Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0015/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0015/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-każ taż-żewġ 'marò' Taljani

12.1.2015 - (2015/2512(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Marco Valli, Tiziana Beghin f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0006/2015

Proċedura : 2015/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0015/2015
Testi mressqa :
B8-0015/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0015/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ taż-żewġ 'marò' Taljani

(2015/2512(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-protokolli addizzjonali tagħha,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar,

–       wara li kkunsidra l-kummenti tal-President Barroso tad-29 ta' Jannar 2014 wara l-laqgħa tiegħu mal-Prim Ministru Taljan Enrico Letta u ż-żjara tal-Gvern Taljan lill-Kummissjoni,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet kollha kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-każ tal-'marò' Taljani Massimiliano Latorre u Salvatore Girone,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tan-NU Stéphane Dujarric tas-6 ta' Jannar 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fil-15 ta' Frar 2012 seħħ inċident barra l-kosta tal-Kerala fin-Nofsinhar tal-Indja fejn żewġ sajjieda lokali ġew maqtula u żewġ fizzjali militari Taljani, Massimiliano Latorre u Salvatore Girone, ġew arrestati mill-pulizija tal-Kerala;

B.     billi ż-żewġ suldati Taljani kienu fuq it-tanker taż-żejt Enrica Lexie, fis-servizz u jwettqu dmirijiethom bħala parti minn missjoni kontra l-piraterija skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1970 (2011) u 1973 (2011);

C.     billi dan qajjem inċident internazzjonali li huwa kkaratterizzat minn inċertezza assoluta dwar il-futur taż-żewġ Taljani, peress li kważi tliet snin wara għadhom ma tressqu l-ebda akkużi formali b'rabta mal-isparar;

D.     billi fit-12 ta' Settembru 2014 l-Indja ppermettiet lis-Sur Latorre, li kien intlaqat minn iskemija waqt id-detenzjoni, jirritorna l-Italja għal perjodu ta' erba' xhur bil-għan li jingħatawlu l-kuri mediċi; billi fis-6 ta' Jannar 2015 is-Sur Latorre għamel operazzjoni tal-qalb sabiex tiġi kkurata l-kundizzjoni tiegħu, iżda billi huwa għad għandu bżonn tal-kura medika; billi s-Sur Girone attwalment għadu jinsab fl-Indja;

E.     billi fis-16 ta' Diċembru 2014 il-Qorti Suprema fi New Delhi ċaħdet iż-żewġ talbiet tal-morini għall-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja tagħhom; billi s-Sur Latorre talab li ż-żjara tiegħu fl-Italja għal trattament tas-saħħa tiġi estiża u s-Sur Girone talab jitħalla jqatta' l-perjodu tal-Milied mal-familja tiegħu;

F.     billi d-dewmien inkredibbli fil-proċess u n-nuqqas ta' kwalunkwe akkuża kontra ż-żewġ fizzjali militari Taljani jammontaw għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għal proċess ġust;

G.     billi din il-kwistjoni għandha wkoll effett fuq il-ġlieda globali kontra l-piraterija, li għaliha l-UE hija impenjata bil-qawwa;

H.     billi fil-15 ta' Ottubru 2014, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) ta' dak iż-żmien, Catherine Ashton, ikkundannat l-aġir tal-awtoritajiet Indjani, filwaqt li ħeġġet lill-Gvern Indjan biex isib soluzzjoni rapida u sodisfaċenti f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u d-dritt internazzjonali;

I.      billi fis-16 ta' Diċembru 2014, il-VP/RGħ, Federica Mogherini, enfasizzat li l-każ jista' jkollu impatt fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja;

J.      billi fl-10 ta' Mejju 2012 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-piraterija marittima li tiddikjara li "fl-ibħra internazzjonali, skont id-dritt internazzjonali, fil-każijiet kollha, inklużi azzjonijiet meħuda fil-ġlieda kontra l-piraterija, tapplika l-ġuriżdizzjoni nazzjonali tal-istat tal-bandiera fuq il-vapuri kkonċernati, kif ukoll il-persunal militari mħaddma abbord" u jinnota li "l-ebda awtorità għajr dawk tal-Istat tal-bandiera ma tista' tordna arrest jew detenzjoni ta' bastiment, lanqas bħala miżura ta' investigazzjoni";

K.     billi l-Gvern Taljan ikkritika bis-saħħa l-imġiba tal-awtoritajiet Indjani u n-nuqqas ta' kooperazzjoni tagħhom, u billi fis-17 ta' Diċembru 2014, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, Paolo Gentiloni, ħabbar it-tfakkira urġenti tal-ambaxxatur Taljan għall-Indja għal konsultazzjonijiet;

L.     billi ċ-ċittadinanza tal-UE tingħata direttament lil kull ċittadin tal-UE mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u billi l-UE għandha interess dirett li tappoġġja ċ-ċittadini tagħha f'tilwim internazzjonali, bħal dik li tinvolvi ż-żewġ Taljani u ċ-ċittadini tal-UE Massimiliano Latorre u Salvatore Girone;

M.    billi l-UE għandha rwol ewlieni b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-livell internazzjonali;

1.      Jikkundanna l-imġiba tal-awtoritajiet Indjani fil-ġestjoni tal-każ tal-marò Taljan, u jemmen li n-nuqqas ta' kwalunkwe akkuża kontra ż-żewġ suldati u dewmien inkredibbli fil-proċess jammontaw għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt għal proċess ġust skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Indja hija firmatarja tagħhom;

2.      Jesprimi tħassib enormi dwar l-inċertezza ġuridika li tikkaratterizza l-każ tal-marò Taljani; jemmen li wara tliet snin mhuwiex aċċettabbli li s-suldati għadhom qed jistennew li jsiru jafu x'se jsir minnhom;

3.      Jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tiċħad it-talbiet tas-Sur Latorre u s-Sur Girone għall-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet għal-libertà proviżorja tagħhom; jirrimarka s-sitwazzjoni tas-saħħa tas-Sur Latorre u l-ħtieġa tiegħu li jirċievi għajnuna medika fil-pajjiż li fih huwa kien operat;

4.      Jappoġġja l-isforzi tal-Gvern Taljan biex tinstab soluzzjoni għall-każ, iżda jemmen li l-UE wkoll għandha d-dmir li tintervjeni biex tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tagħha;

5.      Jieħu nota tat-tħassib tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar it-tilwim li għaddej mal-Indja u l-implikazzjonijiet ta' dan għal sforzi komuni għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jistieden lin-NU tagħmel dak kollu li tista' biex tiffaċilita soluzzjoni għas-sitwazzjoni;

6.      Jistieden lill-awtoritajiet Indjani iħallu liż-żewġ marò jirritornaw lejn l-Italja b'mod permanenti mill-aktar fis possibbli, billi japplikaw ir-regola tal-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-istat tal-bandiera f'konformità mad-dritt internazzjonali, kif kien mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012;

7.      Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni tal-inċident diplomatiku, u l-ewwel u qabel kollox sabiex jitħarsu ż-żewġ marò Taljani;

8.      Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu l-każ taż-żewġ marò fin-negozjati ta' ftehimiet kummerċjali mal-Indja u jevalwaw il-possibilità li jissospendu n-negozjati li għaddejjin għal ftehim ta' kummerċ ħieles u li jiġu adottati aktar miżuri, inkluża l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet kummerċjali;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Parlament tal-Italja, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indja.