Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0012/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0012/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

12.1.2015 - (2014/3017(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Victor Boștinaru, Richard Howitt, Afzal Khan, Josef Weidenholzer, Elena Valenciano, Ana Gomes, Neena Gill, Jeppe Kofod, Arne Lietz, Alessia Maria Mosca, Goffredo Maria Bettini, Brando Benifei, Michela Giuffrida, Miroslav Poche, Tonino Picula, Alessandra Moretti, Liisa Jaakonsaari, Nicola Caputo, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Ricardo Serrão Santos, Andrejs Mamikins, Pier Antonio Panzeri, Tanja Fajon, Javi López, Victor Negrescu, Zigmantas Balčytis, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0012/2015

Proċedura : 2014/3017(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0012/2015
Testi mressqa :
B8-0012/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0012/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

(2014/3017(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, partikolarment dik tal-14 ta' Lulju 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu[1],

–       wara li kkunsidra l-Linji ta' Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tad-29 ta' Mejju 2014 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju 2014 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, dwar is-sentenzi ta' ħabs għal diversi ġurnalisti u l-konferma tal-piena tal-mewt fil-każ ta' diversi membri tal-Frattellanza Musulmana u persuni li jappoġġawhom,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata permezz ta' referendum fl-14-15 ta' Jannar 2014, speċjalment l-Artikoli 65, 70, 73, 75 u 155 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa parti,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralista; billi l-libertà tal-istampa u tal-midja huma elementi vitali għad-demokrazija u soċjetà miftuħa; billi fil-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

B.     billi wara l-kolp ta' stat militari ta' Lulju 2013, il-ksur tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem – fosthom arresti, vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni u ċensura, kontra avversarji politiċi, dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku, ġurnalisti, bloggers, sindakalisti, attivisti tas-soċjetà ċivili u minoritajiet, min-naħa ta' awtoritajiet tal-istat, forzi tas-sigurtà u servizzi u gruppi oħra – saru ta' proporzjonijiet allarmanti fl-Eġittu;

C.     billi, fin-nuqqas ta' parlament, għaddew għadd ta' liġijiet respressivi mill-gvern tal-President Abdel Fattah al-Sisi bħad-digriet presidenzjali, il-Liġi 136 tal-2014, li ddikjarat il-proprjetà pubblika kollha bħala stallazzjonijiet militari, bil-konsegwenza l-aktar immedjata tkun li kull reat li jsir fuq proprjetà pubblika jista' jinstema' fi qrati militari u b'effett retroattiv;

D.     billi minn Lulju 2013 s'issa nqatlu madwar 1 400 persuna li pprotestat minħabba użu eċċessiv u arbitrarju tal-forza mill-forzi tas-sigurtà; billi fl-14 ta' Awwissu 2013 nqatlu madwar 1 000 persuna li pprotestat matul it-tixrid vjolenti ta' dawk favur Morsi li okkupaw il-pjazez ta' Raba’a al-Adawiya u al-Nahda; billi l-ebda uffiċjal tas-sigurtà ma nżamm responsabbli għal dawn l-atti jew abbużi oħra kontra persuni li pprotestaw matul din l-aħħar sena;

E.     billi aktar minn 800 ċivili ġew riferuti għal prosekuturi militari abbażi tal-Liġi 136; billi l-applikazzjoni retroattiva tal-liġi tmur kontra l-Artikolu 95 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, li tistipula li l-pieni jistgħu jiġu applikati biss għal atti mwettqa wara d-data effettiva tal-liġi li timponihom; billi l-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, filwaqt li interpretat il-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li tagħha l-Eġittu huwa stat parti, qalet li l-qrati militari m'għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jkollhom ġurisdizzjoni fuq iċ-ċivili; billi l-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana jistipula li l-ftehimiet u l-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li għalihom l-Eġittu hija stat parti, jorbtu legalment; billi għaldaqstant, id-digriet ta' Ottubru 2014 tal-President al-Sisi, il-Liġi 136, mhuwiex kostituzzjonali;

