Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0327/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0327/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-armonizzazzjoni tar-regolamenti nazzjonali kontra l-bullying ċibernetiku

4.12.2014

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Aldo Patriciello

B8‑0327/2014

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-armonizzazzjoni tar-regolamenti nazzjonali kontra l-bullying ċibernetiku

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-bullying huwa definit bħala oppressjoni psikoloġika jew fiżika, ripetuta u sostnuta fiż-żmien, imwettqa minn persuna iktar b'saħħitha fil-konfront ta' persuna oħra meqjusa iktar debboli;

B.     billi l-bullying isir bullying ċibernetiku meta mid-dinja reali jidħol f'dik diġitali, bit-tixrid ta' sms, messaġġi f'chat, ritratti, mms u vidjows offensivi u li ma jirrispettawx il-privatezza u d-dinjità ta' ħaddieħor;

C.     billi l-bullying ċibernetiku għandu karatteristiċi proprji li jagħmluh saħansitra iktar dannuż, jiġifieri d-diffikultà biex il-vittma tintraċċa lil min iwettaq il-fastidju, b'tgħawwir tal-fibra morali aġevolat bil-possibilità li dak li jkun jinħeba wara psewdonimu u b'nuqqas ta' limiti spazju-temporali, fis-sens li dan it-tip ta' bullying jolqot lill-vittma kull darba li taqbad mal-internet;

D.     billi, fl-Ewropa, madwar 6 % tal-adolexxenti kienu soġġetti għall-bullying ċibernetiku u, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-ġenituri ma jkunux konxji b'dan il-fatt;

E.     billi l-maġġoranza tal-Istati Membri ma jipprovdux għal protezzjoni speċifika kontra l-bullying ċibernetiku;

F.     billi tali nuqqas iwassal għal "vacatio legis" u dan iħeġġeġ dan it-tip ta' bullying, meqjus bħala mhux kastigabbli u għaldaqstant, b'xi mod jew ieħor, bħala leċitu;

1.      Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ġdida għal regolament li jirregola l-bullying ċibernetiku filwaqt li jiddefinixxi l-prerekwiżiti u l-konsegwenzi fil-livell ċivili u kriminali.