Proċedura : 2015/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0016/2015

Testi mressqa :

B8-0016/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.8
CRE 15/01/2015 - 11.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 148kWORD 64k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0006/2015
12.1.2015
PE547.439v01-00
 
B8-0016/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-każ taż-żewġ ‘marò’ Taljani (2015/2512(RSP))


Goffredo Maria Bettini, Simona Bonafè, Victor Boștinaru, Mercedes Bresso, Nicola Caputo, Caterina Chinnici, Silvia Costa, Nicola Danti, Paolo De Castro, Isabella De Monte, Knut Fleckenstein, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Michela Giuffrida, Roberto Gualtieri, Richard Howitt, Agnes Jongerius, Kashetu Kyenge, Jörg Leichtfried, Sorin Moisă, Luigi Morgano, Alessia Maria Mosca, Alessandra Moretti, Pier Antonio Panzeri, Massimo Paolucci, Pina Picierno, Gianni Pittella, Marc Tarabella, Patrizia Toia, Elena Valenciano, Flavio Zanonato, Marju Lauristin, Afzal Khan f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ taż-żewġ ‘marò’ Taljani (2015/2512(RSP))  
B8‑0016/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), b'mod partikolari l-Artikolu 97 tagħha,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi-President tal-Kummissjoni dwar il-każ taż-żewġ morini (marò) Taljani Massimiliano La Torre u Salvatore Girone,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2015 mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-Moon, li fiha jistieden liż-żewġ pajjiżi – l-Italja u l-Indja – biex jipprovaw jilħqu soluzzjoni raġonevoli u aċċettabbli reċiprokament,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.     billi matul il-lejl tal-15 ta' Frar 2012 il-bastiment kummerċjali Taljan Enrica Lexie, fir-rotta minn Singapor għal Ġibuti, iltaqa’ mal-lanċa tas-sajd St Anthony 'l barra mill-kosta tal-Kerala, fl-Indja;

B.     billi sitt fusiljeri navali (marò) Taljani kienu abbord l-Enrica Lexie biex jipproteġu l-bastiment minn attakki potenzjali minn pirati; billi, fil-biża' ta' attakk mill-pirati, ġew sparati tiri ta' twissija lejn il-lanċa li kienet qiegħda toqrob u żewġ sajjieda Indjani, Ajesh Pinky u Selestian Valentine, sfaw traġikament maqtula;

Ċ.     billi, fid-19 ta’ Frar 2012 membri tal-forza tal-Pulizija Indjana mbarkaw fuq il-bastiment, ikkonfiskaw l-armi tal-fusiljeri u arrestaw iż-żewġ morini, li kienu ġew identifikati bħala dawk responsabbli għall-ftuħ tan-nar fuq il-lanċa tas-sajd;

D.     billi dawn l-avvenimenti kkaġunaw tensjonijiet diplomatiċi, minħabba l-inċertezza ġuridika li tikkaratterizza l-każ taż-żewġ morini Taljani; billi, minkejja li għaddew tliet snin, il-kapi ta’ akkuża għadhom ma tressqux mill-awtoritajiet Indjani;

E.     billi wieħed mis-suldati, Massimiliano Latorre, ħalla l-Indja sabiex jgħaddi erba’ xhur id-dar wara li sofra iskemija ċerebrali;

F.     billi, skont id-dritt internazzjonali, f'każijiet ta' kolliżjoni jew inċidenti navali oħra fl-ibħra miftuħa, proċedimenti kriminali jew dixxiplinari kontra l-kaptan jew kull persuna oħra fis-servizz tal-bastiment jistgħu jinfetħu biss mill-istat tal-bandiera jew mill-istat tan-nazzjonalità tal-persuna, inkluż fil-kuntest tal-ġlieda globali kontra l-piraterija;

G.     billi fil-15 ta’ Ottubru 2014 ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton, ikkritikat l-aġir tal-awtoritajiet Indjani, u inkoraġġiet lill-gvern biex isib soluzzjoni sodisfaċenti u bla dewmien f'konformità mal-UNCLOS u mad-dritt internazzjonali;

H.     billi fis-16 ta’ Diċembru 2014 ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ġdida, Federica Mogherini, esprimiet id-diżappunt tagħha għan-nuqqas ta’ klemenza murija fir-rispons għat-talba ta’ Massimiliano Latorre għal estensjoni tas-soġġorn tiegħu fl-Italja għal trattament mediku;

I.      billi ż-żewġ marò huma ċittadini Ewropej, u billi fil-15 ta’ Frar 2012 huma kienu abbord il-bastiment kummerċjali Taljan, fir-rotta fuq l-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Istat tal-Kerala u kienu qed iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala parti mill-attivitajiet internazzjonali kontra l-piraterija;

1.      Jesprimi niket kbir għat-telfa traġika taż-żewġ sajjieda Indjani u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu;

2.      Jenfasizza li l-konsegwenzi tal-ġrajja tal-15 ta’ Frar 2012 madankollu għandhom jiġu trattati strettament fl-istat tad-dritt, b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet legali ta’ dawk allegatament involuti;

3.      Jesprimi tħassib qawwi dwar id-detenzjoni tal-morini Taljani mingħajr kapi ta' akkuża; jenfasizza li l-morini għandhom jiġu rilaxxati; jenfasizza li dewmien konsiderevoli u restrizzjonijiet tal-libertà tal-moviment tal-morini huma inaċċettabbli u jirrapreżentaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

4.      Jiddispjaċih bil-mod li bih il-kwistjoni ġiet immexxija u jsostni l-isforzi tal-partijiet involuti kollha sabiex jaħdmu urġentement favur soluzzjoni raġonevoli u aċċettabbli għal kulħadd;

5.      Ifakkar li taħt id-dritt marittimu internazzjonali, proċedimenti penali jew dixxiplinari kontra konvenut għandhom jinfetħu quddiem l-awtoritajiet tal-istat tal-bandiera, li f’dan il-każ huwa wkoll l-istat tan-nazzjonalità tal-konvenuti; bl-istess mod ifakkar li l-ebda awtoritajiet nazzjonali ma huma intitolati jeżerċitaw ġurisdizzjoni jew iwettqu miżuri investigattivi;

6.      Jinkoraġġixxi lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex tieħu kull azzjoni neċessarja sabiex tipproteġi ż-żewġ morini Taljani bil-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni rapida u sodisfaċenti tal-każ;

7.      Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza li tenfasizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tar-relazzjonijiet mal-Indja u għaldaqstant li tikkunsidra miżuri ulterjuri biex tiffaċilita riżoluzzjoni pożittiva tal-każ;

8.      Ifakkar li d-drittijiet u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi għandhom ikunu salvagwardati mir-rappreżentanza diplomatika tal-UE, li għandha taħdem b'mod attiv favur id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-UE detenuti f'pajjiż terz;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-President u l-Gvern tal-Indja.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza