Proċedura : 2014/2965(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0008/2015

Testi mressqa :

B8-0008/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 150kWORD 89k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0008/2015
12.1.2015
PE545.688v01-00
 
B8-0008/2015/rev.

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))


Knut Fleckenstein, Victor Boștinaru, Richard Howitt, Tonino Picula, Liisa Jaakonsaari, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Pașcu, Kati Piri, Goffredo Maria Bettini, Neena Gill, Alessia Maria Mosca, Miroslav Poche, Michela Giuffrida, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Sorin Moisă, Nicola Caputo, Andi Cristea, Miltiadis Kyrkos, Tanja Fajon, Javi López, Victor Negrescu, Jeppe Kofod, Viorica Dăncilă, Zigmantas Balčytis, Arne Lietz, Afzal Khan, Tibor Szanyi, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))  
B8‑0008/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżultat tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina tal-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra t-8 rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-15 ta' Diċembru 2014 u r-rapport tas-sitwazzjoni tal-Ukraina Nru.22 sa mis-26 ta' Diċembru 2014 mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Presidenti tal-Ukraina, tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-okkażjoni tal-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-31 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Sejbiet Preliminari u l-Konklużjonijiet dwar l-Elezzjonijiet Parlamentari Bikrija fl-Ukraina, maħruġa mill-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali Internazzjonali fis-27 ta' Ottubru 2014, kif ukoll ir-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali OSKE/ODIHR tad-19 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-aktar riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina,

–       wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Minsk tal-5 ta' Settembru 2014 u l-Memorandum ta' Minsk tad-19 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Ukraina tkompli taffaċċja sfidi politiċi, soċjoekonomiċi u ta' sigurtà serji; billi l-kunflitt fl-Ukraina tal-Lvant jirrappreżenta tfixkil serju għall-istabbilizzazzjoni, l-iżvilupp u l-prosperità tal-pajjiż;

B.     billi, minkejja d-dikjarazzjoni ta’ waqfien mill-ġlied fil-5 ta’ Settembru 2014 u impenn imġedded għal dak il-waqfien f’Diċembru, jitkompla l-ġlied fil-Lvant tal-Ukraina, għalkemm fuq skala iżgħar minn qabel; billi, skont l-istimi tan-NU, l-għadd ta’ mwiet tela' għal aktar minn 4750, u b'riżultat tal-kunflitt hemm aktar minn 610,000 persuna spustati internament (IDPs) fl-Ukraina u kważi 600 000 refuġjat f'pajjiżi ġirien, ħafna minnhom fir-Russja;

C.     billi, wara l-irtirar parzjali tal-forzi Russi illegali, l-osservaturi tal-OSKE kkonfermaw mill-ġdid f’Novembru, li qed jaqsmu l-fruntiera bejn ir-Russja u l-Ukraina ammonti sostanzjali ta’ armi tqal u truppi mingħajr insinja; billi t-tneħħija ta’ formazzjonijiet militari u tagħmir militari illegali, kif ukoll militanti u merċenarji mit-territorju tal-Ukraina, hija dispożizzjoni ewlenija tal-Protokoll ta’ Minsk;

D.     billi l-awtoritajiet Ukraini organizzaw elezzjonijiet parlamentari bikrin fis-26 ta' Ottubru 2014 f'konformità mal-impenji internazzjonali; billi, għall-kuntrarju, l-"elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari" li saru fir-"Repubbliki Popolari" ta' Donetsk u Luhansk fit-2 ta’ Novembru 2014, li jiksru l-Kostituzzjoni tal-Ukraina u l-ittra u l-ispirtu tal-Protokoll ta' Minsk, huma meqjusa illegali u illeġittimi; billi l-organizzazzjoni ta’ dawn l-elezzjonijiet kellha impatt detrimentali fuq il-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni;

E.     billi s-sitwazzjoni umanitarja tibqa' allarmanti fir-reġjun ta' Donbas; billi l-aċċess umanitarju jkompli jkun ristrett u l-IDPs qed jaffaċċjaw ħafna problemi; billi t-tbatija tal-popolazzjoni ċivili qed tintensifika matul ix-xitwa; billi aktar għajnuna internazzjonali hija meħtieġa biex tiġi evitata emerġenza umanitarja;

