Proċedura : 2014/2965(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0021/2015

Testi mressqa :

B8-0021/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kWORD 83k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0008/2015
12.1.2015
PE547.444v01-00
 
B8-0021/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))


Johannes Cornelis van Baalen, Petras Auštrevičius, Louis Michel, Catherine Bearder, Fredrick Federley, Paavo Väyrynen, Kaja Kallas, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Ivo Vajgl, Urmas Paet, Pavel Telička, Juan Carlos Girauta Vidal, Dita Charanzová, Fernando Maura Barandiarán, Beatriz Becerra Basterrechea, Ilhan Kyuchyuk, Martina Dlabajová, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Petr Ježek, Gérard Deprez, Alexander Graf Lambsdorff, Marietje Schaake f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))  
B8‑0021/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'referenza partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(1), ir-riżoluzzjoni tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja(2), ir-riżoluzzjoni tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina(3) , ir-riżoluzzjoni tas-17 ta' Lulju 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(4) u r-riżoluzzjoni tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja(5),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru dwar l-Ukraina u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru,

–       wara li kkunsidra l-iffirmar tal-partijiet finali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina u d-DCFTA f'Mejju 2014 kif ukoll ir-ratifika u l-kunsens mogħti lil dawn il-ftehimiet mill-Parlament Ewropew u mill-Verhovna Rada f'Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Minsk tal-5 ta' Settembru 2014 u l-Memorandum ta' Minsk tad-19 ta' Settembru 2014;

–       wara li kkunsidra t-twettiq b'suċċess fis-26 ta' Ottubru 2014 tal-elezzjoni parlamentari fl-Ukraina,

–       wara li kkunsidra l-okkupazzjoni kontinwa fil-Krimea u l-ġlied li għadu għaddej fil-partijiet tal-Lvant tal-Ukraina, l-evidenza kredibbli u indisputabbli tal-involviment tal-forza militari Russa f'dan il-ġlied u l-bżonn urġenti li tinstab soluzzjoni politika sostenibbli u komprensiva għal dan il-kunflitt,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-ħarifa tal-2014 kienet ikkaratterizzata minn ġlied kontinwu bejn il-forzi tal-Ukraina u l-gruppi illegalment armati f’Donetsk u f’Luhansk, u billi l-ftehimiet ta’ Minsk għadhom ma ġewx kompletament implimentati u rrispettati;

B.     billi l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari fl-Ukraina tmexxew skont standards Ewropej u tal-OSKE, u b’hekk twittiet it-triq għal riformi sostnuti ta' natura politika u ekonomika, għal ġlieda serja kontra l-korruzzjoni u għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, essenzjali biex jerġa’ jkun hemm leġittimità demokratika fit-tmexxija tal-istat Ukrain;

C.     billi l-hekk imsejħa ‘elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali’ f’Donetsk u f’Luhansk fit-2 ta’ Novembru 2014 marru kontra l-leġiżlazzjoni Ukraina u l-ftehimiet ta’ Minsk, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu rikonoxxuti;

D.     billi l-bidu tax-xitwa se tkompli taggrava d-diffikultajiet u t-tbatija li qed tħabbat wiċċha magħhom il-popolazzjoni ċivili, b’mod partikolari fil-Lvant tal-Ukraina, iżda wkoll fil-Krimea u fost dawk li huma spustati minn darhom;

E.     billi hemm rapporti kredibbli, inklużi rapporti tan-NU, ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem f’Donetsk u f’Luhansk, u b’mod partikolari fil-Krimea, inklużi rapporti dwar eżekuzzjonijiet sommarji, għajbien u ksur serju ieħor ta' liġijiet u standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

F.     billi l-kunflitt armat fil-parti tal-Lvant tal-Ukrajna rriżulta f'eluf ta' mwiet ta' persuni militari u ċivili, b'ħafna aktar midruba u mijiet ta' eluf li ħarbu minn djarhom jew batew mill-insigurtà ta' xhur ta' ġlied;

G.     billi l-kunflitt dgħajjef aktar il-qagħda tal-ekonomija Ukraina, bil-konsegwenza li l-PDG ta’ din is-sena naqas b'7.5 % , u billi riformi prinċipali ta' natura ekonomika u kontra l-korruzzjoni se jkollhom jiġu implimentati;

H.     billi m’hemm l-ebda soluzzjoni militari għal dan il-kunflitt, iżda biss soluzzjoni bbażata fuq djalogu politiku u ftehim fi ħdan l-Ukraina, skont pjan ta’ paċi ppreżentat mill-President Poroshenko, li jinkludi aktar governanza lokali u reġjonali bbażata fuq ir-rispett sħiħ lejn is-sovranità, l-integrità territorjali, l-unità u l-indipendenza tal-Ukraina;

