tal-vetturi kummerċjali użati għat-trasport internazzjonali; il-kwalifiki inizjali u t-taħriġ kontinwu tax-xufiera; l-istat ta' kemm vetturi kummerċjali huma tajbin għat-triq; l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq jew, fejn xieraq, l-aċċess għas-suq tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri; is-sikurezza fit-trasport bit-triq tal-merkanzija perikoluża; l-istallazzjoni u l-użu ta' tagħmir għall-kontroll tal-veloċità fuq ċerti kategoriji ta' vetturi; il-liċenzji tas-sewqan; id-dħul għall-professjoni; u t-trasport ta' annimali;
D. billi skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, il-Kummissjoni hija mitluba tfassal lista ta' kategoriji, tipi u gradi ta' serjetà ta' ksur serju ta' dawn ir-regoli Komunitarji, li, flimkien ma' dawk stabbiliti fl-Anness IV, jistgħu jwasslu għat-telf ta' reputazzjoni tajba;
E. billi l-Istati Membri huma mitluba jqisu l-informazzjoni dwar dak il-ksur, inkluża l-informazzjoni mingħand Stati Membri oħra, meta jistabbilixxu l-prijoritajiet għal kontrolli skont l-Artikolu 12(1);
F. billi skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, il-Kummissjoni, hija u tipprepara dawn il-miżuri, intalbet tistipula l-kategoriji u t-tipi ta' ksur li jokkorru frekwentement;
G. billi, fid-dawl tal-att bażiku, il-miżura li għandha tittieħed mill-Kummissjoni kienet mistennija li tinkudi lista sħiħa kemm ta' ksur armonizzat kif ukoll ta' grad armonizzat ta' serjetà li jista' jwassal għat-telf ta' reputazzjoni tajba tal-operatur tat-trasport bit-triq;
H. billi l-Kummissjoni, hija u tipprepara dawn il-miżuri, jeħtiġilha tiddefenixxi l-grad ta' serjetà tal-ksur skont il-potenzjal tagħhom li joħolqu riskju ta' fatalitajiet jew korriment serju;
I. billi l-lista ppreparata mill-Kummissjoni setgħet tikkunsidra biss dak il-ksur li jista' joħloq riskju ta' fatalitajiet jew korriment serju, filwaqt li ksur serju tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 ikollu impatt sinifikanti fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien li naturalment jista' jkollu potenzjal għoli li joħloq riskju ta' fatalitajiet jew korriment serju;
J. billi l-lista naqset milli tinkludi lista kompleta tal-ksur serju tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009, ladarba l-punt 10 tal-Anness 1 għall-proposta ta' regolament tal-Kummissjoni ma jinkludix il-kabotaġġ illegali, li, minħabba l-impatt negattiv li jkollu fuq ix-xufiera, huwa evidenti li għandu jitqies bħala ksur serju;
K. billi regoli oħra marbuta mal-kabotaġġ illegali, pereżempju b'rabta mat-twettiq tal-kabotaġġ b'manjiera li mhijiex konformi mar-rekwiżiti nazzjonali relatati mal-leġiżlazzjoni soċjali applikabbli għall-kuntratt, għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' ksur serju, fid-dawl tal-potenzjal tagħhom li joħolqu riskju ta' fatalitajiet jew korriment serju;
L. billi l-lista ta' kategoriji, tipi u gradi ta' serjetà ta' ksur serju li ġiet inkluża tagħmel użu minn kliem ordinarju, bħalma huma "f'konformità" jew "validu", u dan ikompli jikkomplika l-interpretazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tat-tipi u l-gradi ta' serjetà ta' ksur serju;
M. billi r-regolamenti eżistenti diġà jinkludu dispożizzjonijiet ċari fir-rigward tar-responsabilità tat-trasportaturi, ix-xufiera u l-kumpanija responsabbli għat-trasport ta' oġġetti perikolużi;
N. billi l-obbligi u r-responsabilitajiet tal-atturi differenti involuti fit-trasport ta' oġġetti perikolużi jistgħu jiġu ostakolati, f'dak li għandu x'jaqsam ma' gruppi ta' ksur kontra d-Direttiva 2008/68/KE bħalma hu stabbilit fil-punt 9 tal-Anness I għall-miżura proposta;
O. billi, għaldaqstant, l-abbozz ta' miżura ppreżentat mill-Kummissjoni m'għandux jitqies kompatibbli mal-għan jew il-kontenut tal-att leġiżlattiv ta' bażi;
1. Joġġezzjona għall-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;
2. Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament, u lill-Kumitat tippreżentalu lista ġdida ta' ksur serju tar-regoli tal-Unjoni li jista' jwassal għat-telf ta' reputazzjoni tajba tal-operatur tat-trasport bit-triq;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.