Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0349/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0349/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan

10.12.2014 - (2014/2964(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fernando Maura Barandiarán, Pavel Telička, Javier Nart, Beatriz Becerra Basterrechea, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Ivan Jakovčić, Ivo Vajgl, Alexander Graf Lambsdorff, Louis Michel, Jozo Radoš f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0277/2014

Proċedura : 2014/2964(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0349/2014
Testi mressqa :
B8-0349/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0349/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan

(2014/2964(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta' Awtogovernanza") tat-13 ta' Settembru 1993,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 67/19 tal-2012 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-18 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2014 dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra r-rimarki magħmula mill-VP/RGħ matul il-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, sal-20 ta' Novembru 2014, 135 mill-193 stat membru tan-NU u 8 mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxew lill-Istat tal-Palestina, u billi 5 Stati Membri reċentement approvaw ir-rikonoxximent futur tal-Istat tal-Palestina;

B.     billi l-UE kkonfermat b’mod ripetut l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, fejn l-Istat tal-Iżrael bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, u ddikjarat li m’għandu jiġi rikonoxxut ebda bdil tal-fruntieri ta' qabel l-1967 ħlief il-bdil li diġà sar qbil dwaru bejn il-partijiet, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali ta' żewġ stati;

C.     billi r-rikonoxximent ta' stat Palestinjan irid ikun ir-riżultat ta' ftehim bilaterali – u rikonoxximent reċiproku – bejn l-istat Iżraeljan u dak Palestinjan li jkollhom l-istat tagħhom u jgawdu fruntieri sikuri;

D.     billi taħditiet diretti dwar il-paċi bejn il-partijiet huma attwalment wieqfa; billi l-UE stiednet lill-partijiet biex ifittxu azzjonijiet li jwasslu għall-ambjent ta' fiduċja meħtieġ biex jiġu żgurati negozjati sinifikanti, iżommu lura milli jieħdu azzjonijiet li jdgħajfu l-kredibilità tal-proċess u jipprevjenu t-tixwix;

E.     billi l-assenza ta' qafas politiku kredibbli qed tiġi sfruttata u qed twassal biex ikomplu jiħraxu l-pożizzjonijiet ideoloġiċi u reliġjużi;

F.     billi, sa mill-Ftehimiet ta' Oslo tal-1995, ix-Xatt tal-Punent ġie diviż f'termini amministrattivi fi tliet żoni; billi ż-Żona C tinkludi l-ikbar porzjon mit-territorju tax-Xatt tal-Punent; billi l-iżviluppi soċjali u ekonomiċi fiż-Żona C huma ta' importanza kritika għall-vijabilità ta' stat Palestinjan futur;

G.     billi l-preżenza Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, partikolarment fiż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant ġiet imminata inġustament mill-kunflitt kumpless attwali;

H.     billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont il-liġi internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi favur il-paċi;

I.      billi l-pubblikazzjoni tal-Iżreal bit-titolu (tradott għall-Malti) "Il-Liġi Bażika: Ġerusalemm: il-Kapitali tal-Iżrael" tal-1980, tiddikjara lil Ġerusalemm bħala kapitali sħiħa u magħquda tal-Iżrael, li jmur kontra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 478 (1980); billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 tennew li jrid jinstab mod, permezz tan-negozjati, biex jiġi riżolt l-istatus ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta' żewġ stati; billi l-iżviluppi attwali f'Ġerusalemm tal-Lvant jagħmlu l-prospettiva ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura taż-żewġ stati inqas u inqas possibbli u fattibbli fil-prattika; billi ż-żona ta' Ġerusalemm tal-Lvant dejjem qed tiddistakka ruħha aktar mix-Xatt tal-Punent, filwaqt li l-Baċin Storiku fi ħdan Ġerusalemm qed jiddistakka ruħu dejjem aktar mill-bqija ta' Ġerusalem tal-Lvant;

J.      billi l-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u tad-drittijiet tagħha fix-Xatt tal-Punent, fir-rigward b'mod partikolari taż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant, hija ta' importanza fundamentali għall-preservazzjoni tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; billi l-espansjoni li għaddejja ta' insedjamenti, il-vjolenza tal-kolonizzaturi, ir-restrizzjonijiet fuq l-ippjanar u n-nuqqas akut konsegwenti ta' djar, it-twaqqigħ tad-djar, it-tkeċċijiet mid-djar, l-ispostamenti, il-konfiska tal-art, l-aċċess diffiċli għal riżorsi naturali, in-nuqqas ta' servizzi soċjali bażiċi u ta' assistenza bażika qed ikollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-Palestinjani;

K.     billi n-nuqqas ta' gvern Palestinjan uniku u demokratiku, u r-rifjut ta' Ħamas li jirrikonoxxi lill-Iżrael bħala stat u d-dritt permanenti tiegħu li jeżisti, li jiċħad il-vjolenza u li jaċċetta l-validità ta' ftehimiet preċedenti bejn l-Iżrael u l-Palestinja mhux qed jgħinu biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt;

L.     billi l-ħajt ta' separazzjoni mibni mill-Iżrael, li ma jsegwix il-Linja l-Ħadra, jaqta' barra partijiet kunsiderevoli tat-territorju Palestinjan kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll f’Ġerusalemm tal-Lvant; billi l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja bl-isem "Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat" tal-2004 ddikjarat li "l-kostruzzjoni tal-ħajt li qed jinbena mill-Iżrael ... u r-reġim assoċjat tiegħu, tmur kontra l-liġi internazzjonali";

M.    billi l-Bedwini Għarab huma poplu indiġenu, jgħixu ħajja sedentarja u tradizzjonalment agrikola fuq l-artijiet ta' missirijiethom u qed ifittxu rikonoxximent formali u permanenti tas-sitwazzjoni u l-istatus uniċi tagħhom; billi l-komunitajiet Għarab Bedwini, mhedda mill-politiki Iżraeljani li jimminawlhom l-għajxien tagħhom u jinkludu t-trasferiment forzat, huma popolazzjoni partikolarment vulnerabbli kemm fit-Territorju Palestinjan Okkupat u kif ukoll fin-Negev;

N.     billi f'ħafna okkażjonijiet, inkluż fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012, l-UE u l-Istati Membri tagħha tennew l-impenn fundamentali tagħhom għas-sigurtà tal-Iżrael, ikkundannaw bl-akbar qawwa l-vjolenza li hija deliberatament immirata fuq iċ-ċivili, inklużi l-attakki bir-rokits mill-Istrixxa ta' Gaża, u talbu l-prevenzjoni effettiva tad-dħul tal-armi bil-kuntrabandu f'Gaża;

1.      Jinnota l-proċess li għaddej fost għadd ta' Stati Membri li jirrikonoxxu l-Istat tal-Palestina, u jesprimi r-rieda tiegħu li jidderieġi dan l-appoġġ lejn l-aċċelerazzjoni tal-proċess ta' paċi u s-soluzzjoni ta' żewġ stati, preferibbilment bħala parti minn ftehim negozjat, b'azzjoni kkoordinata man-NU;

2.      Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-VP/RGħ jsibu pożizzjoni komuni tal-UE dwar din il-kwistjoni;

3.      Jistieden lill-komunità internazzjonali, u partikolarment lill-UE, tkompli ssegwi azzjoni kkoordinata filwaqt li tikkunsidra l-preokkupazzjonijiet, l-interessi u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-Istat tal-Iżrael, u tal-Palestina;

4.      Huwa mħasseb serjament dwar iż-żieda fit-tensjoni u l-vjolenza fuq l-art; jistieden lill-mexxejja politiċi minn kull naħa biex jaħdmu flimkien permezz ta' azzjonijiet viżibbli biex titnaqqas it-tensjoni fis-sitwazzjoni; jikkundanna l-attakki terroristiċi reċenti u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu għat-telf ta' ħajja, u jistieden lill-Istat tal-Iżrael biex iżomm lura minn kwalunkwe eżerċizzju indiskriminat ta' forza kontra l-popolazzjoni ċivili; jistieden lill-Awtorità Palestinjana tikkundanna l-atti kollha ta' terroriżmu u biex tagħmel sforzi akbar biex jiġi eliminat kull diskors ta' mibegħda u tipprevjeni l-atti kollha ta' vjolenza; jistieden lill-Gvern Iżraeljan iwaqqaf l-espansjoni ta' insedjamenti u r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, partikolarment fiż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant fir-rigward tal-aċċess għal riżorsi naturali u servizzi u assistenza soċjali ta' bażi bħala fattur essenzjali fil-preservazzjoni tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

5.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Prim Ministru tal-Gvern Palestinjan b'Konsensus Nazzjonali u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.