F.     billi l-ogħla qorti tal-liġi tal-Eġittu, il-Qorti tal-Kassazzjoni, iddeċidiet li kien hemm nuqqasijiet proċedurali fil-proċess tal-ġurnalisti tal-Al-Jazeera Mohammed Fahmy, Peter Greste u Baher Mohamed; billi madankollu, it-tliet ġurnalisti se jerġa' jkollhom proċess ieħor u l-akkużi ta' ''falsifikazzjoni tal-aħbarijiet'' u ta' ''involviment mal-Fratellanza Musulmana'' għadhom ma waqgħux;

G.     billi fit-2 ta' Diċembru 2014, qorti kriminali Eġizzjana tat pieni tal-mewt provviżorji kontra 188 akkużat fit-tielet każ ta' sentenzjar tal-massa fl-2014; billi dawn il-proċessi tal-massa prinċipalment kellhom fil-mira lill-Frattellanza Musulmana, l-akbar moviment tal-oppożizzjoni tal-Eġittu, li ġie ddikjarat grupp terroristiku mill-awtoritajiet f'Diċembru 2013; billi qed ikompli l-ksur tal-aktar drittijiet bażiċi tal-bniedem, b'arresti arbitrarji ta' għexieren ta' eluf ta' membri suspettati u persuni li jappoġġaw il-Frattellanza Musulmana; billi l-proċeduri tal-qorti jirreżistu l-aktar standards bażiċi ta' proċess xieraq, u l-individwi jinżammu arrestati mingħajr akkużi, inkluż fil-każ ta' Abdel Meguid Mashaly, il-konsulent tal-President li tneħħa mill-kariga, Mohammad Morsi;

H.     billi attwalment qed jinżammu 167 membru tal-kmamar inferjuri u superjuri tal-parlament elett fl-2011;

I.      billi dawn il-prattiki ġudizzjarji reċenti jpoġġu f'dubju serju l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-abilità tagħha li tiżgura r-responsabilità; billi, b'mod partikolari, dawn is-sentenzi li jwasslu għall-piena tal-mewt jissugraw li jimminaw il-prospetti għal stabilità fit-tul fl-Eġittu;

J.      billi r-restrizzjonijiet ħorox fuq l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet politiċi li joperaw fl-Eġittu għandhom l-effett li jagħlqu kompletament lis-soċjetà ċivili;

K.     billi l-gvern tal-President al-Sisi kiser għal bosta drabi l-pjan direzzjonali tiegħu stess għad-dħul mill-ġdid tad-demokrazija, b'mod partikolari billi naqas milli jwettaq il-wegħda tiegħu li jkun hemm elezzjonijiet parlamentari liberi u ġusti fi żmien sitt xhur wara l-approvazzjoni tal-kostituzzjoni fir-referendum tal-15 ta' Jannar 2014;

L.     billi 20 Eġizzjan nazzjonali, ilkoll Kristjani Kopti, inħatfu fil-Libja f'żewġ inċidenti separati; billi l-mexxej tat-tribù Libjan qal li nħelsu tlettax minnhom, iżda l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Eġizzjan ċaħad dawn ir-rapporti; billi dawn l-inċidenti jenfasizzaw l-ambjent ġeopolitiku instabbli tal-Eġittu u l-profondità tat-theddida tat-terroriżmu, li ġejja fost l-oħrajn mid-diżintegrazzjoni tal-Libja;

M.    billi l-ksur sponsorjat mill-istat tal-ksur tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem fl-Eġittu, partikolarment fil-peniżola Sinai, jiggrava t-theddida tat-terroriżmu billi jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' organizzazzjonijiet estremisti li jiddikjaraw l-alleanza tagħhom lill-''Istat Iżlamiku'' terrorista;

N.     billi fis-7 ta' Diċembru 2013 ġie arrestat grupp kbir ta' rġiel talli ''pprattikaw id-debuxxjar'' f'hammam fil-Kajr; billi l-iżgurar ta' umiljazzjoni pubblika apposta għal dawn l-irġiel fuq il-midja jikkostitwixxi eżempju tar-restrizzjoni li qed tintensifika min-naħa tal-gvern fuq il-komunità LGBT fl-Eġittu;

O.     billi, f'konformità mal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta tagħha u speċjalment l-approċċ "aktar għal aktar", il-livell u l-ambitu tal-impenn tal-UE mal-Eġittu għandhom ikunu bbażati fuq inċentivi u għalhekk jiddependu fuq il-progress tal-pajjiż fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

