Proċedura : 2014/2965(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0025/2015

Testi mressqa :

B8-0025/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 129kWORD 56k
12.1.2015
PE547.448v01-00
 
B8-0025/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))


Valentinas Mazuronis, Kristina Winberg, Peter Lundgren f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))  
B8‑0025/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sħubija tal-Lvant u l-Ukraina,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar l-Ukraina tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-azzjonijiet tar-Russja fil-Krimea u l-Lvant tal-Ukraina jiksru d-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali li għandha r-Russja skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE u l-Memorandum ta' Budapest dwar il-garanziji ta' sigurtà għall-Ukraina;

B.     billi l-Ftehim ta' Minsk dwar il-Waqfien mill-Ġlied tal-5 ta' Settembru 2014 ġarrab sensiela ta' ksur;

C.     billi r-Russja qed tkompli tibgħat sostenn militari u loġistiku lis-separatisti fil-Lvant tal-Ukraina u tostru permezz ta' konvoys li huma fil-fatt illegali;

D.     billi l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji jirrapporta li mindu beda l-ġlied f'April 2014, mietu aktar minn 4 000 ruħ u aktar minn 1 miljun ġew mġiegħla jħallu djarhom fil-Lvant tal-Ukraina;

E.     billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem li joperaw fil-Krimea jwissu dwar żieda fl-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra t-Tatari tal-Krimea, l-Ukraini li rrifjutaw iċ-ċittadinanza Russa u l-ġurnalisti;

F.     billi l-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-Ukraina fis-26 ta' Ottubru 2014 ġew iddikjarati bħala liberi u ġusti mill-organizzazzjonijiet ta' osservaturi internazzjonali;

1.      Jesprimi l-appoġġ qawwi u l-ammirazzjoni kbira tiegħu lejn il-qlubija tal-poplu tal-Ukraina f'dawn iż-żminijiet diffiċli;

2.      Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu favur l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jisħaq fuq il-fatt li l-komunità internazzjonali mhijiex ser tirrikonoxxi l-annessjoni tal-Krimea u Sevastopol;

3.      Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jimplimentaw bis-sħiħ u b'mod inkondizzjonat il-Protokoll ta' Minsk u l-Memorandum tiegħu sabiex jiżguraw li jintlaħaq l-għan ta' waqfien mill-ġlied, bl-iskop li jwittu t-triq għal proċess ġenwin ta' paċi u tinstab soluzzjoni diplomatika sostenibbli għall-kriżi;

4.      Iħeġġeġ bis-sħiħ lir-Russja biex twaqqaf kwalunkwe sostenn mogħti lis-separatisti li jokkupaw in-naħa tal-Lvant tal-Ukraina, jirtiraw it-truppi illegali kollha mit-territorju tal-Ukraina u jippermettu lill-OSKE twettaq monitoraġġ mingħjr xkiel tal-fruntiera kollha bejn l-Ukraina u r-Russja;

5.      Jinsab imħasseb sew dwar id-deterjorament tal-qagħda umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina u l-Krimea; jappella lill-partijiet kollha biex jiżguraw li l-ħaddiema umanitarji u l-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem relevanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali jkollhom aċċess immedjat u inostakolat sabiex ikunu jistgħu jwettqu monitoraġġ tas-sitwazzjoni u jipprovdu għajnuna b'mod attiv;

6.      Jappoġġa bis-sħiħ il-pjan għat-tiswir mill-ġdid tal-Gvern il-ġdid tal-Ukraina u jittama li dan jagħmel użu mill-mandat politiku b'saħħtu li ngħata mill-poplu tal-Ukraina u mill-appoġġ tal-maġġoranza li jgawdi minnha fil-parlament bil-għan li jintroduċi u jimplimenta malajr kemm jista' jkun ir-riformi politiki u ekonomiċi li tant hemm ħtieġa għalihom;

7.      Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali jipprovdu s-sostenn kollu possibbli u l-parir tekniku meħtieġ lill-Ukraina, sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' pakkett komprensiv ta' riformi, li għandu jkun iffokat fuq miżuri għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, l-effiċjenza tal-gvernijiet nazzjonali u lokali, it-trasparenza tal-akkwist pubbliku u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll jippjanaw riforma ta' awtonomija bil-għan li l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet ikun aktar qrib il-poplu tal-Ukraina;

8.      Iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu b'mod konġunt fit-tisħiħ tal-kuntatti diretti mal-poplu tal-Ukraina u jħeġġu lill-ġenerezzjoni żagħżugħa u s-soċjetà ċivili jagħmlu użu mill-potenzjal tal-parteċipazzjoni tal-Ukraina fl-istrumenti relevanti tal-UE;

9.      Jikkundanna l-għad ta' każijiet ta' ksur mingħajr preċedenti tal-ispazji tal-ajru u l-intrużjoni marittima min-naħa tar-Russja fiż-żona tal-Baħar Baltiku/Baħar tat-Tramuntana;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza