Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0328/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0328/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ħolqien ta' aġenzija Ewropea għall-adozzjonijiet fi ħdan l-UE

4.12.2014

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Aldo Patriciello

B8‑0328/2014

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħolqien ta' aġenzija Ewropea għall-adozzjonijiet fi ħdan l-UE

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-adozzjoni hija istitut ġuridiku li bis-saħħa tiegħu l-individwi li sfaw mingħajr ġenituri naturali jew li dawn tal-aħħar ma rrikonoxxuhomx jew ma jistgħux irabbuhom jistgħu jsiru wlied leġittimi ta' ġenituri oħrajn;

B.     billi l-adozzjoni internazzjonali tiggarantixxi l-possibilità ta' adozzjoni ta' minorenni fi Stat barrani dment li dan jaderixxi mal-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor (bla ħsara għall-possibilità għal koppja li tadotta minorenni anki minn Stat li ma ffirmax il-Konvenzjoni tal-Aja dment li jeżisti patt bilaterali ta' adozzjoni);

C.     billi l-għadd ta' adozzjonijiet internazzjonali qiegħed dejjem jikber b'mod konsiderevoli minħabba l-projezzjoni tad-drawwiet soċjali f'dimensjoni dejjem aktar transnazzjonali;

D.     billi jeżistu bosta entitajiet akkreditati li jgħinu lill-ġenituri adottivi futuri fil-perkors tal-adozzjoni internazzjonali u jieħdu ħsieb it-twettiq tal-proċeduri neċessarji barra minn pajjiżhom biex issir l-adozzjoni, u jassistuhom quddiem l-awtorità barranija kif ukoll isostnuhom fil-perkors ta' wara l-adozzjoni;

E.     billi ż-żmien biex jitlesta l-proċess tal-adozzjoni huwa deċiżament twil u jvarja bejn sentejn u erba' snin;

F.     billi kull Stat Membru għandu l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar l-adozzjonijiet internazzjonali u jipprovdi b'mod awtonomu għall-akkreditament tal-entitajiet awtorizzati abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ;

G.     billi skont l-Artikolu 20 tat-TFUE (verżjoni konsolidata) kull min għandu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru għandu ċ-ċittadinanza Ewropea li ma tissostitwixxix dik nazzjonali iżda tiżdied magħha;

H.     billi, għaldaqstant, kull min jitwieled fi Stat Membru huwa ċittadin Ewropew;

I.      billi, skont dak li ntqal hawn fuq, jista' jiġi affermat li bla dubju kull tarbija li titwieled fit-territorju Ewropew tista' tiġi definita bħala "tarbija Ewropea";

1.      Jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta għal regolament ġdida li tistabbilixxi entità Ewropea li tieħu ħsieb il-ġestjoni, skont il-proċeduri u r-regoli li jiġu stabbiliti f'dan l-istess regolament, l-adozzjonijiet fi ħdan l-UE.