1.      Jesprimi x-xokk profond tiegħu għall-fatt illi tul il-perjodu mindu sar il-kolp ta' stat militari ta' Lulju 2013 osserva attakk ma jaqtax min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani fuq id-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fuq il-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt, li lkoll kienu fost l-aspirazzjonijiet ewlenin tal-poplu Eġizzjan meta neħħew bil-forza u b'suċċess lill-President Hosni Mubarak fi Frar 2011;

2.      Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lill-persuni kollha li qed jinżammu biss minħabba li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' libertà tal-espressjoni u ta' assemblea paċifika, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Yara Salam u Sanaa Ahmed Seif; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jannullaw il-projbizzjoni tal-Moviment taż-Żgħażagħ tas-6 ta' April u s-sentenzi kontra l-attivisti tal-organizzazzjoni, u jiritiraw it-titolu li ngħata lill-organizzazzjoni prinċipali tal-oppożizzjoni tal-Frattellanza Musulmana bħala grupp terroristiku; itenni li huwa biss permezz tal-bini ta' soċjetà verament pluralista, li tkun tirrispetta d-diversità tal-fehmiet u tal-modi ta' ħajja, li jistgħu jkunu żgurati l-istabilità u s-sigurtà fit-tul fl-Eġittu;

3.      Jistieden lill-awtoritajiet tal-Eġittu jirtiraw il-pieni tal-mewt li ngħataw mingħajr kunsiderazzjoni għal proċess adegwat li jirrispetta d-drittijiet tal-akkużati u jirrevokaw il-liġijiet ripressivi u mhux kostituzzjonali li jirrestrinġu bil-kbir id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-digriet presidenzjali, il-Liġi 136 tal-2014; jistedinhom jannullaw il-verdetti kollha kontra ċ-ċivili li ngħataw mill-qrati militari minn Lulju 2013 'l hawn; jappella għall-ħelsien tal-167 membru tal-parlament elett fl-2011u li attwalment jinsabu taħt arrest;

4.      Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Kassazzjoni li għandu jerġa' jsir il-proċess tal-ġurnalisti tal-Al-Jazeera Mohammed Fahmy, Peter Greste and Baher Mohamed; jinnota madankollu li din is-sentenza hija bbażata biss fuq raġunijiet proċedurali u li t-tliet ġurnalisti għandhom jinħelsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet u li l-akkużi ta' ''falsifikazzjoni tal-aħbarijiet'' u ta' ''involviment mal-Fratellanza Musulmana'' għandhom jaqgħu;

5.      Jinsab ixxukjat għat-telf ta' indipendenza u ta' imparzjalità tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fl-Eġittu, li għall-gvern saret għodda ta' ripressjoni; jenfasizza l-importanza tal-qsim tas-setgħat bħala prinċipju fundamentali tad-demokrazija, u jissuġġerixxi li tiġi riformata l-liġi tal-awtorità ġudizzjarja biex ikun żgurat qsim ġenwin tas-setgħat li jwassal għal amministrazzjoni indipendenti u imparzjali tal-ġustizzja;

6.      Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani jirrevokaw jew jemendaw il-Liġi dwar il-Protesti u biex jeżaminaw mill-ġdid l-abbozz ta' liġi l-ġdid dwar l-NGOs imressaq mill-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali, f'konformità mal-Artikoli 65, 73 u 75 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, l-istandards internazzjonali u l-obbligi internazzjonali tal-pajjiż, u biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti u futura kollha fil-pajjiż tkun konformi mal-kostituzzjoni u ma' dawk l-istandards u l-obbligi;

7.      Jikkundanna bil-qawwa, u jappella li jieqfu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni jew ċensura kontra avversarji politiċi, dawk li jipprotestaw, ġurnalisti, bloggers, sindakalisti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, atturi tas-soċjetà ċivili u minoranzi min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; ifakkar lill-Gvern Eġizzjan fir-responsabbiltà li għandu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni politika jew it-twemmin politiku tagħhom, u li jiggarantixxi li l-libertajiet tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tal-istampa jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limitazzjonijiet arbitrarji u ċensura fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu impenn favur id-djalogu u n-nuqqas ta' vjolenza, kif ukoll favur il-governanza inklużiva;

8.      Jenfasizza l-ħtieġa għal investigazzjonijiet immedjati imparzjali u indipendenti dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u li jkun żgurat li tintrefa' r-responsabbiltà fil-każ ta' dawk li wettqu dan il-ksur; jistieden lill-Kunsill iqis sanzjonijiet immirati kontra individwi magħrufa li kienu involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem;

9.      Jesprimi dubji serji għal dak li jirrigwarda l-korrettezza, l-inklużività u l-kredibilità tal-elezzjonijiet parlamentari mħabbra għal Marzu 2015 l-aktar tard, fid-dawl tar-restrizzjonijiet kontinwi fuq id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-bniedem u l-qafas elettorali rivedut li ma jiggarantix proċess elettorali pluralista u rappreżentattiv biżżejjed; jitlob, f'każ li l-UE tirċievi stedina sabiex tosserva l-elezzjonijiet, li l-VP/RGħ tirraporta lill-Parlament għal valutazzjoni komuni ta' kemm huwa rakkomandabbli u fattibbli li jkun hemm missjoni ta' osservazzjonui tal-UE fil-kuntest attwali ta' nuqqas ta' garanziji bażiċi għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

10.    Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jmexxu l-politiki tal-UE għall-Eġittu fl-ispirtu tal-prinċipju ''aktar għal aktar'' u ''inqas għal inqas'', filwaqt li jassitu ulterjorment lill-Gvern Eġizzjan, inkluż b'mod finanzjarju, bil-kundizzjoni li dan jilħaq punti ta' riferiment speċifiċi għal titjib fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

11.    Jitlob projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' teknoloġiji ta' intrużjoni u sorveljanza li jistgħu jintużaw għal skopijiet ta' spjunaġġ u għar-ripressjoni taċ-ċittadini, u għal projbizzjoni, f'konformità mal-Arranġament Wassenaar, fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' sigurtà jew għajnuna militari li jistgħu jintużaw għat-trażżin ta' protesti paċifiċi;

12.    Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu lill-poplu Eġizzjan fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; jirrikonoxxi r-rwol minn ta' quddiem li għandu l-Eġittu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-konsegwenzi tal-falliment tal-istat fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq, partikolarment il-Libja; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet taċ-ċittadini Eġizzjani maħtufa kollha li bħalissa qed jinżammu fil-Libja; iwissi madankollu li l-ksur sponsorjat mill-istat tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fil-peniżola Sinai, jiggrava t-theddida tat-terroriżmu billi jressaq lil dawk li saritilhom il-ħsara u lil min mhux kuntent lejn l-organizzazzjonijiet terroristiċi, li wħud minnhom iddikjaraw l-alleanza tagħhom għall-''Istat Iżlamiku'' terrorista;

13.    Jilqa' l-involviment attiv tal-Eġittu fl-isforzi ta' medjazzjoni ta' paċi bejn l-Iżrael u l-fazzjonijiet Palestinjani; jindika madankollu li din il-medjazzjoni tista' tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha biss jekk l-Eġittu nnifsu jsir pajjiż li jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-bniedem u ma jiddiskriminax kontra kull forza politika paċifika fil-pajjiż; jinsab imħasseb ukoll li ż-żona ta' protezzjoni tal-Eġittu qiegħda tespandi f'Gaza sabiex tiġġieled il-kuntrabandu tal-armi, u li dan jista' jkollu effetti kontroproduċenti, billi jinvolvi l-qerda fuq skala kbira ta' djar u t-tkeċċijiet tal-familji minn Rafah;

14.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jikkriminalizzaw persuni LGBT talli jesprimu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u d-dritt għal assemblea paċifika, abbażi ''tal-liġi tad-debuxxjar'', u biex jeħilsu l-persuni LGBT kollha li ġew arrestati u li ntbagħtu l-ħabs skont dik il-liġi; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jadotta strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u persuni LGBT u biex jelimina kull forma ta' diskriminazzjoni, u jiżgura l-konsultazzjoni u l-involviment effettiv tan-nisa u ta' gruppi għad-drittijiet LGBT u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili matul il-proċess;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-gvern interim tiegħu.