1.      Jiddeplora l-fatt li l-ksur tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali jippersistu fil-Lvant tal-Ukraina u fil-Krimea u li n-numru tal-IDPs żdied b’mod konsiderevoli minn mindu tħabbar il-waqfien mill-ġlied tal-5 ta’ Settembru; jikkundanna l-każijiet kollha ta’ għajbien sfurzat, it-tortura u t-trattament ħażin u jinsisti li r-rapporti dwar l-użu ta’ munizzjonijiet raggruppati f’żoni kemm urbani kif ukoll rurali, għandhom jiġu investigati bir-reqqa; jistieden lill-Gvern tal-Ukraina u lil dawk kollha involuti fil-gwerra fir-reġjuni tal-Lvant tal-Ukraina ta’ Donetsk u Luhansk biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Ukraina; jilqa’ l-promulgazzjoni tal-liġi tal-IDP tant mistennija, li tinkludi dispożizzjonijiet għall-appoġġ soċjali u l-protezzjoni ta’ persuni spostati f’pajjiżhom (IDP), kif ukoll id-deċiżjoni li jiġu skjerati esperti tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea biex tagħti pariri lill-awtoritajiet tal-Ukraina dwar kwistjonijiet tal-IDP;

2.      Jitlob għal aktar għajnuna u assistenza umanitarji għall-popolazzjonijiet affettwati mill-kunflitt; ifakkar li t-twassil ta' għajnuna umanitarja fl-Ukraina tal-Lvant irid isir f'konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u mal-prinċipji tal-umanità, tan-newtralità, tal-imparzjalità u tal-indipendenza u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Gvern tal-Ukraina, man-NU u mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA); jistieden lir-Russja biex tippermetti spezzjoni internazzjonali ta’ bastimenti umanitarji lejn Donbas sabiex jittajru d-dubji dwar il-merkanziji tagħhom;

3.      Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għas-sovranità, l-integrità territorjali, l-unità u l-indipendenza tal-Ukraina; jikkundanna l-influss kontinwu ta’ armi, tagħmir u truppi minn madwar il-fruntieri tar-Russja u jenfasizza li għandu jieqfu immedjatament u li, kif miftiehem fil-Protokoll ta' Minsk, kwalunkwe forza barranija illegali, merċenarju u tagħmir militari għandhom jitneħħew mil-Lvant tal-Ukraina;

4.      Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jimplimentaw b’mod sħiħ il-Protokoll ta’ Minsk mingħajr aktar dewmien u b'hekk juru l-impenn veru tagħhom lejn it-tnaqqis tat-tensjonijiet u trażżin massimu; jistieden lir-Russja biex tippermetti monitoraġġ internazzjonali tal-fruntieri bejn ir-Russja u l-Ukraina, biex tuża l-influwenza tagħha fuq is-separatisti biex jiġi żgurat li jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, u biex jaħdmu b’mod kostruttiv għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ Minsk; jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ miżuri għall-bini tal-fiduċja li tappoġġja sforzi għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza ta’ djalogu politiku inklużiv u ta’ programm ekonomiku għar-riabilitazzjoni tal-ekonomija ta’ Donbas;

5.      Jappoġġja l-isforzi diplomatiċi kontinwi fi ħdan il-format tan-Normandija, u jilqa’ l-pjanijiet għal laqgħa tal-mexxejja tal-Ġermanja, Franza, l-Ukraina u r-Russja f’Astana fil-15 ta' Jannar 2015, filwaqt li jittama li dawn iwasslu għal riżultati tanġibbli;

6.      Jistenna bil-ħerqa d-dibattitu tad-19 ta' Jannar tal-Kunsill Ewropew dwar il-futur tar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja; jistieden lir-RGħ/VP u l-Istati Membri biex ifasslu approċċ li jgħaqqad pożizzjoni b’saħħitha u bil-prinċipji fir-rigward tas-sovranità, l-integrità territorjali tal-Ukraina u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, ma' livell ta’ flessibilità li jippermetti t-tfittxija ta’ soluzzjoni nnegozjata għall-kriżi fl-Ukraina tal-Lvant, u jikkunsidra l-perikli potenzjali tal-iżolament ekonomiku u politiku ulterjuri tar-Russja; itenni li l-unità u l-koeżjoni fost l-Istati Membri tal-UE jikkostitwixxu prerekwiżit għas-suċċess ta’ kwalunkwe strateġija tal-UE fir-rigward tar-Russja; f’dan il-kuntest, jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jibqgħu lura minn azzjonijiet u retorika unilaterali, u biex jintensifikaw l-isforzi biex tiżviluppa pożizzjoni komuni Ewropea vis-à-vis ir-Russja;