I.      billi l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied iffirmat f’Minsk fil-5 ta’ Settembru 2014 għadu l-aħjar bażi għall-isforzi lejn soluzzjoni politika, minkejja l-bosta vjolazzjonijiet tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied; billi l-partijiet kollha għandhom jimplimentaw il-ftehimiet li saru f’Minsk; billi l-kontinwazzjoni tan-negozjati skedati li jsiru f’Minsk f’Diċembru 2014 ġew ikkanċellati;

J.      billi l-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tas-17 ta’ Novembru 2014 ħa deċiżjoni fil-prinċipju dwar aktar sanzjonijiet immirati lejn il-mexxejja separatisti;

1.      Itenni l-kondoljanzi tiegħu għall-familji tal-vittmi ċivili u militari ta' ġlied fil-Lvant tal-Ukraina u jiddispjaċih ħafna mit-tbatija umanitarja kkawżata minn dan il-kunflitt;

2.      Jenfasizza li jista’ jkun hemm biss soluzzjoni politika nnegozjata għal dan il-kunflitt, ibbażata fuq il-ftehimiet ta’ Minsk u fuq il-pjan ta' paċi ppreżentat mill-President Poroshenko, li joħloq struttura aktar deċentralizzata tal-istat Ukrain; jenfasizza li l-partijiet kollha għandhom jimplimentaw u jirrispettaw bis-sħiħ il-ftehimiet ta’ Minsk u b’hekk jippermettu tnaqqis gradwali tal-kunflitt; jiddispjaċih li n-negozjati li kienu skedati li jsiru fi tmiem Diċembru 2014 f’Minsk ġew ikkanċellati mingħajr ebda riżultat ieħor għajr ftehim dwar l-iskambju ta’ priġunieri; jistieden lill-partijiet kollha biex jagħmlu l-almu tagħhom sabiex in-negozjati jerġgħu jibdew malajr;

3.      Jistieden lill-partijiet kollha biex joqogħdu lura milli jużaw kwalunkwe forma ta’ vjolenza; jenfasizza li t-tmiem tal-vjolenza huwa l-ewwel pass meħtieġ ferm fi proċess politiku ta' suċċess għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt;

4.      Itenni l-kundanna tiegħu tal-okkupazzjoni Russa u l-annessjoni tal-Krimea kif ukoll jikkundanna kull influwenza barranija u appoġġ għall-hekk imsejħa forzi separatisti fil-partijiet tal-Lvant tal-Ukraina; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet imorru kontra d-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu sfida serja għall-qagħda tas-sigurtà Ewropea; itenni l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri tal-Ukraina, u d-dritt tagħha li tiegħu għażla libera;

5.      Jistieden lill-Federazzjoni Russa biex mingħajr dewmien tirtira kull persunal militari mit-territorju tal-Ukraina u biex toqgħod lura milli terġa' timmobilizzahom fi kwalunkwe mument fil-futur; jistieden lir-Russja tieħu miżuri urġenti biex tikkontrolla l-fruntiera tagħha mal-Ukraina u twaqqaf l-inkursjonijiet u l-movimenti kollha ta' ġellieda, armi u tagħmir irregolari, sabiex twaqqaf kompletament kull infiltrazzjoni ulterjuri fit-territorju Ukrain;

6.      Jistieden lit-tmexxija Russa tuża l-influwenza tagħha mas-separatisti sabiex tikkonvinċihom jieħdu sehem fil-proċess politiku; jistieden lill-partijiet kollha jtemmu r-retorika belliġerenti fl-interessi tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni;

7.      Jitlob lill-Gvern tal-Ukraina juża l-awtorità tiegħu sabiex jevita u jikkundanna l-użu ta’ simboli estremisti u totalitarji;

8.      Jisħaq fuq il-fatt li l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa għandhom ikunu lesti li joffru assistenza u ħila esperta matul il-ħidma fuq governanza aktar deċentralizzata fl-Ukraina; jissottolinja li, fl-ebda ċirkostanza, m'għandhom is-separatisti jkollhom s-setgħa ta' veto fuq l-għażliet tal-Ukraina fil-qasam tal-politika barranija; jenfasizza, madankollu, l-importanza li jkun żgurat kunsens wiesa’ dwar l-iktar deċiżjonijiet politiċi importanti fl-oqsma tal-politika interna u dik barranija;

