MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
12.1.2015 - (2014/2829(RSP))
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
Bas Eickhout f'isem il-Grupp Verts/ALE
B8‑0007/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu ġdid' (COM(2014)0910),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Pjan ta' Investiment għall-Ewropa' (COM(2014)0903),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Anness 4 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni għandha raġun tqis li l-eżitu tal-aħħar elezzjonijiet Ewropej huwa sejħa għal bidla miċ-ċittadini u li jinħtieġ 'bidu ġdid';
B. billi l-komunikazzjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni (CWP) 2015 hija strutturata bħala 'programm politiku' ġenwin, madwar ftit miri politiċi speċifiċi, u billi dan jgħin biex wieħed jifhem sew it-tfassil tal-politika Ewropea u jikkontribwixxi għal interpretazzjoni aktar politika tal-azzjoni tal-Kummissjoni;
C. billi l-programm jesponi wkoll b'mod ċar il-preġudizzju neoliberali qawwi ta' din il-Kummissjoni f'ħafna oqsma ewlenin ta' politika bħall-kummerċ, l-impjiegi u l-agrikoltura, anke jekk joffri xi passi inizjali siewja f'oqsma urġenti u sinifikanti (reġistru tal-lobbies, tassazzjoni, effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, eċċ.);
D. billi l-istruttura, l-intestatura u l-kliem tal-prijoritajiet jinjoraw l-effetti diżastrużi tal-politiki ta' awsterità, u jnaqqsu l-importanza b'mod ċar ta' kwistjonijiet soċjali u ambjentali bħala preokkupazzjonijiet żgħar, u dan kollu huwa subordinat għar-ritorn ipotetiku tat-tkabbir, bla ma jitqiesu xejn id-danni kkaġunati lis-soċjetà u liċ-ċittadini mill-inugwaljanza li qed tiżdied u mill-kriżi ambjentali;
E. billi din l-enfasi kważi esklussiva fuq politiki u ekonomiji antikwati titfi r-referenzi għall-ġustizzja soċjali u l-inugwaljanza, is-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, il-kultura u ħafna oqsma li huma kruċjali għat-tnedija mill-ġdid tal-attività daqs kemm huma kruċjali għall-bażi u ċ-ċentru tas-soċjetajiet Ewropej;
F. billi l-Kummissjoni hija l-gwardjan tat-Trattati tal-UE, li fihom huma minquxa l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà, kif ukoll id-dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej għal ambjent nadif u għal livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent;
G. billi, fid-dikjarzzjonijiet pubbliċi tiegħu, fosthom fis-smigħ parlamentari tiegħu, l-Ewwel Viċi President Timmermans ħoloq aktar inċertezza milli serħan il-moħħ fir-rigward tal-ispirtu tal-aġenda tal-Kummissjoni dwar it-'titjib fir-regolamentazzjoni', speċjalment fir-rigward ta' leġiżlazzjoni ambjentali u soċjali essenzjali;
H. billi l-preokkupazzjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet meta dawn ma jkunux meħtieġa jew ikunu antikwati hija kondiviża b'mod wiesa'; billi, madankollu, diversi rakkomandazzjonijiet juru b'mod ċar 'skop deregolatorju', li qed idgħajjef drittijiet u/jew standards Ewropej importanti;
I. billi t-tnaqqis tal-ispejjeż globali tar-regolamentazzjoni għall-impriżi ma jistax isir askapitu tas-saħħa, is-sikurezza u l-ħarsien tal-ambjent li dawn ir-regolamenti jagħtu liċ-ċittadini, lill-ħaddiema u lill-konsumaturi Ewropej;
Inizjattivi ġodda
1. Jikkondividi l-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-istat gravi tal-Unjoni llum il-ġurnata, u l-ħtieġa urġenti ta' investiment serju biex tintemm ix-xejra ta' staġnar attwali; jiddispjaċih, madankollu, li l-'bidu ġdid' tal-Kummissjoni jirrifletti l-aktar il-prijoritajiet tal-Ewropa ta' qabel il-kriżi, filwaqt li jagħżel li jżomm il-qafas ortodoss tal-politiki ekonomiċi li wasslu għall-kriżi u jonqos milli jagħraf għalkollox dak li vermanet teħtieġ l-Ewropa tas-seklu 21 u dak li fil-fatt qed jitolbu l-Ewropej;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed is-sostenibbiltà fiċ-ċentru ta' kull politika ekonomika soda, orjentata lejn il-futur u li ssolvi l-kriżi u tiżgura li din tingħata importanza f'dan il-programm ta' ħidma u fi programmi futuri permezz ta' taqsima dedikata li tiffoka fuq l-implimentazzjoni komprensiva u rapida tas-seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali u t-tħejjijiet għal Strateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli; iqis li l-pjan ta' investiment li jmiss irid jindirizza tali prijoritajiet; jinsisti li l-investiment pubbliku jrid jiffoka fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija, l-SMEs ekoinnovattivi, ir-riċerka u l-edukazzjoni; jopponi l-fatt li fondi għal programmi tal-UE diġà ppjanati, bħall-fondi għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ta' Orizzont 2020, jiġu riallokati għal proġetti insostenibbli jew ta' kwalità iktar baxxa;
3. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi segwitu leġiżlattiv għall-Pakkett dwar l-Enerġija u l-Klima 2030, u jitlob lill-Kummissjoni tressaq il-proposti leġiżlattivi meħtieġa kollha (ETS, Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti) bħala pakkett, mill-aktar fis possibbli fl-2015;
4. Jistenna bil-ħerqa li jikkontribwixxi għall-'istrateġija għal approċċ imġedded u integrat għas-suq uniku tal-oġġetti u s-servizzi', b'enfasi partikolari fuq is-setturi li fihom il-potenzjal ekonomiku huwa l-akbar; jitlob lill-Kummissjoni, madankollu, tibni din l-istrateġija fuq livelli għoljin ta' sikurezza, sigurtà u ħarsien tal-konsumatur, u tiżgura traspożizzjoni fi żmien debitu u implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti qabel ma tipproponi, qabel iż-żmien, leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta;
5. Jilqa' l-attenzjoni speċifika mogħtija lill-impjiegi ekoloġiċi, l-ekoinnovazzjoni, l-ekoindustriji, il-pakkett dwar il-mobilità tal-ħaddiema u l-pakkett dwar l-impjegabbiltà b'segwitu għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, iżda jitlob ukoll li jittieħdu azzjonijiet konkreti; huwa preokkupat li l-'prijorità' ddikjarata dwar il-ħolqien tal-impjiegi mhijiex fil-kompetenza ta' DĠ Impjiegi iżda qed tiġi żviluppata minn atturi tal-Kummissjoni mingħajr esperjenza rigward l-impjiegi u l-ħolqien tal-impjiegi, meta jitqies il-fatt li l-ħolqien tal-impjiegi huwa tassew is-sinsla tal-politiki dwar l-impjieg; konsegwentement, għandu dubji dwar l-impenn tal-Kummissjoni favur il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità li tassew ikunu 'ta' benefiċċju għaċ-ċittadini', u pjuttost jibża' li jkun hemm attiviżmu favur l-investiment mingħajr il-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi;
6. Jiddeplora n-nuqqas ta' proposti speċifiċi biex tiġi indirizzata l-urġenza soċjali kkawżata mill-politiki ta' awsterità, speċjalment fil-pajjiżi involuti fil-programm tat-Trojka;
7. Jilqa' l-proposta għal UEM aktar profonda u ekwa; jistenna, madankollu, proposti ferm aktar profondi u ekwi li jqisu bis-sħiħ l-insjem tar-rakkomandazzjonijiet korrispondenti adottati mill-Parlament, li jindirizzaw l-inugwaljanza li qed tiżdied, biex eventwalment il-miri ambjentali u soċjali Ewropej isiru vinkolanti daqs il-limitazzjonijiet baġitarji;
8. Jilqa' l-ewwel pass lejn ġustizzja fiskali mtejba kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa persistenti li jċaħħad lill-Ewropa mir-riżorsi baġitarji leġittimi u meħtieġa tagħha, permezz tal-obbligu fuq l-Istati Membri li jiskambjaw informazzjoni rigward deċiżjonijiet dwar it-taxxa; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jiġu emendati malajr id-direttivi dwar id-dritt soċjetarju sabiex it-trasparenza fiskali tiġi estiża u msaħħa għall-kumpaniji l-kbar; u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal dan il-għan;
9. Jilqa' l-proposta biex titfassal aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni u biex jiġi żviluppat approċċ ġdid dwar il-migrazzjoni legali, iżda jopponi bil-qawwa t-tendenza dubjuża u qarrieqa li l-migrazzjoni tiġi assoċjata ma' kwistjonijiet ta' sigurtà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex mhux sempliċement tiffoka fuq il-migrazzjoni tal-ħaddiema u l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol Ewropej iżda tiżviluppa wkoll approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għal persuni li jkunu qed ifittxu l-protezzjoni fl-UE mill-gwerer u l-persekuzzjoni billi toħloq mezzi effettivi ta' dħul legali għar-rifuġjati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-kondiviżjoni tal-piżijiet u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri;
10. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddemokratizza l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal OĠM; jenfasizza li dan ir-rieżami għandu bla dubju jkopri l-applikazzjonijiet kemm għall-użu fl-ikel/għalf kif ukoll għall-kultivazzjoni;
11. Jappoġġa bil-qawwa l-inizjattiva għal reġistru ta' trasparenza mandatorju, iżda jesprimi preokkupazzjonijiet kbar dwar il-fatt li dan ikun ibbażat fuq ftehim interistituzzjonali peress li tali reġistru mhuwiex vinkolanti għal-lobbyists u għaldaqstant mhuwiex mandatorju; itenni, għalhekk, it-talba tal-PE għal proposta leġiżlattiva; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ aktar l-azzjoni tagħha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u, b'mod aktar speċifiku, tiffoka fuq l-indirizzar tal-użu ħażin tal-fondi tal-UE u tal-frodi fiskali fl-Unjoni;
12. Ifaħħar l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza, li tinkludi l-pubblikazzjoni ta' kuntatti bejn il-Kummissarji, il-kabinetti, id-diretturi ġenerali u l-lobbyists; huwa preokkupat, madankollu, dwar in-numru kbir ta' eżenzjonijiet mill-pubblikazzjoni; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tibda tippubblika dawn il-laqgħat f'sit ċentralizzat pjuttost milli f'89 website individwali;
Proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-irtirar u r-REFIT
13. Jesprimi preokkupazzjonijiet serji, fir-rigward tar-REFIT inġenerali, li x-xogħol ta' semplifikazzjoni regolatorja sar pretest biex jitnaqqas il-livell ta' ambizzjoni rigward kwistjonijiet ta' importanza vitali għas-sikurezza u l-benesseri tal-impjegati u tal-konsumaturi, jew rigward il-ħarsien tal-ambjent;
14. Iqis li l-valutazzjonijiet tal-impatt m'għandhomx jiffukaw biss fuq il-kompetittività tal-kostijiet u tal-prezzijiet u telliefa potenzjali fis-suq, iżda anke fuq il-benefiċċji għall-pubbliku, l-innovazzjoni, ir-rebbieħa potenzjali fis-suq u d-drittijiet fundamentali;
15. Jieħu nota tal-irtirar tal-proposta leġiżlattiva li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku; jistieden lill-Kummissjoni taħtaf l-opportunità tal-prezzijiet taż-żejt li qed jonqsu biex tressaq proposta ġdida, billi tali leġiżlazzjoni toffri strument Komunitarju importanti għall-ikkompletar tal-kaxxa tal-għodda dwar it-tibdil fil-klima u strument fundamentali potenzjali għal Unjoni tal-enerġija ambizzjuża, u tipprovdi aktar riżorsi baġitarji lill-Istati Membri;
16. Joġġezzjona għall-intenzjoni tal-Kummissjoni li timmodifika l-proposta għal direttiva riveduta dwar il-limiti massimi nazzjonali tal-emissjonijiet bħala parti mis-segwitu leġiżlattiv għall-pakkett dwar il-klima u l-enerġija 2030 u l-inċertezza maħluqa minn dikjarazzjonijiet kontrastanti rigward il-proċedura li għandha tiġi segwita; ifakkar li r-rieżami tad-Direttiva NEC kellha ssir aktar minn 10 snin ilu u li kwalunkwe dewmien ieħor iservi biss biex idgħajjef il-livell ta' ħarsien taċ-ċittadini u tal-ambjent;
17. Jitlob li l-evalwazzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti u tar-Regolament dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief jiġu konklużi mill-aktar fis possibbli, sabiex il-Kummissjoni tressaq proposti biex jiġu emendati fl-2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra aħjar il-miri tal-UE dwar il-ħarsien tal-klima u l-konsum tal-enerġija fil-politika tagħha dwar it-trasport;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tirtirax l-emenda ta' sitt atti leġiżlattivi dwar l-iskart ('ekonomija ċirkolari'), iżda minflok tappoġġa ż-żieda fil-livell tal-ambizzjoni bħala parti mill-proċess leġiżlattiv kontinwu u, jekk ikun meħtieġ, tikkomplementah b'inizjattivi addizzjonali;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, id-dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej għal ambjent nadif u livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent jiġi protett, u li l-impenn tal-Kunsill Ewropew biex sal-2020 it-telf tal-bijodiversità jitwaqqaf u jitreġġa' lura jiġi onorat, b'mod partikolari fid-dawl tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Ħabitats;
20. Jistieden lill-Kummissjoni ma twettaqx valutazzjoni awtonoma tal-kostijiet kumulattivi tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE l-aktar rilevanti għall-industrija Ewropea tas-sustanzi kimiċi, iżda minflok tintegra dan l-aspett fil-kontroll tal-idoneità ġenerali tal-leġiżlazzjoni l-iktar rilevanti dwar is-sustanzi kimiċi li mhijiex koperta mir-REACH sabiex ikun żgurat approċċ bilanċat li jqis ukoll il-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi; jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tħejji r-rieżami tagħha tal-White Paper dwar it-Trasport Komuni, tevalwa l-ħidma tagħha fuq il-miri u l-40 inizjattiva tal-White Paper tal-2011;
21. Jistenna li l-Kummissjoni tirtira l-proposta ta' Diċembru 2013 dwar il-klonazzjoni u tressaq proposti ġodda li jirriflettu adegwatament il-pożizzjoni tal-Parlament, b'bażi legali li tippermetti li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja tiġi applikata;
22. Jikkritika bil-qawwa l-irtirar imħabbar mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva 92/85 dwar "ħaddiema nisa tqal u l-leave tal-maternità" u l-intenzjoni tagħha li ċċedi għat-talbiet tal-impriżi u għaldaqstant iddgħajjef leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-saħħa, is-sikurezza u x-xogħol li tiggarantixxi standards soċjali u tal-ugwaljanza għoljin;
23. Jitlob li l-proposta dwar is-sigrieti kummerċjali li attwalment qed tiġi nnegozjata fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali tagħha tiġi rtirata, billi l-impatt antikompetittiv potenzjali tagħha, speċjalment fuq l-SMEs, ma ġiex analizzat; iqis, barra minn hekk, li l-proposta attwali toħloq inċertezza tad-dritt fir-rigward tad-drittijiet ta' aċċess għall-informazzjoni u ta' mobilità tal-ħaddiema, u li l-lakuni u n-nuqqas ta' ċarezza tagħha jistgħu jintużaw ħażin biex l-informazzjoni kummerċjali tiġi protetta żżejjed kontra l-interess ġenerali;
24. Iqis li r-"rieżami komprensiv tal-istrateġija tal-UE dwar il-politika kummerċjali" m'għandux ikun limitat għall-"kontribut tiegħu għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment" iżda għandu jqis ukoll il-koerenza tal-UE fir-rigward tal-għanijiet ta' żvilupp, il-miri klimatiċi, il-prijoritajiet ambjentali u l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibdel l-prattiki tagħha favur żvelar demokratiku sħiħ tad-dokumentazzjoni li tappoġġa l-proċess ta' negozjar;
25. Jilqa' l-approċċ ibbażat fuq inċentivi għall-pajjiżi tal-PEV, abbażi tal-merti u d-divrenzjar, u jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tistabbilixxi l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju 'aktar għal aktar', li jimplika wkoll 'anqas għal anqas' fir-rigward ta' dawk il-pajjiżi li ma juru ebda rieda li jiddjalogaw b'mod kostruttiv mal-UE, kif ukoll tiddefinixxi b'mod ċar il-benchmarks, l-indikaturi u l-kriterji rilevanti;
Inizjattivi neqsin
26. Jieħu nota li dan huwa biss is-CWP għall-2015; madankollu, jesprimi preokkupazzjoni kbira dwar il-fatt li xi oqsma ewlenin u inizjattivi importanti, skont il-programm kif inhu llum, jitħallew barra; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tqis mill-ġdid u tinkludi l-proposti li ġejjin:
– 'dritt għal veto soċjali', jew kwalunkwe mekkaniżmu li jista' jwaqqaf leġiżlazzjoni tal-UE li tkun ta' ħsara għall-ifqar persuni, li żżid l-inugwaljanza jew li tnaqqas id-drittijiet soċjali, milli tidħol fis-seħħ;
– reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, sabiex titneħħa l-klawżola ta' esklużjoni fakultattiva rigward 'il-ġimgħa tax-xogħol medja ta' 48 siegħa';
– proposta għal direttiva dwar l-aċċess għall-informazzjoni pubblika fl-Istati Membri;
– proposta għal regolament dwar is-sigurtà tal-prodotti u s-servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni fis-suq tal-UE;
– aġġustament tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku sabiex il-kodiċijiet sors ta' kull prodott jew servizz tat-teknoloġija tal-informazzjoni jsiru disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti;
– reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Awditjar biex il-kumpaniji tal-awditjar ma jitħallewx jagħtu pariri dwar it-taxxa;
– reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kontabilità biex l-obbligi fiskali fuq il-kumpaniji pajjiż pajjiż jiġu estiżi għas-setturi kollha, u barra minn hekk biex il-kumpaniji jiġu obbligati jippubblikaw id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa mogħtija lilhom minn Stati Membri u pajjiżi terzi;
– proposta leġiżlattiva ġdida għal aċċess għal kwistjonijiet ambjentali u ta' ġustizzja, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fl-Unjoni;
– proposta leġiżlattiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali bħala għodda ewlenija biex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni sħiħa ta' leġiżlazzjoni dwar l-ambjent fl-Unjoni;
– il-komunikazzjoni bit-titolu 'Nibnu Sistema Alimentari Ewropea Sostenibbli', kif miftiehem mill-Kummissarji tad-DĠ AGRI, ENVI u SANCO f'April 2014;
– kriterji orizzonatli bbażati fuq ix-xjenza għall-interferenti endokrinali, biex b'hekk jiġu ssodisfati, mingħajr aktar dewmien, l-obbligi legali tal-Kummissjoni li jmisshom diġà ġew issodisfati;
– liġi qafas ġdida għall-benesseri tal-annimali, li tistabbilixxi standards minimi tal-UE għall-benesseri għall-kategoriji kollha ta' annimali;
– proposta leġiżlattiva għal tipi differenti ta' leave (tal-paternità, għall-adozzjoni, għall-kura u għall-persuni dipendenti) għall-fini ta' rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, tal-familja u privata, li fl-istess ħin jista' jiżblokka l-impass rigward il-proposta dwar il-leave tal-maternità fil-Kunsill;
– reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar paga indaqs għall-irġiel u għan-nisa, peress li hija ineffettiva u ma tistax tiġi infurzata u li, minkejja bosta kampanji, miri u miżuri fis-snin reċenti, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha wiesgħa wisq;
– reazzjoni Ewropea komprensiva għall-problema tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI, fis-sura ta' strateġija/pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru, kif mitlub ripetutament mill-Parlament u l-Istati Membri;
– ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) sabiex jittaffew ir-rekwiżiti tekniċi u jiġu unifikati s-sistemi ta' ġbir online għall-firem, biex jiġi armonizzat il-mekkaniżmu għall-verifika tal-appoġġ f'kull Stat Membru u biex ir-residenti nonnazzjonali tal-UE jkunu jistgħu jiffirmaw fil-pajjiż ospitanti;
Kelmtejn dwar il-metodu
27. Jistenna li, fir-rigward tal-finanzjament tal-pjan ta' investiment propost, japplikaw l-istess standards għoljin li japplikaw għall-fondi tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-kontroll tal-kwalità, l-orjentazzjoni tal-prestazzjoni, l-effikaċja u l-konformità mal-liġi; barra minn hekk, jitlob b'mod partikolari li jkun hemm konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolamenti CEF (1316/2013/KE) u TEN-T (1315/2013/KE meta jintgħażlu proġetti ta' kofinanzjament ta' infrastruttura tat-trasport;
28. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddikjara b'mod ċar l-intenzjoni tagħha li tirrispetta l-istatus ugwali taż-żewġ istituzzjonijiet koleġiżlattivi – speċjalment meta l-Parlament ikun qed jikkontribwixxi biex jittaffa l-piż amministrattiv, bħal fil-każ tal-proposta dwar materjal riproduttiv tal-pjanti (COM(2013)0262; 2013/0137/COD); u jwissi lill-Kummissjoni biex ma tużax il-miżuri ta' impass possibbli tal-Kunsill biex tevita l-pożizzjoni tal-Parlament;
29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex timmoniterja t-traspożizzjoni – u l-infurzar – tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri, speċjalment fil-kuntest ta' aġenda leġiżlattiva iqsar; jitlob l-inklużjoni aktar effettiva u sistematika tal-parlamenti nazzjonali;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.