Proċedura : 2014/2964(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0359/2014

Testi mressqa :

B8-0359/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.22
CRE 17/12/2014 - 10.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 129kWORD 189k
10.12.2014
PE545.608v01-00
 
B8-0359/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan (2014/2964 (RSP)).


Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anna Elżbieta Fotyga, Mark Demesmaeker, Zdzisław Krasnodębski, Bas Belder f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan (2014/2964 (RSP)).  
B8‑0359/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tas-17 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni ta' żewġ stati, bl-Istat Iżraeljan u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin f'paċi u f'sigurtà, u talbet li jerġgħu jibdew id-diskussjonijiet diretti dwar il-paċi bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana;

1.      Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu għat-tensjoni dejjem akbar u ż-żieda fil-vjolenza fir-reġjun; jikkundanna l-attakki terroristiċi reċenti kollha; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi, inkluż dawk li mietu fit-18 ta' Novembru 2014 kaġun tal-attakk fuq sinagoga f'Ġerusalem;

2.      Isostni li s-soluzzjoni ta' żewġ stati hi l-uniku eżitu vijabbli għal paċi u stabbiltà dejjiema; jinnota bi tħassib li dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza mhijiex soluzzjoni sostenibbli; itenni li hemm bżonn ta' approċċ diplomatiku taħt l-awspiċi tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani li jinkludi negozjati diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani li twassal għal soluzzjoni paċifika għall-kunflitt u r-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan;

3.      Jenfasizza li r-rikonoxximent mill-Palestinjani tad-dritt tal-Iżrael li jeżisti u li jissalvagwardja l-interessi leġittimi ta' sigurtà u sikurezza tiegħu, hu element essenzjali biex tinstab soluzzjoni bbilanċjata; ifakkar li l-UE tixtieq li tara l-Gaża taħt it-tmexxija tal-Awtorità Palestinjana timplimenta l-ordni pubbliku u timxi skont valuri u prinċipji demokratiċi u jinsisti dwar id-diżarm tal-gruppi armati kollha li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Awtorità Palestinjana f'Gaża;

4.      Itenni s-sostenn tiegħu għal dawk l-Iżraeljani u l-Palestinjani li jinsabu frustrati mis-sitwazzjoni politika ta' tensjoni li jkollhom jgħixu ta' kuljum u jirrikonoxxi li fil-parti 'l kbira tagħhom iċ-ċittadini Iżraeljani u Palestinjani jridu sempliċement jgħixu fil-paċi u s-sigurtà;

5.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-membri tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, lill-mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza