Proċedura : 2014/2965(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0027/2015

Testi mressqa :

B8-0027/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 78k
12.1.2015
PE547.450v01-00
 
B8-0027/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))


Helmut Scholz, Miloslav Ransdorf, Barbara Spinelli, Kateřina Konečná, Patrick Le Hyaric, Kostas Chrysogonos, Georgios Katrougkalos f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))  
B8‑0027/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-elezzjonijiet parlamentari bikrin saru f'ambjent diffiċli, kemm mil-lat politiku kif ukoll fejn tidħol is-sigurtà; billi f'partijiet tal-Ukraina ma kienx possibbli għall-votanti li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet; billi r-rapport tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) jsemmi li kien hemm evidenza ta' "każijiet ta' intimidazzjoni u tfixkil li influwenzaw l-istrateġiji tal-kampanji tagħhom; Fl-aħħar għaxart ijiem tal-kampanja, l-osservaturi nnotaw żieda evidenti ta' vjolenza mmirata lejn il-partijiet ikkonċernati tal-elezzjoni, intimidazzjoni u theddid fil-konfront tal-kandidati u l-ħaddiema tal-kampanja, u każijiet ta' tkissir immirat ta' materjali u uffiċċji marbuta mal-kampanja; Kien hemm numru ta' allegazzjonijiet kredibbli dwar xiri ta' voti..."; billi saru rapporti ta' tensjonijiet serji f'uħud mill-kummissjonijiet għall-elezzjonijiet tad-distretti, fejn membri armati ta' battaljun voluntier kienu preżenti ġewwa l-bini u madwaru; billi "n-Netwerk Ċivili, OPORA" Ukrain u "l-Kumitat tal-Votanti tal-Ukraina" t-tnejn irrapportaw ta' spiss bosta każijiet ta' ksur li saru fil-postijiet tal-votazzjoni, inklużi "tentattivi biex jingħataw il-voti mingħajr verifika tal-passaport, il-preżenza ta' persuni mhux awtorizzati fil-postijiet tal-votazzjoni, tentattivi ta' votazzjoni illeġittima, tentattivi biex jinħareġ vot minn post tal-votazzjoni, ksur tas-segretezza tal-votazzjoni, teħid ta' ritratt tal-polza tal-votazzjoni kif ukoll tentattivi ta' tfigħ ta' voti żejda fil-kaxxi tal-voti"; billi l-OSKE, madankollu, ikkonkludiet li "l-elezzjonijiet parlamentari bikrin tas-26 ta' Ottubru kienu pass importanti fl-aspirazzjonijiet tal-Ukraina li tikkonsolida l-elezzjonijiet demokratiċi f'konformità mal-impenni internazzjonali tagħha."

B.     billi l-proċess politiku fl-Ukraina huwa ddominat minn gwerra ċivili li għaddejja bħalissa fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk; billi t-temi tal-unità nazzjonali, l-integrità territorjali u d-difiża jibqgħu jiddominaw l-aġenda politika; billi, min-naħa l-oħra, għadha ma nstabitx soluzzjoni għall-problemi li fl-2012 wasslu għat-taqlib fl-Ukraina, inklużi l-korruzzjoni, il-kriżi ekonomika u soċjali, l-isfiduċja fil-politika u d-diżillużżjoni fir-rigward tas-sistema politika tal-Ukraina minħabba l-influwenza politika kontinwa tal-istrutturi oligarkiċi; billi mhux qed isir progress fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta' riforma; billi n-nuqqas tal-gvern u l-parlament il-ġodda milli jagħtu bidu għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni kkomprometta l-fiduċja tal-poplu tal-Ukraina u tal-komunità internazzjonali fil-proċess politiku għaddej fl-Ukraina;

C.     billi l-Ukraina tinsab f'xifer falliment ekonomiku u soċjali; billi l-PDG tal-Ukraina naqas b'7.5 % bejn Jannar u Novembru 2014, u sa Novembru l-inflazzjoni kienet laħqet il-21%; billi r-riskju ta' inadempjenza qed jiżdied u l-pajjiż jeħtieġ USD 15 biljun aktar minn dak li qed jiġi pprovdut permezz ta' programmi eżistenti ta' sostenn internazzjonali;

D.     billi d-domandi soċjoekonomiċi tal-moviment Maidan fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew sostitwiti bl-aġenda neoliberali u nazzjonalistika tal-gvern il-ġdid; billi l-baġit għall-2015 jipprevedi tnaqqis sostanzjali fin-nefqa pubblika, filwaqt li n-nefqa għad-difiża se tiżdied għal 5.2 % tal-PDG; billi d-deċiżjoni dwar dan it-tnaqqis ittieħdet f'sitwazzjoni ekonomika u soċjali estremament diffiċli; billi, fl-ewwel disa' xhur tal-2014, il-prezzijiet żdiedu bis-16.2 %, u r-rati tas-servizzi pubbliċi żdiedet b'medja ta' 24.3 %; billi 1.7 miljun persuna jinsabu qiegħda (8.4 % tal-popolazzjoni ekonomikament attiva) u ħafna minn dawk li għandhom xogħol mhumiex jitħallsu; billi s-sitwazzjoni ta' madwar 5.2 miljun ruħ, li qed jgħixu f'żoni li fihom għaddej kunflitt jew żoni li kienu milquta minn kunflitt, hija partikolarment diffiċli minħabba t-tkissir u t-tħarbit tal-infrastruttura ekonomika u s-servizzi soċjali; billi d-disponibilità tas-servizzi għall-kura tas-saħħa f'dawk iż-żoni kulma jmur qed issir dejjem aktar limitata;

E.     billi l-unitajiet paramilitari tal-oligarki u l-lemin estrem ma tneħħewx u qed ikomplu bl-attivitajiet vjolenti tagħhom fil-pajjiż; billi l-Ministru għall-Intern Ukrain, Arsen Avakov, lil dawn l-unitajiet paramilitari offrielhom armi tqal ġodda, inkluzi tankijiet u vetturi blindati għall-persunal, u b'hekk saħħilhom l-istatus tagħhom bħala brigata; billi Vadim Troyan, viċi kmandant tar-Reġiment Azov tal-lemin, kif ukoll membru attiv tal-organizzazzjoni paramilitari Patriot tal-Ukraina, inħatar Kap tal-Pulizija ta' Kiev mill-Minstru għall-Intern Ukrain; billi Yuriy Mykhalchyshyn, li ppromwova apertament l-ideoloġija ta' Joseph Goebbel, se jkun qed jidderieġi l-propaganda u l-analiżi fis-Servizz tas-Sigurtà tal-Ukraina;

F.     billi l-paċi u l-istabbiltà tal-Ewropa qed tiġi pperikolata minħabba tensjonijiet dejjem jiżdiedu bejn l-UE, l-Ukraina u l-Istati Uniti u pajjiż oħra tal-Punent minn naħa, u l-Federazzjoni Russa min-naħa l-oħra; billi bejn il-Punent u r-Russja qed isseħħ eskalazzjoni politika u militari estremament perikoluża; billi, tul l-aħħar sena, saru bosta inkursjonijiet militari sensittivi bejn r-Russja u l-istati membri tan-NATO, u uħud minnhom kważi qanqlu l-ġlied;

G.     billi n-nuqqas ta' qbil dwar soluzzjoni nnegozjata aċċettabbli minn kulħadd għall-kriżi tal-Ukraina qed ikollu konsegwenzi gravi fuq l-ekonomija tar-Russja; billi s-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti u l-UE qed jaggravaw il-problemi finanzjarji u ekonomiċi tar-Russja, li rriżultaw minn tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt u problemi oħra tal-ekonomija Russa;

H.     billi, minkejja l-isforzi li saru mill-komunità internazzjonali biex ilaqqgħu l-partijiet involuti fil-kunflitt madwar il-mejda tan-negozjati, il-gwerra fil-Lvant tal-Ukraina għadha għaddejja; billi l-partijiet involuti fil-kunflitt qed juru nuqqas ta' rieda politika li jsibu kompromess u li jimplimentaw il-ftehimiet li ntlaħqu;

I.      billi l-parlament Ukrain appoġġa l-proposta tal-President Poroshenko li jitħassar l-istatus mhux allineat tal-pajjiż biss ftit sigħat wara t-tħabbir ta' negozjati ġodda biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt militari fil-Lvant tal-Ukraina; billi t-tħabbir ta' referendum dwar l-adeżjoni tal-Ukraina man-NATO kompla jaggrava t-tensjonijiet politiċi fir-relazzjonijiet tal-pajjiż mar-Russja, li tqis l-adeżjoni potenzjali tal-Ukraina man-NATO bħala theddida diretta għas-sigurtà tagħha u għall-bilanċ militari strateġiku bejn ir-Russja u n-NATO;

1.      Jappella b'mod urġenti li tintemm il-gwerra fl-Ukraina permezz tad-djalogu u n-negozjati, u sabiex jinstabu soluzzjonijiet politiċi għall-dawk il-problemi li wasslu għall-kriżi fl-Ukraina; itenni l-appell tiegħu biex tiġi salvagwardjata l-għaqda tal-poplu Ukrain u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jappoġġa bil-qawwa l-proċess tal-Ftehim ta' Minsk u jħeġġeġ lill-partijiet biex jaderixxu għall-ftehimiet li diġà ntlaħqu u jiżviluppaw dawn il-ftehimiet f'negozjati ġodda għal pjan direzzjonali aktar trasparenti u ċar, b'punti ta' riferiment konkreti li għandhom jiġu ssodisfati mill-partijiet kollha involuti fin-negozjati; jappoġġa t-tisħiħ tar-rwol tal-OSKE biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi fl-Ukraina;

2.      Jappella b'mod urġenti lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina biex jtemmu l-vjolenza; jitlob lill-Istati Uniti, lill-Kanada, lill-Istati Membri u lir-Russja biex jimponu u jimplimentaw b'mod sever embargo fuq l-armi kontra l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u biex jirtiraw il-konsulenti militari u l-persunal militari u paramilitari barranin kollha mill-Ukriana; jappella bil-qawwa, kemm lill-Federazzjoni Russa kif ukoll lill-Ukraina, biex jeżerċitaw kontroll effikaċi tal-fruntiera tagħhom, bil-għan li jilħqu riżoluzzjoni paċifika u jtemmu l-invazjoni fl-Ukraina ta' persunal armat u tagħmir militari minn kwalunkwe pajjiż;

3.      Jiddenunzja ż-żieda fil-preżenza tan-NATO mal-fruntieri tal-Federazzjoni Russa; 7.         jirrifjuta bil-qawwa l-pjanijiet tal-Gvern Ukrain il-ġdid biex japplika għas-sħubija man-NATO bħala element ieħor li jagħmel parti minn politika ta' konfrontazzjoni mal-Federazzjoni Russa, li tkompli tiddestabbilizza r-reġjun u s-sigurtà internazzjonali b'mod ġenerali;

4.      Jappella b'mod urġenti lir-Russja, lill-Istati Uniti u lin-NATO biex itemmu l-politika ta' pressjoni militari, u jitlob li jintemm b'mod immedjat l-ispirall ta' eskalazzjoni militari, jitwaqqfu l-manuvri militari u azzjonijiet provokattivi u titnaqqas il-preżenza militari fir-reġjuni milquta mill-kunflitti; jirrifjuta b'qawwa l-iskjerament ta' unitajiet u assi militari addizzjonali tan-NATO fil-Lvant tal-Ewropa; iwissi li jekk ma jingħatax bidu għal djalogu orjentat lejn ir-riżultati mar-Russja, dan in-nuqqas jista' jkollu konsegwenzi perikolużi għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja;

5.      Jistieden lill-UE tibda mill-ġdid djalogu politiku orjentat lejn il-ksib tal-objettivi mar-Russja, bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja u li jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi pendenti u l-kwistjonijiet kontroversjali kollha; jitlob li, fil-livelli kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE, jiġu introdotti mill-ġdid il-formati ta' djalogu li kienu jeżistu bejn l-UE u r-Russja qabel il-bidu tal-kriżi fl-Ukraina; iħeġġeġ lill-UE biex twaqqaf il-politiki ta' sanzjonijiet tagħha kontra r-Russja, politiki li wasslu għal gwerra kummerċjali bejn iż-żewġ sħab strateġiċi u li qed ikollhom impatt negattiv b'mod partikolari fuq l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), il-bdiewa u l-konsumaturi fir-Russja, l-UE u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant tal-UE, u li, fuq kollox, urew li huma politikament ineffikaċi u kontroproduttivi;

6.      Jitlob li l-40 anniversarju tal-Att ta' Helsinki fl-2015 tkun okkażjoni biex jiġu kkonfermati u implimentati bis-sħiħ in-normi u l-prinċipji tal-Att, biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja u jigħata bidu għan-negozjati dwar sistema ta' sigurtà kooperattiva u effikaċi fl-Ewropa, imsejsa fuq il-Karta tan-NU u n-normi tal-OSKE, sistema li tqis l-interessi tal-pajjiżi kollha tal-Ewropa; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jerġa' jinbeda u jitkompla kontroll tal-armi konvenzjonali u tittejjeb l-effikaċja tal-miżuri għall-bini tal-kunfidenza u s-sigurtà li diġà jeżistu, u li jittejbu l-mekkaniżmi ta' trasparenza, billi jiġu mmodernizzati u jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom; jitlob li jitfasslu miżuri ġodda għat-trasparenza u għall-bini tal-fiduċja bil-għan li fil-futur jiġu evitati kunflitti simili;

