RAKKOMANDAZZJONI GĦAL DEĊIŻJONI li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2014 li jisupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni
15.12.2014 - (C(2014)07674 – 2014/2923(DEA))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Gunnar Hökmark
B8‑0381/2014
Abbozz ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-regolament delegat tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta' riżoluzzjoni
(C(2014)07674 – 2014/0000(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2014)07674),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2014, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, tas-16 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 103(7) u (8) u 115(5),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra l-ftehim fi ħdan il-Kunsill dwar ir-regolament ta' implimentazzjoni li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex-ante għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (COM(2014)0710),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 130 tad-Direttiva (UE) Nru 59/2014 ("id-Direttiva BRRD") jirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw il-miżuri nazzjonali meħtieġa biex jikkonformaw ma' dik id-Direttiva mill-1 ta' Jannar 2015;
B. billi biex japplikaw id-Direttiva, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jiżdiedu mill-inqas annwalment min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u d-ditti ta' investiment relevanti ("l-istituzzjonijiet") awtorizzati fit-territorji tagħhom (Artikolu 103(1) tad-Direttiva BRRD);
C. billi dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet skont il-kriterji speċifikati f'att delegat tal-Kummissjoni;
D. billi l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva BRRD jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex tispeċifika l-kunċett ta' aġġustament ta' kontribuzzjonijiet b'mod proporzjonali mal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, filwaqt li jitqiesu ċerti kriterji mniżżla f'dak l-Artikolu;
E. billi fil-21 ta' Ottubru 2014, sabiex tossodisfa s-setgħa li ngħatat imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni adottat regolament delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni;
F. billi dan ir-Regolament delegat jista' jidħol fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' skrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament u lanqas mill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw; billi l-perjodu ta' skrutinju ġie stabbilit, skont l-Artikolu 115(5) tad-Direttiva BRRD, għal tliet xhur mid-data ta' notifika, jiġifieri sal-21.1.2015, u jista' jiġi estiż sa tliet xhur oħra;
G. billi l-implimentazzjoni mingħajr xkiel u f'waqtha tal-qafas tal-BRRD tal-1 ta' Jannar 2015 jirrikjedi li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali jibdew jikkalkolaw u jiġbru l-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sal-1 ta' Jannar 2015; billi dan il-kalkolu u l-ġbir għandhom isiru skont ir-regolament delegat imsemmi hawn fuq;
H. billi r-regolament delegat għandu, għalhekk, jidħol fis-seħħ fl-2014, qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' skrutinju msemmi fil-Premessa F;
I. billi l-ftehim fi ħdan il-Kunsill dwar ir-Regolament ta' implimentazzjoni jispeċifika kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet ex-ante dwar il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, li ntlaħaq wara involviment informali tal-Parlament, huwa konsistenti mar-regolament delegat imsemmi hawn fuq;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.