9.      Jenfasizza li s-sanzjonijiet tal-UE ma jistgħux jitneħħew qabel ikun hemm sinjali ċari ta’ progress fil-proċess tal-paċi fl-Ukraina, u huwa lest li jimponi aktar sanzjonijiet; jenfasizza li l-miżuri restrittivi tal-UE jistgħu jitwaqqfu kif ukoll jiżdiedu u li jistgħu jiġu emendati, sospiżi jew imħassra kif meħtieġ; jenfasizza li l-UE bħala tali għandha tibqa’ magħquda meta tikkunsidra kif l-aħjar tiġi ttrattata s-sitwazzjoni hi u tevolvi; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-impatt tal-hekk imsejħa "kontro sanzjonijiet" Russi u tieħu miżuri rapidi biex tappoġġja lill-produtturi li jintlaqtu mir-restrizzjonijiet kummerċjali Russi;

10.    Jenfasizza li l-OSKE għandha rwol ewlieni fis-soluzzjoni tal-kriżi tal-Ukraina minħabba l-esperjenza tagħha fl-ittrattar ta' kunflitti armati u l-kriżijiet u l-fatt li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-Ukraina huma membri ta' din l-organizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jagħmlu aktar sforzi sabiex tissaħħaħ il-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina permezz ta' persunal u tagħmir; jenfasizza l-bżonn li jintbagħtu mingħajr aktar dewmien l-osservaturi tal-OSKE tul il-partijiet kollha tal-fruntiera tal-Ukraina u r-Russja li attwalment tinsab taħt il-kontroll tas-separatisti;

11.    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kunsill jikkunsidraw il-ħatra ta’ Rappreżentant Speċjali tal-UE ta’ livell għoli għall-Ukraina u l-kunflitt Ukrain, li jista’ jiffaċilita l-isforzi sabiex tintlaħaq soluzzjoni paċifika;

12.    Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Lvant tal-Ukraina, fil-Krimea, u għall-persuni spustati internament fl-Ukraina, kif ukoll dawk fost ir-refuġjati fir-Russja, fid-dawl tal-kundizzjonijiet xitwija ħarxa; jirrimarka l-ħtieġa urġenti li jingħataw aktar assistenza umanitarja u provvisti lill-popolazzjoni fiż-żoni milquta mill-kunflitt, lin-nies spostati internament u lir-rifuġjati; itenni t-twissija maħruġa mid-WHO li l-Lvant tal-Ukraina qed iħabbat wiċċu ma' emerġenza fil-qasam tas-saħħa, fejn l-isptarijiet mhumiex jiffunzjonaw bis-sħiħ u hemm nuqqas ta' mediċini u tilqimiet; jitlob għal aktar sforzi urġenti mill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, biex jappoġġjaw lil dawk l-aktar fil-bżonn; ifakkar li t-twassil ta' għajnuna umanitarja lill-parti tal-Lvant tal-Ukraina jrid isir f'konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u mal-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Gvern Ukrain, man-NU u mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA); jesprimi x-xewqa li delegazzjoni tal-Parlament Ewropew tkun tista' żżur iż-żona ta’ kunflitt;

13.    Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex ifasslu b'mod urġenti pakkett komprensiv u ambizzjuż ta' assistenza finanzjarja u għajnuna għall-Ukraina, u biex jappoġġjaw il-ħidma għal soluzzjoni politika u għal rikonċiljazzjoni nazzjonali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tieħu kull miżura ħalli tiżgura implimentazzjoni bla intoppi u bikrija tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina, bħala strument kruċjali fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina f'kull dimensjoni koperta, u jenfasizza li dan hu ftehim bilaterali; jistieden lill-Ukraina biex tissodisfa l-impenji tagħha bħala parti mill-arranġamenti kummerċjali temporanji tal-UE;

14.    Itenni l-opinjoni tiegħu, f'dan ir-rigward, li dan il-ftehim ma jikkostitwixxix l-għan aħħari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 49 tat-TUE, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni Ewropea, sakemm taderixxi mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi kif ukoll tiżgura l-istat tad-dritt u t-trasparenza;

15.    Jemmen bis-saħħa li programm ambizzjuż kontra l-korruzzjoni, inkluża tolleranza żero għall-korruzzjoni, huwa meħtieġ b’mod urġenti fl-Ukraina biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istat, fis-sistema ġudizzjarja, fl-awtoritajiet pubbliċi u fil-korpi ta' infurzar tal-liġi; jilqa' l-adozzjoni reċenti tal-pakkett ta’ liġijiet kontra l-korruzzjoni mill-Verkhovna Rada u jenfasizza l-importanza li dawn il-liġijiet ikunu implimentati f’waqthom u kif xieraq;

16.    Jitlob lill-Ministri tal-Ekonomija u l-Finanzi li għadhom kemm inħatru biex ma jkunx hemm dewmien fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa għall-irkupru tat-tkabbir ekonomiku fl-Ukraina; iqis li l-missjoni tal-grupp ta’ appoġġ tal-UE għall-Ukraina hija kruċjali biex jidentifika l-oqsma fejn hija meħtieġa l-assistenza teknika li għandha tappoġġja lill-Ukraina fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ riforma komprensiv;

17.    Jinnota li, waqt li l-waqfien mill-ġlied jinkludi xi stipulazzjonijiet dwar l-impunità għal dawk involuti fil-kunflitt fil-parti tal-Lvant tal-Ukraina, ma tista' tittieħed l-ebda deċiżjoni ta' dan it-tip għar-reati tal-gwerra mwettqa, inkluż l-att ta' terroriżmu fi forma ta' tiġrif tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines; jenfasizza li min wettaq dan it-tiġrif irid jitressaq quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-importanza ta’ investigazzjoni sħiħa, rapida u indipendenti, iddelegata lill-Bord Olandiż dwar is-Sikurezza; jikkundanna n-nuqqas ta' aċċess għas-sit ta' fejn twaqqa' l-ajruplan;

18.    Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li ttieħdet mill-gvern Franċiż biex iwaqqaf il-forniment ta' trasportaturi tal-elikotteri Mistral, u jappella lill-Istati Membri jieħdu approċċ simili fir-rigward tal-prodotti għal esportazzjoni mhux koperti mid-deċiżjonijiet tal-UE dwar sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-armi u l-materjali b'użu doppju;

19.    Jenfasizza l-ħtieġa għal riforma tas-settur tal-enerġija tal-Ukraina, f'konformità mal-impenji tal-Komunità tal-Enerġija u l-bżonn li tissaħħaħ b’mod radikali s-sigurtà, l-indipendenza u r-reżiljenza tal-enerġija tal-UE fir-rigward ta' pressjoni esterna, permezz tal-istabbiliment ta’ Unjoni tal-Enerġija Ewropea, l-iżvilupp ulterjuri tal-infrastruttura tal-enerġija mal-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u l-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet tal-enerġija bejn dawn il-pajjiżi u fi ħdan l-UE, f’konformità mal-objettivi tal-Komunità tal-Enerġija, u jiġu implimentati bi prijorità dawn il-proġetti ta’ interess komuni; jenfasizza li dan se jirrikjedi investiment sostanzjali fl-infrastruttura;

20.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda l-preparament dwar it-tielet pakkett ambizzjuż ta’ assistenza makrofinanzjarja għall-Ukraina, kif ukoll biex ikollha rwol ewlieni fl-organizzazzjoni tal-Konforenza tad-Donaturi għall-Ukraina, bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u s-soċjetà ċivili; jenfasizza l-importanza ta' impenn mill-komunità internazzjonali biex tappoġġja l-istabbilizzazzjoni ekonomika u politika kif ukoll ir-riforma fl-Ukraina;

21.    Jiġbed l-attenzjoni għall-aħħar rapporti kredibbli dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea u f’żoni ta’ kunflitt; jappoġġa t-talba lill-Gvern tal-Ukraina biex joħloq reġistru uniku u aġġornat regolarment tal-inċidenti ta' ħtif irrappurtat, u għall-investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali tal-allegazzjonijiet kollha ta' abbuż ta' forza, trattament ħażin jew tortura miż-żewġ naħat tal-kunflitt;

22.    Jenfasizza l-ħtieġa li tintlaħaq is-soċjetà ċivili Russa sabiex jagħmilha ċara li l-UE ma tarax il-poplu Russu bħala avversarju tiegħu iżda li l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukraina għandhom jiġu rrispettati; jekk il-Gvern Russu jieħu passi konkreti biex jerġa’ lura għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajba ta' viċinat u għall-ordni legali internazzjonali, dan se jkun il-bażi għat-tnaqqis ta' tensjoni;

23.    Jistieden lill-Istati Membri biex jeżaminaw jekk rapporti riċenti dwar finanzjamenti minn banek u individwi Russi lill-partiti politiċi tal-lemin u tax-xellug estrem fl-UE jirrappreżentawx ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti, u jitlob li jsir dibattitu vigoruż dwar ir-riskji u l-isfidi maħluqa minn dan it-tip ta’ appoġġ finanzjarju u dwar jekk il-leġiżlazzjoni attwali dwar il-finanzjament tal-partiti hijiex totalment adegwata fid-dawl ta’ dawn ir-rivelazzjonijiet;

24.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-Kunsill tal-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0170.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0248.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0457.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2014)0009.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2014)0025.

Avviż legali - Politika tal-privatezza