7.      Jinnota r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukraina; jafferma mill-ġdid il-kundanna tiegħu fir-rigward tal-proċess kontra l-Partit Komunista, li beda waqt li kienet għaddejja l-kampanja elettorali; jistieden lill-parlament li għadu kemm jiġi elett u l-awtoritajiet relevanti biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li ġew identifikati billi, fost l-oħrajn, jitwettqu investigazzjonijiet effikaċi dwar l-irregolaritajiet li ġew identifikati mill-osservaturi nazzjonali u internazzjonali matul l-elezzjonijiet, jitwettqu l-azzjonijiet ġuridiċi meħtieġa kontra dawk responsabbli għall-irregolaritajiet matul l-elezzjonijiet, issir riforma tas-sistema elettorali billi tittejjeb ir-rappreżentanza reġjonali u tiżdied l-influwenza fuq il-votanti dwar ir-rappreżentanti tagħhom fil-parlament billi tiġi adottata sistema ta' rappreżentanza proporzjonali u multikostitwenti, jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kemm tal-OSKE kif ukoll tal-Kummissjoni ta' Venezja sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali, u jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar l-elezzjonijiet tinsab f'konformità mal-istandards internazzjonali;

8.      Jistieden lill-Gvern Ukrain jirrevedi l-politika ta' awsterità tiegħu bil-għan li jissodisfa l-ħtiġijiet soċjali urġenti tal-popolazzjoni, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġenerazzjoni tal-enerġija għat-tisħin, il-provvista tal-enerġija u l-kura tas-saħħa;

9.      Jistieden lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukraina jilħqu l-aspettattivi tal-popolazzjoni tal-pajjiż fir-rigward ta' riformi kbar u reali bil-għan li tintemm il-kriżi attwali u jmexxi lill-pajjiż lejn l-istabbiltà politika, ekonomika u soċjali, fost l-oħrajn permezz ta':

•  l-eradikazzjoni konsistenti tal-korruzzjoni;

•  l-istabbiliment tal-istat tad-dritt;

•  id-deċentralizzazzjoni u l-garanziji sodi f'dak li għandu x'jaqsam mal-parteċipazzjoni demokratika tan-nies fir-reġjuni fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet importanti kollha, b'mod partikolari fil-qasam tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

•  id-diżakkoppjament definittiv tal-oligarki mill-politika taħt kontroll demokratiku;

•  ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet demokratiċi, inklużi d-drittijiet lingwistiċi;

•  it-tneħħija tal-unitajiet paramilitari u l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontroll riġidu mill-istat fuq il-pulizija u l-armata;

•  il-kontroll parlamentari immedjat, trasparenti, demokratiku u ġuridiku fuq il-forzi tas-sigurtà kollha fil-pajjiż u d-diżarm tal-hekk imsejħa forzi tas-sigurtà paramilitari u privati;

10.    Jappella b'mod urġenti lill-UE biex torbot l-assistenza finanzjarja u ekonomika ulterjuri indirizzata lill-Ukraina mal-implimentazzjoni ta' din l-aġenda ta' riforma;

11.    Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-politiċi u l-awtoritajiet Ukraini qed ikomplu juru injoranza mhux aċċettabbli dwar il-periklu li jirrappreżentaw il-lemin estrem u l-forzi li b'mod apert jiddikjaraw ruħhom bħala neo-Nazi, billi jikkooperaw magħhom fl-elezzjonijiet u jippermettulhom li jokkupaw pożizzjonijiet fil-qasam tal-infurzar tal-liġi; jenfasizza li l-fatt li persuni b'fehmiet tal-lemin estrem jitħallew ikollhom kontroll fuq pożizzjonijiet b'riżorsi ta' infurzar sinifikanti jikkostitwixxi periklu evidenti għad-demokrazija; jappella b'mod urġenti lill-Gvern Ukrain u l-forzi politiċi demokratiċi biex jaqtgħu kwalunkwe rabta ma' gruppi u/jew milizji tal-lemin estrem;

12.    Itenni li politika dwar il-Viċinat tal-Lvant li ma tqisx l-interessi tal-atturi kollha kkonċernati, inkluża r-Russja, ma rnexxietx; jenfasizza l-bżonn li titfassal mill-ġdid politika tal-Viċinat tal-Lvant bil-għan li tiġi żviluppata kooperazzjoni reġjonali li ma teskludi ebda pajjiż; jistieden lir-Russja tipparteċipa b'mod proattiv f'tali proċess u turi r-rieda tagħha li ssir parti minn politiki tajbin dwar il-viċinat;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, tal-Ukraina u tar-Russja u lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza