Proċedura : 2014/3018(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0011/2015

Testi mressqa :

B8-0011/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.5
CRE 15/01/2015 - 11.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 145kWORD 83k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0011/2015
12.1.2015
PE545.691v01-00
 
B8-0011/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/3018(RSP))


Victor Boștinaru, Knut Fleckenstein, Ana Gomes, Richard Howitt, Pier Antonio Panzeri, Hugues Bayet, Alessia Maria Mosca, Miroslav Poche, Michela Giuffrida, Vincent Peillon, Miriam Dalli, Neena Gill, Goffredo Maria Bettini, Gilles Pargneaux, Liisa Jaakonsaari, Marlene Mizzi, Simona Bonafè, Nicola Caputo, Elena Valenciano, Tonino Picula, Sorin Moisă, Andi Cristea, Javi López, Tanja Fajon, Victor Negrescu, Zigmantas Balčytis, Afzal Khan, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/3018(RSP))  
B8‑0011/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dik tal-15 ta’ Settembru 2011(1), tat-22 ta’ Novembru 2012(2) u tat-18 ta' Settembru 2014(3),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya),

–       wara li kkunsidra l-ħatra ta' Bernardino León bħala r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja fl-14 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Pakkett tal-PEV dwar il-Libja ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjoni tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat: lejn ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha(6),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li l-partijiet involuti f'kunflitt armat għandhom biex jirrispettaw u jiżguraw ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sikurezza u l-Persunal Assoċjat, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Libja tal-Istati Uniti, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, Spanja u r-Renju Unit tas-7 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-15 ta’ Awwissu, tat-30 ta’ Awwissu 2014, tal-20 ta’ Ottubru 2014, tas-17 u tat-18 ta’ Novembru 2014, u tal-15 ta’ Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Awwissu 2014, tas-16 ta' Diċembru u tat-30 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1970, 1973 (2011) u 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru 2014 , aġġornat fis-27 ta' Diċembru 2014, tal-Missjoni ta' Appoġġ fil-Libja tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSMIL) intitolat "Ħarsa ġenerali lejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja" ("Overview of violations of international human rights and humanitarian law during the ongoing violence in Libya"),

–       wara li kkunsidra s-Summit ta' Saħel li sar fil-Mawritanja fid-19 ta’ Diċembru 2014, li kien jinkludi mexxejja mill-Mawritanja, mill-Mali, min-Niġer, miċ-Ċad u mill-Burkina Faso,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Libjani niżlu fit-toroq fi Frar 2011 biex jitolbu d-drittijiet politiċi tagħhom, u ħabbtu wiċċhom ma' repressjoni mill-istat mingħajr diskriminazzjoni li tat bidu għal disa' xhur ta' kunflitt ċivili u għat-tneħħija tar-reġim ta' Gaddafi;

B.     billi l-Libja organizzat it-tielet elezzjonijiet ġenerali demokratiċi u liberi tagħha f'Ġunju 2014 biex teleġġi Kamra tad-Deputati li tieħu post il-Kungress Nazzjonali Ġenerali elett f'Lulju 2012;

C.     billi l-Libja qed taffaċċja eskalazzjoni tal-vjolenza bejn gruppi armati lokali, inklużi attakki fuq ċivili u proprjetà ċivili li jinkludu ksur u abbużi enormi tad-drittijiet tal-bniedem, li f'xi każijiet jammontaw għal delitti tal-gwerra;

D.     billi l-laqgħa tal-membri tas-Summit ta' Saħel tad-19 ta’ Diċembru 2014 ressqet talba uffiċjali quddiem il-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana biex iwaqqaf "forza militari internazzjonali biex tintervjeni fil-Libja";

E.     billi fil-5 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill tal-Lega Għarbija fil-livell ta’ Delegati Permanenti laqqa’ sessjoni straordinarja biex jeżamina l-iżviluppi fis-sitwazzjoni fil-Libja u r-riperkussjonijiet serji tagħhom;

F.     billi, nhar it-3 ta' Jannar 2015, fi stqarrija uffiċjali tal-gvern intqal li l-milizzja tal-Istat Iżlamiku qatlet 14-il suldat tal-armata Libjana u li l-gvern apella lill-komunità internazzjonali biex tneħħi l-embargo tal-armi fuq il-pajjiż biex ikun jista' jiġġieled kontra din il-milizzja, li hu ddeskriva bħala terroristi;

G.     billi fis-6 ta’ Novembru 2014, Ċirkwit Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema ddikjarat antikostituzzjonali l-paragrafu 11 tal-Artikolu 30 tad-Dikjarazzjoni Kostituzzjonali, kif emendat mis-7 emenda li tapprova r-rakkomandazzjonijiet tal-"Kumitat ta' Frar", li kienet tinkludi li jsiru elezzjonijiet għall-Kamra tad-Deputati;

H.     billi l-Kamra tad-Deputati ċaħdet iċ-Ċirkwit Kostituzzjonali tad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tas-6 ta' Novembru 2014 li tipprova tneħħi l-leġittimità tal-Kamra tad-Deputati eletta, billi kkunsidrat li d-deċiżjoni teċċedi l-mandat tal-Qorti, li saret taħt pressjoni minn milizzji Iżlamisti fi Tripli u li l-Kamra tad-Deputati, kif ukoll il-Gvern, ikomplu jiffunzjonaw;

I.      billi l-komunità internazzjonali qiegħda tintensifika l-impenn tagħha għas-sostenn ta’ soluzzjoni paċifika għall-kriżi attwali u b’kunsiderazzjoni tal-impatt tagħha fuq is-sigurtà reġjonali u s-sigurtà ambjentali;

1.      Jistieden lill-partijiet Libjani kollha jiftiehmu dwar waqfien mill-ġlied immedjat, u jniedu djalogu politiku nazzjonali inklużiv;

2.      Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi ta’ medjazzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UNSG, Bernardino León, bil-għan li jgħinu lill-poplu Libjan isib soluzzjoni negozjata biex isolvi l-kriżi u tiġi żgurata l-unità, il-governanza, l-istabbiltà u l-bini ta’ istituzzjonijiet biex tinkiseb il-paċi;

3.      Jiddispjaċih li ċ-ċiklu l-ġdid ta’ taħdidiet ta’ paċi nnegozjat min-NU maħsub biex tintemm l-kriżi politika li qegħda teskala fil-Libja, inizjalment skedat għall-5 ta’ Jannar 2015, ġie pospost għal darb’oħra;

4.      Ifakkar li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għal dan il-kunflitt;

5.      Jiddeplora l-attakki rinnovati fuq l-installazzjonijiet taż-żejt tal-Libja nhar is-Sibt, 27 ta’ Diċembru 2014, fejn ingħataw in-nar it-tankijiet tal-ħażna fit-terminal taż-żejt ta’ Sidra; jikkundanna l-attakki mill-ajru fuq miri fil-belt ta’ Misrata nhar il-Ħadd, 28 ta’ Diċembru 2014, fost ħafna attakki oħra; jiddeplora l-attakki terroristiċi tat-30 ta’ Diċembru 2014 li sfat fil-mira tagħhom lukanda f’Tobruk fejn il-Kamra tar-Rappreżentanti kellha sessjoni; jiddeplora l-ibbumbardjar ta’ tanker taż-żejt fil-port ta’ Derna u l-mewt ta’ żewġ membri tal-ekwipaġġ, kif ukoll l-impatt ta’ sigurtà ambjentali tagħha; jitlob lin-naħat kollha biex jaħdmu lejn tnaqqis tat-tensjonijiet u biex iwaqqfu dan iċ-ċiklu ta’ vjolenza, li se jwassal lill-pajjiż f’kaos u gwerra f’kull sens;

6.      Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif ta' persuni reċenti mill-milizzja Iżlamista ta’ 13-il ħaddiem Nisrani Kopti mill-belt ta’ Sirte fl-Eġittu u l-qtil ta’ tlieta oħra l-ġimgħa ta’ qabel, fost ħafna attakki kontra nies minn pajjiżi barranin li ġew feruti u maqtula; jesprimi tħassib serju dwar it-theddida li qed tiżdied ikkawżata mill-estremiżmu u t-terroriżmu fil-Libja, u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta’ vjolenza bbażata fuq ideoloġija, sess, affiljazzjoni politika, nazzjonalità jew reliġjon;

7.      Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Kamra tar-Rappreżentanti eletta f’Tobruk bħala l-uniku parlament leġittimu b'segwitu għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2014; itenni l-appell tiegħu lill-Kamra tad-Deputati u lill-gvern uffiċjali biex jaħdmu b'mod inklużiv u trasparenti, iwettqu l-kompiti tagħhom abbażi tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u biex jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv fi djalogu politiku nazzjonali inklużiv fl-interess tal-pajjiż kollu;

8.      Jilqa’ il-pubblikazzjoni mill-Assemblea għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni, fl-24 ta’ Diċembru 2014, tax-xogħol inizzjali tal-kumitati tematiċi tagħha; iħeġġeġ lill-Assemblea għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni biex tipproċedi bil-ħidma tagħha b’mod trasparenti u inklużiv; jenfasizza l-importanza tax-xogħol tal-Assemblea għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni u jistieden lil-Libjani kollha biex ikomplu jirrispettaw l-indipendenza tagħha biex tkun tista’ tikkompleta l-mandat tagħha;

9.      Jistieden lill-pajjiżi ġirien u atturi reġjonali, speċjalment l-Eġittu, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, it-Turkija u l-UAE, biex iżommu lura minn azzjonijiet li jistgħu jżidu diviżjonijiet attwali u jimminaw transizzjoni demokratika tal-Libja, u sabiex jappoġġjaw bis-sħiħ il-proċess Ghadames immexxi min-NU; ifakkar li dawk li attivament qed joħolqu ostakli għal soluzzjoni politika kunsenswali qed jiksru r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Libja u jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom;

10.    Jenfasizza l-ħtieġa ta’ azzjoni koordinata u komuni mit-28 Stat Membru kollha kemm huma taħt is-superviżjoni tar-Rappreżentant Għoli biex l-Istati Membri jkunu skoraġġuti milli jaġixxu permezz tad-diplomazija tagħhom stess, li ma tkunx tikkostitwixxi soluzzjoni għall-problema;

11.    Ifakkar l-impenn qawwi tal-UE għall-unità u l-integrità territorjali tal-Libja u l-ħtieġa li tiġi evitata l-firxa tat-terroriżmu; ifakkar fir-Riżoluzzjoni KSNU 2174, adottata nhar is-27 ta' Awwissu 2014, li twessa' s-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti fuq il-Libja biex jinkludu r-responsabbiltà kriminali ta' min jappoġġa jew ikun involut f'atti li "jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha"; jistieden lill-UE tikkunsidra aktar azzjonijiet, inklużi miżuri restrittivi;

12.    Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Libjan u jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet militari reċenti u l-vjolenza, u l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw mill-ġlieda li għaddeja u minn operazzjonijiet militari; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sofferenza tal-popolazzjoni ċivili Libjana u tal-migranti kollha, tal-persuni li ma jgħixux f’pajjiżhom u tar-rifuġjati maqbuda fil-Libja; jinnota li l-ġlied fix-xhur reċenti fil-Punent u l-Lvant tal-Libja, kif ukoll fin-Nofsinhar, wassal għal mijiet ta' mwiet ta' ċivili, ċaqliq tal-massa u kundizzjonijiet umanitarji akuti għal dawk maqbuda f’żoni ta’ kunflitt;

13.    Jinnota bi tħassib l-impatt fuq is-sigurtà reġjonali u Ewropea, inkluża fuq is-sigurtà ambjentali li jirriżulta minn nuqqas ta’ sigurtà ġenerali u l-governanza li qegħda tiddeterjora fil-Libja; ifakkar li l-ġlied wassal għal eskalazzjoni drammatika, kaos totali, għadd kbir ta’ fatalitajiet u l-qerda ta’ infrastrutturi strateġiċi; jibqa’ mħasseb dwar il-proliferazzjoni ta’ armi, munizzjon u splussivi u l-kuntrabandu tal-armi, li joħloq riskju għall-popolazzjoni, għall-istabilità tal-Libja u dik tar-reġjun; jinnota bi tħassib kbir it-tisħiħ ta’ hub terroristiku fin-Nofsinhar tal-Libja u josserva li dan se jservi ta’ bażi għal kenn u taħriġ għad-Daesh;

14.    Ifakkar li l-partijiet kollha fil-Libja jridu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni taċ-ċivili f'kull ħin, u li d-detenuti kollha għandhom jiġu ttrattati b'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u mad-dritt umanitarju internazzjonali; ifakkar li l-attakki intenzjonalment diretti kontra l-persunal involut fl-għajnuna umanitarja jew f'missjoni ta' żamma tal-paċi b'konformità mal-Karta tan-NU, intiżi għall-protezzjoni taċ-ċivili jew ta' beni ċivili skont id-dritt internazzjonali dwar il-kunflitt armat, jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

15.    Ifaħħar l-ospitalità Tuneżina lil madwar 1.5 miljun ċittadin Libjan li bħalissa qegħdin fit-Tuneżija li qed jaħarbu mill-vjolenza; jitlob lill-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju u loġistiku lill-Gvern Tuneżin għal dan il-għan; jappella għall-għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika ulterjuri mill-UE u l-komunità internazzjonali biex jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja u l-qagħda ta’ min jiġi spostat internament u tar-rifuġjati, kif ukoll dik taċ-ċivili li qed jaffaċċjaw taqlib fl-aċċess għas-servizzi bażiċi;

16.    Itenni t-talba tiegħu lir-Rappreżentant Għoli biex jirrevedi l-mandat tal-Missjoni tal-Fruntiera tal-Unjoni Ewropea (EUBAM) fil-Libja, li attwalment tinsab wieqfa u stazzjonata fit-Tuneżija, sabiex titqies is-sitwazzjoni fil-pajjiż li nbidlet b’mod drammatiku, u bil-għan li titfassal missjoni tal-PSDK kkoordinata tajjeb biex topera f’koordinazzjoni man-NU u mal-imsieħba reġjonali fil-każ li tinstab soluzzjoni politika; huwa tal-fehma li din il-missjoni tal-PSDK għandha jkollha l-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni politika, għandha tagħti prijorità lir-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid (DDR) u għandha wkoll twieġeb għal bżonnijiet urġenti oħra ta’ governanza; barra minn hekk, jesprimi l-fehma li f’sitwazzjoni ta’ gwerra twila fil-Libja u l-approfondiment tal-instabilità u theddid serju għas-sigurtà Ewropea, il-missjoni tal-PSDK għandha tkun disposta li tipparteċipa f'azzjoni b'mandat u kkoordinazzjoni tal-UNSC sabiex tistabbilizza l-Libja;

17.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan u lill-Kungress Nazzjonali Ġenerali Libjan, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.

 

(1)

ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 114.

(2)

Testi adottati, P 7_TA(2012) 0465.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0028.

(4)

ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 94.

(5)

ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 77.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2013)0446.

Avviż legali - Politika tal-privatezza