7.      Jappoġġja l-ħidma imparzjali tal-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ tal-OSKE u jikkumplimenta l-attivitajiet ta’ rappurtar tagħha; iħeġġeġ lill-partijiet f’kunflitt sabiex ma joħolqux ostakli għall-ħidma tal-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ u jistieden lill-istati tal-OSKE biex jiżguraw li l-missjoni jkollha t-tagħmir u l-persunal kollu meħtieġ biex twettaq il-mandat tagħha, kif ukoll biex iżżid il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ tagħha u l-kapaċità għall-iffaċilitar tad-djalogu fuq il-post;

8.      Jilqa’ l-qbil dwar l-iskambju ta’ priġunieri li ntlaħaq f’Minsk fl-24 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll il-fehim preliminari biex tissejjaħ laqgħa oħra tal-grupp ta’ kuntatt biex tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni f’Donbas malajr kemm jista’ jkun; jesprimi sodisfazzjon li diġà seħħ skambju ta’ priġunieri u jistieden lill-partijiet konfliġġenti biex iħaffu l-iskambju tal-priġunieri li fadal fuq bażi ta' “all-for-all”;

9.      Jappoġġja l-politika li ma tiġix rikonoxxuta l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u, f’dan il-kuntest, jieħu nota pożittiva tas-sanzjonijiet addizzjonali li ġew adottati dan l-aħħar dwar l-investiment, is-servizzi u l-kummerċ mal-Krimea u Sevastopol;

10.    Jemmen li s-sanzjonijiet għandhom ikunu parti minn approċċ usa’ tal-UE lejn ir-Russja u tal-isforzi tar-RGħ/VP biex tniedi mill-ġdid id-djalogu ma’ Moska; ifakkar li l-għan ewlieni ta’ dawn is-sanzjonijiet hu li jimpenja lill-Gvern Russu biex ibiddel il-politika kurrenti tiegħu u jikkontribwixxi b’mod siewi għal soluzzjoni paċifika tal-kriżi tal-Ukraina; jenfasizza li ż-żamma, it-tisħiħ jew r-riversibilità tal-miżuri restrittivi tal-UE jiddependu fuq l-attitudni tar-Russja stess u dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina;

11.    Jilqa' l-andament organizzat, f'konformità mal-istandards internazzjonali, tal-elezzjonijiet parlamentari bikrin li saru fl-Ukraina fis-26 ta' Ottubru, minkejja ċ-ċirkustanzi politiċi u ta' sigurtà diffiċli, u l-formazzjoni ta’ koalizzjoni wiesgħa b’maġġoranza kostituzzjonali favur l-Ewropa fil-Verkhovna Rada; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-gvern u l-parlament il-ġdid tal-Ukraina biex jadottaw u jimplimentaw ir-riformi politiċi u soċjoekonomiċi tant meħtieġa mingħajr dewmien sabiex jinbena stat demokratiku u prosperu bbażat fuq l-istat tad-dritt;

12.    Jiddispjaċih li bħala riżultat tas-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż, mhux il-partijiet kollha tat-territorju u l-popolazzjoni tal-Ukraina huma rappreżentati fil-Verkhovna Rada; ifakkar li l-gvern u l-parlament tal-Ukraina għandhom bżonn jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-ħtiġijiet ta’ dawk iċ-ċittadini li m’għandom l-ebda rappreżentanza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istat, inkluż meta dawn ikunu d-drittijiet lingwistiċi, reliġjużi u soċjali tagħhom;

13.    Jikkundanna l-fatt li saru elezzjonijiet "presidenzjali u parlamentari" f’partijiet separatisti fir-reġjuni tal-Ukraina ta’ Donetsk u Luhansk fit-2 ta’ Novembru 2014, li kisru l-liġi tal-Ukraina u d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Minsk, kif ukoll l-approvazzjoni tagħhom mir-Russja; jinnota li din il-mossa wasslet lill-President tal-Ukraina biex iwaqqaf kull finanzjament mill-Istat għall-partijiet separatisti tar-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk u biex jitlob lill-parlament il-ġdid tal-pajjiż biex jirrevoka l-liġi dwar l-"istatus speċjali" tagħhom; huwa mħasseb ħafna dwar l-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet fuq il-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni;

14.    Jitlob li jerġa’ jibda djalogu nazzjonali ġenwin u inklużiv li jkun jista’ jwassal ukoll għal soluzzjoni għall-ħlas ta’ allowances soċjali u pensjonijiet u l-għoti ta’ assistenza umanitarja mill-Gvern Ukrain lill-popolazzjoni fiż-żona tal-kunflitt; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' programm ta' amnestija u diżarm; jiddispjaċih li ma tinsab l-ebda referenza espliċita għall-ħtieġa ta’ rikonċiljazzjoni fil-programm ta’ azzjoni reċentament adottat tal-gvern;

15.    Huwa tal-fehma li, sabiex jingħata ċans reali lir-rikonċiljazzjoni, huwa ta’ importanza kruċjali li jiġu investigati b’mod imparzjali u effettiv l-azzjonijiet ewlenin kollha ta’ vjolenza, inklużi dawk ta’ Maidan, Odesa, Mariupol u Rymarska; jaqbel bis-sħiħ mal-valutazzjoni tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-Ukraina li l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew b'konformità sħiħa man-normi u l-istandards internazzjonali u li dawk responsabbli għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja b’mod ġust u b’mod mhux selettiv;

16.    Jemmen li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom rwol importanti fl-iffaċilitar ta’ kuntatti bejn il-persuni u fil-fehim reċiproku fl-Ukraina, kif ukoll fil-promozzjoni ta’ tibdil demokratiku u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-UE biex iżżid l-appoġġ tagħha għas-soċjetà ċivili;

17.    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjoni internazzjonali taċ-ċirkustanzi tat-twaqqigħ traġiku tat-titjira tal-ajru Malasjana MH 17 u jtenni l-appell tiegħu biex dawk responsabbli jittellgħu l-qorti; jiddispjaċih dwar l-ostakli li jeżistu f’dan il-proċess u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex juru rieda ġenwina biex jikkooperaw; jesprimi x-xewqa tiegħu li jinżamm infurmat dwar il-progress ta’ din l-investigazzjoni;

18.    Jinnota l-adozzjoni ta’ liġi li tneħħi l-“istatus newtrali” tal-istat; filwaqt li jirrikonoxxi d-dritt tal-Ukraina li tagħmel l-għażliet proprji tagħha, jappoġġja l-pożizzjoni tal-President Poroshenko dwar il-fatt li l-Ukraina issa teħtieġ urġentement li tiffoka fuq riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali u li l-adeżjoni man-NATO hija kwistjoni li għandha tgħaddi mill-ġudizzju tal-poplu f’referendum fl-Ukraina kollha fi stadju aktar tard; jenfasizza li relazzjoni aktar mill-qrib tal-Ukraina mal-UE hija distinta mill-kwistjoni ta’ adeżjoni tan-NATO:

19.    Itenni l-konvinzjoni tiegħu li soluzzjoni politika dejjiema teħtieġ b’mod urġenti li jiżdiedu r-riformi politiċi u ekonomiċi fl-Ukraina; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura u li jiġu pprovduti riżultati tanġibbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll li jitmexxew 'il quddiem ir-riforma kostituzzjonali u d-deċentralizzazzjoni; Jilqa' l-fatt li l-ftehim ta’ koalizzjoni timpenja lill-firmatarji tagħha biex jadottaw sensiela ta’ miżuri importanti f’dawn l-oqsma; jinnota, madankollu, li ma hemmx skadenza preċiża għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom;

20.    Għandu l-istess opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja li, sabiex riforma kostituzzjonali tirnexxi, huwa essenzjali li r-riforma tkun ippreparata b’mod inklużiv, billi jiġu żgurati l-konsultazzjonijiet pubbliċi wesgħin; jemmen li d-dispożizzjonijiet ta’ deċentralizzazzjoni politika għandhom jinħadmu mal-partijiet interessati reġjonali u lokali;

21.    Jesprimi tħassib dwar l-adozzjoni f’Awwissu 2014 tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu li jista’ jkollha impatt fuq it-twettiq ta’ standards legali internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li għalkemm tali liġijiet kriminali, li ġeneralment jikkonċernaw investigazzjonijiet ta’ qabel il-proċess, detenzjonijiet preventivi u l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, ġew adottati sabiex jittrattaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina tal-Lvant, is-sitwazzjoni delikata tas-sigurtà tal-pajjiż ma tipprekludix it-twettiq mill-Ukraina tal-obbligi legali internazzjonali tagħha; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jimpenjaw ruħhom għall-adeżjoni u l-konformità mal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali u jisħaq li tali impenn huwa kruċjali għall-bini ta’ soċjetà verament libera u demokratika;

