Proċedura : 2014/3018(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0014/2015

Testi mressqa :

B8-0014/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.5
CRE 15/01/2015 - 11.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 139kWORD 74k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0011/2015
12.1.2015
PE545.694v01-00
 
B8-0014/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/3018(RSP))


Fernando Maura Barandiarán, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Ramon Tremosa i Balcells, Dita Charanzová, Javier Nart, Marietje Schaake, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Beatriz Becerra Basterrechea, Petr Ježek, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Gérard Deprez, Alexander Graf Lambsdorff, Pavel Telička, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Marielle de Sarnez, Louis Michel f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/3018(RSP))  
B8‑0014/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) 1970 (2011), 1973 (2011) u 2174 (2014),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li għandhom il-partijiet involuti f'kunflitt armat li jirrispettaw u jiżguraw li jiġi rispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkustanza,

–       wara li kkunsidra r-ratifika min-naħa tal-Libja fil-25 ta' April 1981 tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li tirregola l-Aspetti Speċifiċi tal-Problemi tar-Rifuġjati fl-Afrika,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza tal-Persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Persunal Assoċjat, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) bl-isem "Overview of violations of international human rights and humanitarian law during the ongoing violence in Libya" (Stampa ġenerali tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali waqt il-vjolenza li għaddejja fil-Libja), li ġie ppubblikat fl-4 ta' Settembru 2014 u aġġornat fit-23 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni/Rappreżentanti Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini u Catherine Ashton, tas-26 ta' Awwissu 2014, tas-16 ta' Diċembru u tat-30 ta' Diċembru 2014 kif ukoll tal-10 ta' Jannar 2015 dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja(1),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fi Frar 2011 il-Libjani niżlu fit-toroq biex jitolbu d-drittijiet politiċi tagħhom, u kellhom iħabbtu wiċċhom ma' repressjoni indiskriminata min-naħa tal-Istat li tat bidu għal disa' xhur ta' kunflitt ċivili u wasslet għat-tneħħija tar-reġim ta' Gaddafi;

B.     billi f'Ġunju 2014 fil-Libja saru elezzjonijiet parlamentari demokratiċi u ħielsa;

C.     billi, wara l-elezzjonijiet ta' Ġunju 2014, il-ġlied bejn gruppi armati lokali żdied, u dan wassal għall-mewt ta' mijiet ta' ċivili, spostamenti tal-massa u kundizzjonijiet umanitarji gravi;

D.     billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qed tkompli sejra lura hekk kif madwar il-pajjiż qed tinxtered il-vjolenza bejn il-fazzjonijiet, filwaqt li persuni ċivili qed jisfaw kontinwament vittmi ta' bumbardamenti indiskriminati, ħtif, tortura u qtil, kif ukoll tal-qerda intenzjonata ta' proprjetà;

E.     billi fl-14 ta' Ottubru 2014 il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra'ad Al Hussein iddikjara li minn nofs Mejju 2014, meta intensifika l-ġlied bejn fazzjonijiet rivali f'Bengażi u fil-madwar, u wara fi Tripli, żdiedu l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi, il-bloggers u l-professjonisti tal-midja;

F.     billi, minn mindu żdied il-ġlied f'nofs Ottubru 2014, 450 persuna ġew irrappurtati maqtula f'Bengażi u aktar minn 15 000 familja, jiġifieri madwar 90 000 persuna, ġew spostati mill-belt;

G.     billi l-UNSMIL tikkalkula li tal-inqas 400 000 Libjan ġew spostati internament mill-aħħar mewġa ta' ġlied filwaqt li 150 000 oħra, fosthom ħafna ħaddiema migranti, telqu mill-pajjiż; billi ħaddiema umanitarji u diplomatiċi barranin, fosthom il-persunal tal-UE u tal-UNSMIL, ġew evakwati mil-Libja; billi l-influss massiċċ ta' rifuġjati Libjani fit-Tuneżija qed jitfa' pressjoni sinifikanti fuq il-kapaċitajiet u l-istabbiltà ta' dan il-pajjiż ġar tagħha; billi huwa stmat li hemm aktar minn miljun Libjan li diġà qed jgħixu fit-Tuneżija;

H.     billi mijiet ta' migranti u rifuġjati, huma u jaħarbu l-vjolenza fil-Libja, ġew irrappurtati li mietu waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran;

I.      billi ġie rappurtat li ġew stabbiliti ċentri loġistiċi fil-periferija tan-Nofsinhar tal-Libja minn elementi tal-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku; billi, skont stqarrija uffiċjali tal-gvern, fit-3 ta' Diċembru 2014 il-milizzji tal-Istat Iżlamiku qatlu 14-il suldat tal-armata Libjana;

J.      billi fis-6 ta' Novembru 2014 il-Qorti Suprema Libjana ddikjarat invalidi l-elezzjonijiet parlamentari tal-25 ta' Ġunju 2014 għar-raġuni li l-kumitat stabbilit biex jorganizzahom kien kiser il-kostituzzjoni provviżorja tal-pajjiż;

K.     billi l-Kamra tar-Rappreżentanti f'Tobruk u l-gvern ta' al-Thinni qiesu d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Libjana bħala illeġittima peress li kienet ingħatat taħt pressjoni minn militanti Iżlamisti fi Tripli, u billi l-Kamra tar-Rappreżentanti u l-gvern ta' al-Thinni se jibqgħu joperaw;

L.     billi l-Mibgħut Speċjali tan-NU Bernadino León fittex attivament li jagħmilha ta' medjatur fit-taħdidiet bejn il-fazzjonijiet rivali u fit-tnedija ta' djalogu nazzjonali lejn proċess ta' rikonċiljazzjoni u l-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali; billi t-tieni rawnd ta' negozjati sponsorjati min-NU, ippjanat għall-5 ta' Jannar 2015, ġie pospost iżda, skont ma tħabbar, se jsiru taħdidiet ġodda f'Ġinevra f'nofs Jannar; billi l-VP/RGħ saħqet fuq l-importanza ta' dawn it-taħdidiet, li jistgħu jirrappreżentaw l-aħħar ċans biex jiġi stabbilit waqfien mill-ġlied u tinstab soluzzjoni politika;

1.      Jitlob lill-partijiet involuti fil-kunflitt biex iwaqqfu minnufih kull ġlied armat u jinvolvu ruħhom fi djalogu politiku inklużiv;

2.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, li qed thedded li twassal lill-pajjiż għall-kaos u għal gwerra fil-veru sens tal-kelma u li tkompli tiddestabbilizza r-reġjun kollu kemm hu; itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni politika għall-kriżi bħala l-uniku mezz biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-Libja;

3.      Jinsab inkwetat ferm u jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-popolazzjoni ċivili u mal-istituzzjonijiet Libjani li qed ibatu l-konsegwenzi;

4.      Jinsab imħasseb serjament dwar il-preżenza dejjem akbar ta' gruppi terroristiċi konnessi mal-Al-Qaeda, milizzji tal-Istat Iżlamiku u individwi li joperaw fil-Libja, u jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li kull theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi jiġi miġġieled bil-mezzi kollha, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem, ir-rifuġjati u l-aspetti umanitarji;

5.      Jappella biex ikun hemm impenn internazzjonali aktar attiv sabiex sponsers statali u mhux statali jitwaqqfu milli jsaħħu l-gruppi vjolenti, terroristiċi u ġiħadisti mad-dinja kollha;

6.      Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi ta' medjazzjoni tan-NU mmexxija minn Bernardino León, Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, li huma maħsuba biex jippromwovu soluzzjoni negozjata, u jappella biex il-partijiet kollha jikkooperaw bis-sħiħ mal-inizjattiva mmexxija min-NU; jistieden lill-UE tappoġġja l-isforzi tiegħu billi hija wkoll timponi minnufih sanzjonijiet immirati, fosthom l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar, fil-konfront tal-mexxejja responsabbli għall-vjolenza bl-armi u għall-bojkott fuq in-negozjati sponsorjati min-NU;

7.      Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Kamra tar-Rappreżentanti bħala l-korp leġittimu li ħareġ mill-elezzjonijiet ta' Ġunju 2014; itenni l-appell tiegħu lill-Kamra tar-Rappreżentanti eletta u lill-gvern uffiċjali biex iwettqu l-kompiti tagħhom abbażi tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, fi spirtu ta' inklużività, fl-interess tal-pajjiż u bil-għan li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini Libjani kollha, inklużi l-minoranzi reliġjużi;

8.      Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkoordinata l-azzjoni tat-28 Stat Membru taħt is-superviżjoni tar-Rappreżentant Għoli;

9.      Iħeġġeġ lis-SEAE biex, f'kooperazzjoni mal-persunal tan-NU fir-reġjun, jikkoordina l-interventi umanitarji tul il-fruntiera bejn il-Libja u t-Tuneżija;

10.    Jikkundanna bil-qawwa l-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlied li għaddej bejn gruppi armati u bl-inċitament tagħhom għall-vjolenza; jinnota li l-ġlied f'dawn l-aħħar xhur wassal għall-mewt ta' mijiet ta' ċivili, spostamenti tal-massa u kundizzjonijiet umanitarji gravi;

11.    Ifakkar li l-attakki diretti intenzjonalment kontra l-persunal involut f'assistenza umanitarja jew missjonijiet għaż-żamma tal-paċi f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jikkwalifikaw bħala delitti tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

12.    Ifakkar fir-Riżoluzzjoni KSNU 2174 (2014), adottata fis-27 ta' Awwissu 2014, li twessa' s-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti fuq il-Libja biex jinkludu r-responsabbiltà kriminali ta' min jappoġġja jew ikun involut f'atti li "jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha";

13.    Jistieden lill-Istati kollha, b'mod partikolari lil dawk ġirien tal-Libja, biex isaħħu l-kontroll tal-fruntieri tagħhom, inkluż fil-portijiet marittimi u l-ajruporti, u biex jibqgħu jagħmlu spezzjonijiet fil-fond ta' kull merkanzija lejn u mil-Libja;

14.    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-kummerċ taż-żejt illeċitu li ġej miż-żoni kkontrollati mill-milizzji u mill-Gvern mhux rikonoxxut tal-Libja, u li jiġġenera dħul sostanzjali biex titkompla d-destabbilizzazzjoni tal-pajjiż, jintemm immedjatament;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Kungress Nazzjonali Ġenerali Libjani, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0028.

Avviż legali - Politika tal-privatezza