Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0363/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0363/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fl-istadiums

10.12.2014

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Aldo Patriciello

B8-0363/2014

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fl-istadiums

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-każijiet ta' vjolenza fl-istadiums f'dawn l-aħħar snin tant saru fenomenu frekwenti u mifrux li tqiegħed fiċ-ċentru tal-attivitajiet ta' prevenzjoni u ta' trażżin min-naħa tal-entitajiet responsabbli fid-diversi Stati Membri;

B.     billi jeżistu osservatorji speċifiċi li jimmonitorjaw perjodikament kull każ ta' vjolenza sportiva u jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-partitarji permezz tal-mobilizzazzjoni tat-taqsimiet ta' aġenti tas-sigurtà pubblika u l-verifika tal-kundizzjonijiet tas-sigurtà u tar-rispett tar-regoli tal-impjanti sportivi;

C.     billi huwa fatt ormaj magħruf li tali vjolenza hija r-riżultat ta' grupp ta' persuni, spiss partitarji u persuni oħra li ma jkunux partitarji, li jiltaqgħu fi grupp u li, permezz tal-passjonijiet u l-interessi komuni tagħhom, jidher li huma kapaċi jagħmlu u jgħidu ħafna affarijiet li wisq probabbilment ma jkunux jistgħu jagħmlu waħedhom;

D.     billi l-psikanaliżi ddefiniet tali gruppi ta' nies bħala "sistemi magħqudin flimkien permezz ta' firxa ta' aspetti li, b'mod sinerġistiku, iwasslu għal forom ta' mġiba li fihom l-individwu jkun subordinat għall-grupp, li mbagħad juri tendenzi psikotiċi";

E.     billi l-Istati Membri jittrattaw tali fenomenu b'modi differenti, minħabba li l-każijiet ta' vjolenza jseħħu aktar jew anqas ta' spiss u b'akbar jew anqas qawwa skont in-natura tal-partitarji li jsegwu lit-tmijiet tagħhom madwar l-Ewropa kollha;

1.      Jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta għal regolament ġdid li jarmonizza l-liġijiet nazzjonali rigward il-vjolenza fl-istadiums, sabiex tiggarantixxi regoli ċari u uniformi fl-Istati Membri kollha.