22.    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ukraina biex jikkunsidra mill-ġdid il-projbizzjoni ta’ ċittadinanza doppja u l-pieni severi għan-nuqqas ta’ konformità, meta jitqies in-numru għoli ta’ immigranti u refuġjati Ukraini fil-pajjiżi ġirien;

23.    Huwa mħasseb dwar il-qagħda tal-ekonomija Ukraina, b’rata ta’ inflazzjoni ta’ madwar 19.8 % u żvalutar tal-munita nazzjonali ta' 58.9 % fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Ottubru 2014, u l-impatt tagħha fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu r-riformi strutturali u ekonomiċi filwaqt li tingħata attenzjoni lill-aspetti soċjali, u jistieden lill-Gvern tal-Ukraina biex jinvolvi bis-sħiħ lis-sħab soċjali fil-proċess ta’ riforma;

24.    Jappoġġja r-rabta tal-assistenza finanzjarja mal-progress fl-aġenda ta’ riforma u, b’mod partikolari, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jappoġġa s-sejħa għal Konferenza tad-Donaturi hekk kif il-Gvern tal-Ukraina l-ġdid ikun ippreżenta Strateġija ta’ Riforma Nazzjonali u jibda jagħti l-frott; Jenfasizza, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni ta’ pakkett legali komprensiv kontra l-korruzzjoni adottat fl-14 ta’ Ottubru 2014 u jistenna bil-ħerqa aktar passi fir-riforma ġudizzjarja, inkluż Strateġija ta’ Riforma Ġudizzjarja li teħtieġ titħejja b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta’ Venezja;

25.    Jitlob għall-approvazzjoni ta’ verżjoni aġġornata tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina li tista' sservi bħala pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

26.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex javvanzaw bl-implimentazzjoni tal-punti ta' riferiment kollha fit-tieni fażi tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi u biex tiżdied il-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-UE bil-għan li jinkiseb l-ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona ta’ Schengen malajr kemm jista’ jkun; jinsisti, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa għall-Ukraina li tadotta leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li tkun għalkollox allinjata mal-istandards Ewropej, inkluż fir-rigward tal-projbizzjoni espliċita ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali;

27.    Jinnota b’sodisfazzjon l-iffirmar riċenti ta’ Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni (SOMA) bejn l-UE u l-Ukraina, li ppermetta t-tnedija ta’ Missjoni ta’ Konsulenza tal-UE għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) fl-1 ta’ Diċembru 2014, li se tgħin lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jirriformaw is-setturi tal-pulizija u tal-istat tad-dritt tal-pajjiż;

28.    Ifaħħar lill-Kummissjoni dwar l-isforzi ta’ faċilitazzjoni tagħha li wasslu għall-iffirmar fit-30 ta’ Ottubru 2014 ta’ ftehim dwar kwistjonijiet pendenti dwar id-dejn tal-enerġija bejn l-Ukraina u r-Russja u ta’ ftehim dwar soluzzjoni temporanja li tippermetti li l-provvisti tal-gass ikomplu matul ix-xitwa; jiddispjaċih, madankollu, li r-Russja qed tkompli tuża l-enerġija bħala strument ta’ politika barranija; jinnota f’dan ir-rigward il-provvisti tal-faħam irregolari mir-Russja lejn l-Ukraina, sa mill-24 ta’ Novembru 2014; jenfasizza għal darb’oħra l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jitkellmu b’vuċi waħda dwar kwistjonijiet ta’ enerġija; jenfasizza l-importanza għall-Ukraina li timxi 'l quddiem b’riformi fis-settur tal-enerġija u l-modernizzazzjoni tas-sistema tagħha għat-trasportazzjoni tal-gass;

29.    Jilqa’ l-applikazzjoni proviżorja ta’ partijiet importanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina sa mill-1 ta’ Novembru 2014 u l-estensjoni tal-preferenzi kummerċjali awtonomi tal-UE għall-Ukraina sa tmiem l-2015; iħeġġeġ ir-ratifika tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mill-Istati Membri kollha tal-UE, malajr kemm jista’ jkun; ifakkar li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jikkostitwixxix l-għan finali fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina;

30.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà, lill-Istati Membri tal-UE, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza