Proċedura : 2014/2964(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0357/2014

Testi mressqa :

B8-0357/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.22
CRE 17/12/2014 - 10.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0103

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 208k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0277/2014
10.12.2014
PE545.606v01-00
 
B8-0357/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan (2014/2964(RSP))


Gianni Pittella, Victor Boştinaru, Nikos Androulakis, Maria Arena, Francisco Assis, Brando Benifei, Nicola Caputo, Miriam Dalli, Tanja Fajon, Ana Gomes, Jude Kirton-Darling, Mary Honeyball, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Juan Fernando López Aguilar, Javi López, David Martin, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Norbert Neuser, Pier Antonio Panzeri, Gilles Pargneaux, Kati Piri, Isabelle Thomas, Marita Ulvskog, Elena Valenciano, Boris Zala, Richard Howitt f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan (2014/2964(RSP))  
B8‑0357/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tad-29 ta’ Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina(1) u tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni f’Gaża(2),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-22 ta' Lulju 2014 u tas-17 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rimarki tar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar l-attakk fis-sinagoga ta' Har Nof fit-18 ta' Novembru 2014 u dwar l-attakk terroristiku f'Ġerusalemm tal-5 ta' Novembru 2014, u d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani, tal-10 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rimarki tar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini wara l-laqgħa tagħha ma' Benjamin Netanyahu, Prim Ministru tal-Iżrael, tas-7 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar l-aħħar dikjarazzjoni Iżraeljana dwar l-insedjamenti, tal-5 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon wara l-konverżazzjonijiet telefoniċi tiegħu ma' Benjamin Netanyahu, Prim Ministru tal-Iżrael, u Mahmoud Abbas, President tal-Istat tal-Palestina, tal-20 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra t-tħabbira tal-gvern Svediż dwar ir-rikonoxximent uffiċjali tal-Istat tal-Palestina, tat-30 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra l-mozzjonijiet approvati mill-House of Commons tar-Renju Unit fit-13 ta' Ottubru 2014, mis-Senat Irlandiż fit-22 ta' Ottubru 2014, mill-Parlament Spanjol fit-18 ta' Novembru 2014, u mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża fit-2 ta' Diċembru 2014, li jħeġġu lill-gvernijiet rispettivi tagħhom jirrikonoxxu l-Istat tal-Palestina,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-29 ta’ Novembru 2012 li tagħti status ta’ stat osservatur mhux membru lill-Palestina,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Knesset tat-8 ta' Diċembru 2014 li jsiru elezzjonijiet straordinarji fl-Iżrael fis-17 ta' Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi s-sejba ta' paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u bejn l-Għarab u l-Iżraeljani f'kuntest aktar wiesa', ilha kwistjoni ta' interess ewlieni għall-kommunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, għal aktar minn nofs seklu;

B.     billi l-inizjattiva tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry, li ma ħallietx frott tanġibbli minkejja l-isforzi kollha, u l-gwerra fl-Istrixxa ta' Gaża ġew segwiti minn perjodu ieħor ta' staġnar tal-proċess tal-paċi;

C.     billi fil-vojt li nħoloq minħabba n-nuqqas ta' progress fil-proċess ta' paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani t-tensjonijiet qed jerġgħu jiżdiedu, u dan iwassal għat-telf tal-ħajja ta' ċivili innoċenti; billi ħames persuni nqatlu u diversi oħra ndarbu fl-attakk terroristiku fis-sinagoga ta' Har Nof fit-18 ta' Novembru 2014; billi dan l-attakk ġie segwit minn atti oħra ta' terrur u vjolenza fil-ġimgħat li għaddew;

D.     billi, f'Novembru 2012 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kkonferiet status ta' "stat osservatur mhux membru" lill-Palestina;

E.     billi, fit-30 ta' Ottubru 2014, il-gvern Svediż ħabbar ir-rikonoxximent uffiċjali tiegħu tal-Istat tal-Palestina; billi l-Isvezja hi l-ewwel Stat Membru tal-UE li rrikonoxxa l-Istat Palestinjan; billi tmien Stati Membri oħra – il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja – kienu diġà rrikonoxxew l-Istat Palestinjan qabel ma saru membri tal-Unjoni Ewropea;

F.     billi, fit-13 ta' Ottubru 2014 il-House of Commons tar-Renju Unit approvat mozzjoni li tesprimi l-pożizzjoni li "l-Gvern għandu jirrikonoxxi lill-Istat Palestinjan flimkien mal-Istat tal-Iżrael, bħala kontribut biex tkun żgurata soluzzjoni negozjata ta' żewġ stati";

G.     billi fit-22 ta' Ottubru 2014 is-Senat Irlandiż approva mozzjoni fejn talab "lill-Gvern biex jirrikonoxxi formalment lill-Istat Palestinjan u biex jagħmel dak kollu possibbli fil-livell internazzjonali biex jgħin biex tkun żgurata soluzzjoni vijabbli ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani";

H.     billi fit-18 ta' Novembru 2014, il-Parlament Spanjol approva mozzjoni li fiha ħeġġeġ lill-gvern jirrikonoxxi lill-Palestina bħala stat, rikonoxximent li għandu jkun il-konsegwenza ta' proċess negozjat bejn il-partijiet li jiggarantixxi l-paċi u s-sigurtà għat-tnejn, rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini u stabilità reġjonali;

I.      billi fit-2 ta' Diċembru 2014 l-Assemblea Nazzjonali Franċiża approvat mozzjoni li fiha stiednet lill-gvern jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan bl-għan li jirriżolvi b'mod definittiv il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, fl-ispirtu tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

J.      billi inizjattivi simili tnedew f'bosta pajjiżi oħra Ewropej, bħall-Belġju, id-Danimarka, il-Portugall u s-Slovenja;

K.     billi r-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina jagħmel parti mill-kompetenza tal-Istati Membri;

L.     billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2011 il-Parlament esprima s-sostenn tiegħu u stieden lill-Istati Membri tal-UE jkunu magħquda fl-indirizzar tat-talba leġittima tal-Palestinjani biex ikunu rappreżentati bħala stat fin-Nazzjonijiet Uniti;

M.    billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 il-Parlament Ewropew appoġġa t-talba tal-Palestina li ssir stat osservatur mhux membru fin-Nazzjonijiet Uniti, u talab lill-Istati Membri tal-UE u l-komunità internazzjonali jilħqu ftehim f'din id-direzzjoni;

N.     billi l-Unjoni Ewropea naqset milli tiżvolġi rwol politiku sinifikanti bħala faċilitatur fil-proċess ta' paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani tul dawn l-aħħar snin; billi fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2014, il-ministri tal-affarijiet barranin tal-Istati Membri ddeċidew li jappoġġaw inizjattivi ġodda biex jerġgħu jniedu proċess ta' paċi billi jibnu fuq il-possibilità li jinħoloq qafas reġjonali b'kooperazzjoni mal-Istati Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u pajjiżi Għarab ewlenin bħall-Eġittu, il-Ġordan u l-Arabja Sawdija;

O.     billi fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Novembru 2014 il-Kunsill Affarijiet Barranin ikkonferma li l-iżvilupp ġejjieni tar-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab Iżraeljani u Palestinjani se jiddependi wkoll mill-impenn tagħhom lejn paċi dejjiema msejsa fuq is-soluzzjoni ta' żewġ stati;

1.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE jirrikonoxxu lill-Istat tal-Palestina, att li jagħmel parti mill-kompetenza nazzjonali tagħhom, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President Federica Morgherini li tiffaċilita approċċ komuni tal-UE f'dan ir-rigward;

2.      Iħeġġeġ lill-Iżrael ukoll biex jirrikonoxxi lill-Istat tal-Palestina bil-kundizzjoni li tali rikonoxximent jiġi segwit minn ftehim ta' status finali bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

3.      Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar it-tensjonijiet li qed jikbru bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jikkundanna bl-iktar mod qawwi possibbli l-atti kollha ta' terroriżmu jew vjolenza kontra ċittadini innoċenti Iżraeljani u Palestinjani – inkluż l-attakk fis-sinagoga Har Nof li ħalla ħames persuni mejta fit-18 ta' Novembru 2014 u t-taqbid vjolenti rikorrenti fiż-żona ta' Haram-al-Sharif / l-Għolja tat-Tempju – u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi; iwissi dwar is-sogru ta' eskalazzjoni ulterjuri tal-vjolenza f'siti mqaddsa, li jistgħu jittrasformaw il-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani f'kunflitt reliġjuż; jitlob li titnaqqas l-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni u jenfasizza għall-darba oħra li l-uniku mod kif tista’ tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huwa b’mezzi mhux vjolenti; jenfasizza li kwalunkwe azzjoni vjolenti tista' biss tkebbes l-estremiżmu fuq iż-żewġ naħat;

4.      Jilqa' ż-żjara riċenti tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President Federica Mogherini fl-Iżrael u l-Palestina, kif ukoll l-impenn tagħha li tinvolvi ruħha b'mod proattiv fi proċess pożittiv bl-għan li jitkisser iċ-ċirku vizzjuż tal-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u jinħolqu l-kundizzjonijiet politiċi għal progress ġenwin fil-proċess tal-paċi; jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2014 u d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Rappreżentant Għoli;

5.      Jenfasizza li r-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina mill-Istati Membri se jikkontribwixxi biex jerġgħu jinbdew it-taħdidiet tal-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, abbażi ta' impenn kredibbli u serju miż-żewġ naħat u li jwassal għal riżultati konkreti u tanġibbli f'qafas ta' żmien definit;

6.      Itenni li d-dritt tal-Istat ta' Iżrael li jeżisti fi ħdan fruntieri sikuri, u d-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u li jkollhom stat tagħhom, huma inkontestabbli; ikompli jappoġġa f'dan l-ispirtu, is-soluzzjoni ta' żewġ Stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati u bl-Istat ta' Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli – kompost mill-Istrixxa ta' Gaża, il-Lvant ta' Ġerusalemm, u x-Xatt tal-Punent – jgħixu bħala ġirien fil-paċi u s-sigurtà; jenfasizza li s-soluzzjoni ta' żewġ stati hi bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku min-naħa taż-żewġ stati u r-rikonoxximent taż-żewġ stati min-naħa tal-komunità internazzjonali b'mod ġenerali; ifakkar fl-importanza tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi f'dan ir-rigward;

7.      Jitlob liż-żewġ partijiet itemmu kwalunkwe azzjoni li tista' ddgħajjef il-vijabilità u l-prospetti ta' soluzzjoni ta' żewġ stati, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-kostruzzjoni ta' insedjamenti u attivitajiet ta' espansjoni Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, inkluż il-Lvant ta' Ġerusalem, kif ukoll l-esproprjazzjoni kontinwa ta' art Palestinajana u l-qerda ta' proprjetà Palestinjana min-naħa tal-Iżrael;

8.      Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tassumi r-responsabilità tagħha biex issir attur politiku u faċilitatur ġenwin fil-proċess tal-paċi tal-Lvant Nofsani, anke permezz ta' strateġija u pjan Ewropej komprensivi għall-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, li jistgħu jiġu ppreżentati f'konferenza internazzjonali tal-paċi bil-parteċipazzjoni taż-żewġ naħat u l-atturi reġjonali u internazzjonali ewlenin kollha;

9.      Jitlob li jkomplu jingħataw l-appoġġ u l-assistenza tal-UE għall-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali Palestinjani; jerġa' jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza li tiġi kkonsolidata l-awtorità tal-gvern ta' konsensus Palestinjan u l-amministrazzjoni tiegħu fl-Istrixxa ta' Gaża, kif ukoll li jintemm l-imblokk Iżralejan taż-żona, filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib ġenwin dwar is-sigurtà min-naħa tal-Iżrael, bla dewmien; jinsab konvint li r-riattivazzjoni u l-estensjoni possibbli tal-ambitu u tal-mandat tal-missjonijiet EUBAM Rafah u EUPOL COPPS jistgħu jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għal dawn l-isforzi;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Prim Ministru tal-Gvern Palestinjan b'Konsensus Nazzjonali u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

(1)

ĠU C56E, 26.2.2013, p. 104

(2)

Testi adottati, P7_TA(2012)0454.

Avviż legali - Politika tal-privatezza