Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0337/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0337/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-maltemp fit-Tramuntana tal-Italja u r-riskji għat-trobbija tan-naħal

4.12.2014

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Mara Bizzotto

B8-0337/2014

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-maltemp fit-Tramuntana tal-Italja u r-riskji għat-trobbija tan-naħal

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-maltemp li f'dawn l-aħħar xahrejn laqat lill-Italja, b'mod partikolari lill-Veneto, iqiegħed f'riskju serju l-produzzjoni ta' għasel, li fit-Tramuntana jaf iġarrab telf anki ta' 70 %;

B.     billi din hija tassew katastrofi jekk dak li jkun jikkunsidra li dan is-settur għandu kapaċità produttiva nazzjonali ta' almenu 20 miljun kg prodott fis-sena, jiġġenera introjtu li jammonta għal EU 70 miljun u jagħti xogħol lil 50 000 operatur;

C.     billi l-effetti tat-tnaqqis fir-ritmu tax-xogħol tan-naħal fi ħdan iċ-ċiklu tal-produzzjoni agrikola qegħdin iqajmu inkwiet ukoll; in-naħal huma importanti mhux biss għall-produzzjoni tal-għasel, imma wkoll għat-tkabbir ta' dawk il-prodotti kollha li għandhom bżonn id-dakkir, bħal pereżempju t-tuffieħ, il-lewż, il-ħawħ, il-lanġas, il-brunġiel, l-għeneb, il-ħjar, il-frawli, eċċ.;

1.      Jitlob lill-Kummissjoni tintervjeni biex tegħleb il-kriżi li s-settur tat-trobbija tan-naħal tal-Veneto qiegħed għaddej minnha minħabba l-maltemp;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli fondi straordinarji u strateġiji ta' għajnuna eċċezzjonali biex tiggarantixxi s-sopravivenza ta' settur importanti għall-ekonomija Ewropea.