Proċedura : 2014/3017(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0028/2015

Testi mressqa :

B8-0028/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.7
CRE 15/01/2015 - 11.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 149kWORD 91k
12.1.2015
PE547.451v01-00
 
B8-0028/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/3017(RSP))


Javier Couso Permuy, Paloma López Bermejo, Malin Björk, Patrick Le Hyaric, Marina Albiol Guzmán, Ángela Vallina, Younous Omarjee, Lidia Senra Rodríguez, Marie-Christine Vergiat, Kateřina Konečná f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/3017(RSP))  
B8‑0028/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dawk tas-16 ta' Frar 2014 dwar "l-Eġittu: żviluppi reċenti’(1), tal-15 ta' Marzu 2012 dwar it-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj, b'mod partikolari l-każ ta' Solomon W.(2), tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(3), tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-kriżi fl-Eġittu(4), tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(5), tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(6) u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea fl-Eġittu(7),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tas-SEAE tal-21 ta' Settembru 2014 dwar il-bombi fil-Ministeru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin u tat-3 ta' Diċembru 2014 dwar is-sentenzi fl-Eġittu,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Eġittu,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar l-Eġittu u d-dikjarazzjoni mill-Group 8 UN experts dwar is-sentenza ta' qtil tal-massa fl-Eġittu,

–       wara li kkunsidra r-rapport intern tad-9 ta' Jannar 2014 bl-isem "l-Eġittu, Referendum Kostituzzjonali f'Jannar 2014" u d-dikjarazzjoni preliminari tad-29 ta' Mejju 2014 bl-isem "Presidential election administered in line with the law, in an environment falling short of constitutional principles" mill-Missjoni ta’ Esperti Elettorali tal-Unjoni Ewropea" (EU EEM),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu tal-2001,

–       wara li kkunsidra t-300 rakkomandazzjoni tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Eġittu fil-laqgħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tas-7 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi sa mit-teħid ta' kontroll mill-militar, l-Eġittu ħaddem liġijiet awtoritarji b'dikriet u mingħajr l-involviment tal-parlament, li pereżempju jipprojbixxu l-protesti, jespandu l-ġurisdizzjoni tal-qrati militari, jeqirdu bosta limiti b'rabta ma' detenzjoni qabel il-proċessi u jirrestrinġu l-kopertura tal-midja tal-forzi armati mingħajr approvazzjoni bil-quddiem; billi fid-9 ta' Jannar 2014, erba' dimostranti nqatlu mill-forzi tas-sigurtà matul protesti kontra l-gvern;

B.     billi fit-2 ta' Diċembru 2014, qorti kriminali Eġizzjana tat sentenzi provviżorji ta' mewt kontra 188 akkużat fil-governorat ta' Giza; billi qabel dan il-każ, imħallef fil-governorat ta' Minya impona 1212 sentenza tal-mewt f'Marzu u April wara żewġ proċessi;

C.     billi, skont l-organizzazzjonijiet kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, f’dawn l-aħħar xhur fl-Eġittu seħħew arresti, użu eċċessiv tal-forza, detenzjonijiet arbitrarja u estensjonijiet tal-perjodu ta’ detenzjoni qabel il-proċess fuq bażi kważi ta’ kuljum;

D.     billi l-awtoritajiet Eġizzjani irreferew mijiet ta' ċivili lill-qrati militari abbażi ta' dikriet ta' Ottubru 2014 mill-President Al-Sisi; billi mill-inqas 820 ċivili ġew irriferiti lill-prosekuturi militatari; billi prosekuturi ċivili qed jużaw dan id-dikriet b'mod retroattiv, billi jirriferixxu każijiet ta' ċivili lill-qrati militari;

E.     billi, sa mill-kolp ta' stat militari kontra l-President elett Morsi, f'Lulju 2013, il-forzi ta' sigurtà Eġizzjani ripetutament użaw forza eċċessiva u arbitrarja biex igerrxu protesti, u qatlu mill-inqas 1400 dimostrant; billi mill-inqas 817 persuna mietu fit-tgerrix vjolenti tas-sit-in strike f'Rab’a al-Adawiya; billi ma kienx hemm lanqas pulizija jew uffiċjal armat wieħed li nżamm responsabbli għal dan il-qtil jew għal abbużi gravi oħrajn li seħħew tul l-aħħar sena; billi skont iċ-ċifri uffiċjali, il-forzi ta' sigurtà arrestaw ukoll mill-inqas 22000 persuna; billi oħrajn iqisu li din iċ-ċifra kienet tammonta għal 41000; billi madwar 29000 persuna ġew arrestati fuq suspetti ta' konnessjonijiet mal-Fratellanza Musulmana;

F.     billi ċittadin Irlandiż ta' 19-il sena, Ibrahim Halawa, ilu arrestat f'ħabs Eġizzjan b'arrest preventiv mingħajr proċess minn Awwissu 2013;

G.     billi l-pulizija Eġizzjana arrestat mijiet ta' persuni għall-ksur tal-liġi ta' Novembru 2014, li tikkriminalizza l-ġabriet ta' għaxar persuni jew iktar, li ma ġietx approvata bil-quddiem mill-awtoritajiet; billi din il-liġi tippermetti lill-Ministeru tal-Intern li jipprojbixxi protesti bl-addoċċ, u jgerrex bil-forza lil dawk li ma jkunux awtorizzati;

H.     billi fil-21 ta' April 2015, qorti Eġizzjana għandha toħroġ is-sentenza tagħha fil-proċess tal-president imkeċċi Morsi u ta' 14-il persuna oħra, akkużati li inċitaw il-qtil ta' dimostranti; billi Morsi qed jiffaċċja wkoll żewġ proċessi oħra fuq akkużi ta' spjunaġġ u ħrib mill-ħabs;

I.      billi fit-8 ta' Jannar 2015, il-prosekutur Eġizzjan aċċetta appell fil-proċess ta' Mubarak, wara li, f'sentenza tal-qorti ta' Novembru, twaqqgħu akkużi kontrih għall-qtil ta' dimostranti;

J.      billi fil-11 ta' Jannar 2015, l-awtoritajiet Eġizzjani ħelsu lil Khaled al-Qazzaz, wieħed mill-konsulenti tal-eks President Morsi li kien arrestat miegħu fit-3 ta' Lulju 2013; billi dan kien ġie arrestat mingħajr akkużi kontrih sa minn dak iż-żmien;

K.     billi fis-7 ta' Jannar 2015, Al-Sisi kien l-ewwel President Eġiżżjan li attenda l-Quddiesa ta' Lejlet il-Milied fi Knisja Kopta fil-Kajr; billi huwa reċentement talab lill-mexxejja Iżlamiċi f'pajjiżu biex jieħdu pożizzjoni kontra l-estremiżmu;

L.     billi seħħ referendum kostituzzjonali fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014, u l-weel elezzjonijiet presidenzjali wara l-kolp ta' stat militari tas-26 u s-27 ta' Mejju 2014 seħħew f'atmosfera ta' ripressjoni u ta' ċensura tal-midja; billi l-elezzjonijiet parlamentari għandhom iseħħu fil-pajjiż fi tmiem Marzu 2015; billi l-Eġittu ilu mingħajr kamra ewlenija tal-parlament tiegħu mill-2012, meta qorti xoljiet il-Kamra tad-Deputati;

M.    billi issa għaddew kważi erba' snin minn meta Hosni Mubarak irreżenja wara d-dimostrazzjonijiet fi Pjazza Tahrir u l-irvellijiet fl-Eġittu kollu li sejħu għal riformi fundamentali fis-sistema politika, ekonomika u soċjali tal-pajjiż, għal tmiem lir-reġim korrott, u d-demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u stat sekulari;

N.     billi l-Eġittu huwa l-pajjiż Għarbi bl-akbar popolazzjoni b’aktar minn 80 miljun ruħ u huwa pajjiż kruċjali fin-Nofsinhar tal-Mediterran; billi qed jiffaċċja tħassib serju ta' sigurtà dovut għall-impatt tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien, prinċipalment il-Libya; billi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet sinifikanti fuq ir-reġjun kollu u lil hinn minnu;

O.     billi f'Ġunju 2014, l-Istati Uniti rrilaxxaw is-somma ta' USD 575 miljun f'għajnuna militari lill-Eġittu li kienet iffriżata minħabba l-kolp ta' stat militari kontra Morsi;

P.     billi f'Diċembru 2014 l-UE pproponiet ftehim kummerċjali ġdid għal pajjiżi fir-reġjun tal-Lvant Nofsnai u t-Tramuntana tal-Afrika (MENA), inkluż l-Eġittu;

Q.     billi, skont ir-rapport tal-2013 mill-Entità tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, 99 % tan-nisa Eġizzjani esperjenzaw xi forma ta' fastidju sesswali, u 'l fuq minn terz tan-nisa huma vittmi ta' vjolenza domestika; billi skont ċifri tal-2008, 91 % tan-nisa Eġizzjani bejn il-15 u d-49 sena jisfaw vittmi ta' mutilazzjoni ġenitali femminili; billi ż-żwieġ tat-tfal u l-mutilazzjoni ġenitali femminili għadhom jeżistu fil-pajjiż, minkejja liġijiet li jipprojbixxuhom;

R.     billi, wara d-deċiżjoni mill-gvern interim Eġizzjan li jiddikjara lill-Fratellanza Musulmana bħala grupp terrorista, mijiet ta' mexxejja u membri u eluf ta' persuni li allegatament jappoġġawhom ġew arrestati u tressqu quddiem qrati; billi l-fergħa politika tagħha, il-Partit tal-Libertà u l-Ġustizzja, ġiet xoljuta minn qorti f'Awwissu 2014, u dan jipprevjeni l-parteċipazzjoni tagħha fl-elezzjonijiet li jmiss; billi x-xoljiment allegat mhux biss jaffettwa lil min jappoġġa lil dan il-grupp, iżda wkoll lill-attivisti sekolari, lill-ġurnalisti, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-istudenti u lis-sindakalisti;

S.     billi fis-7 ta' Diċembru 2014, grupp ta' madwar 30 raġel ġew arrestati għall-'prattika ta' debuxxjar' f'banjijiet pubbliċi fil-Kajr, u dan kien l-ikbar arrest uniku ta' irġiel omosesswali sa mill-2001, taħt ir-reġim ta' Mubarak; billi l-arrest ġie rreġistrat minn netwerk tat-televiżjoni favur il-gvern; billi din l-umiljazzjoni pubblika tikkostitwixxi wieħed mis-sinjali ta' ripressjoni governattiva li qed tintensifika fir-rigward tal-komunità LGBTI fl-Eġittu;

T.     billi fl-24 ta’ Novembru 2013 ġiet adottata l-Liġi Nru 107 dwar l-organizzazzjoni tad-dritt għal laqgħat, purċissjonijiet u protesti pubbliċi paċifiċi b’digriet presidenzjali; billi din il-'liġi kontra d-dimostrazzjonijiet' tinkludi miżuri għall-kontrolli u s-sanzjonijiet f'każ ta' non-konformità, li jistgħu jitqiesu bħala sproporzjonati skont l-istandards internazzjonali billi l-forzi ta' sigurtà jingħataw id-dritt li jgerrxu kwalunkwe assemblea li sseħħ mingħajr awtorizzazzjoni bil-quddiem mill-gvern, u l-liġi tippermetti l-użu ta' forza letali kontra d-dimostranti; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU tenna t-tħassibespress mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem li l-liġi li għaddiet setgħet twassal għal ksur serju tad-dritt għal-libertà ta' assemblea paċifika;

U.     billi ġurnalist tal-Al-Jazeera tressqu l-qorti dwar akkużi ta’ ‘tixrid ta’ aħbarijiet foloz’ u ta' ‘kompliċità ma’ grupp terroristiku'; billi l-qorti tal-Kajr li kkundannat 20 persuna, inklużi l-ħaddiema tal-Al-Jazeera, ikkundannat lill-ġurnalist Awstraljan Peter Greste (7 snin), lill-kap tal-fergħa tal-Al-Jazeera fil-Kajr Mohamed Fahmmy (7 snin) u lill-produttur Eġizzjan Baher Mohammed (10 snin) għal sentenzi fil-ħabs ta' bosta snin minħabba tixrid ta' aħbarijiet foloz, ħsara lill-unità nazzjonali u lill-paċi soċjali, u sħubija f'organizzazzjoni terroristika; billi l-qorti ssentenzjat lil 11-il ġurnalist ieħor u membru tal-oppożizzjoni in absentia għall-ħabs għal 10 snin;

V.     billi mijiet ta' studenti ġew arrestati matul protesti u ġlied, miżmuma u ttrattati ħażin sa minn meta tkeċċa Morsi; billi mill-inqas 14-il student mietu matul is-sena akkademika 2013-2014;

W.    billi qorti Eġizzjana li ssentenzjat lil student għal tliet snin ħabs talli ħabbar fuq Facebook li kien ateist; billi f'Diċembru 2012, blogger ġie ssentenzjat għal tliet snin ħabs fuq akkużi ta' dagħa; billi f'Ġunju 2014, persuna Kristjan Kopta ġiet issentenzjata għal sitt snin ħabs talli insultat lill-Islam;

X.     billi l-fruntiera bejn l-Istrixxa ta' Gaza u l-Eġittu għadha magħluqa; billi l-awtoritajiet Eġizzjani bdew jimplimentaw it-tieni fażi ta' ċċattjar ta' strixex kbar tal-art wesgħin f'Rafah, fejn jgħixu madwar 2000 familja, u ta' twessigħ taż-żona buffer bejn il-belt ta' fruntiera Eġizzjana u l-Istrixxa ta' Gaza; billi mijiet ta' familji ukoll ġew spustjati minħabba attività militari fiż-żona, u dawk li ma rċevew l-abda kumpens mill-gvern qed jgħixu f'kampijiet fil-Punent ta' Al-Arish;

1.      Jinsab ferm imħasseb dwar ir-ripressjoni ġenerali fl-Eġittu b'rabta mad-drittijiet demokratiċi, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea; iqis li d-dritt ta' assoċjazzjoni politika għandu jkun garantit sakemm jiġu rispettati l-prinċipji demokratiċi; ifakkar li l-parteċipazzjoni fi protesti paċifiċi jew il-kritika tal-gvern ma għandhomx ikunu raġuni għall-arrest jew il-prosekuzzjoni;

2.      Jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex itemmu kull att ta' fastidju u ripressjoni, inkluż fil-livell ġudizzjarju, kontra l-attivisti, il-ġurnalisti, l-oppożizzjoni politika, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-sindakalisti; iħeġġiġhom jeħilsu priġunieri tal-kuxjenza, bħal Ibrahim Halawa;

3.      Jinsab imħasseb dwar il-liġi li tirrestrinġi l-protesti; jitlob lill-Eġittu jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem f'dan ir-rigward;

4.      Jesprimi tħassib qawwi b'rabta mal-użu deliberat ta' sentenzi tal-mewt tal-massa bħala strument ta' prosekuzzjoni arbitrarja u motivata politikament mill-istat sabiex jiġu soppressi d-dissidenti politiċi; jinsab imħasseb ukoll dwar it-tkomplija ta' arresti arbitrarji u ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-forzi ta' sigurtà, inkluż l-arrest ta' professjonisti tal-midja u attivisti u t-trattament ħażin tagħhom fil-ħabsijiet;

5.      Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fil-każijiet kollha u taħt kwalunkwe ċirkustanza, u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex idaħħlu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn it-tneħħijal-abolizzjoni tal-piena kapitali;

6.      Jitlob lill-qasam ġudizzjarju Eġizzjan jiżgura d-dritt tal-imputati għal proċess ġust abbażi ta' akkużi ċari u xierqa u investigazzjonijiet indipendenti, kif ukoll id-dritt ta' aċċess għal u kuntatt ma' avukati u membri tal-familja, bi qbil mal-istandards internazzjonali;

7.      Itenni l-kundanna tiegħu tal-kolp ta’ stat militari u r-repressjoni brutali mill-armata Eġizzjana; jiddeplora profondament it-telf ta’ ħajjiet, il-korrimenti u l-qerda fil-Kajr u partijiet oħra tal-Eġittu; itenni l-opinjoni tiegħu li l-mexxejja u l-ġenerali tal-armata Eġizzjana ma jistgħux joffru mod ‘l quddiem biex javvanzaw it-talbiet leġittimi tal-poplu Eġizzjan, peress li t-tmexxija tal-armata għandha pożizzjonijiet ta’ poter ekonomiku fl-Eġittu u tirrappreżenta interessi ekonomiċi u politiċi differenti minn dawk tal-ħaddiema, il-foqra u ż-żgħażagħ li qed jitolbu ġustizzja soċjali u standards ogħla ta’ għajxien;

8.      Itenni l-appoġġ tiegħu għat-talbiet li saru mill-poplu Eġizzjan għal libertà, dinjità tal-bniedem, ġustizzja soċjali, demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar u stat sekulari, u b'mod partikolari għat-talbiet tagħhom għal żidiet fil-pagi li jkunu jaqblu maż-żidiet fil-prezzijiet, u għal akkomodazzjoni, saħħa u l-ħolqien tal-impjiegi;

9.      Jinsisti li l-futur tal-Eġittu għandu jkun ibbażat b'mod sod fuq l-idejn tal-poplu Eġizzjan, mingħajr interferenza esterna; huwa kontra kwalunkwe interferenza esterna, jiġifieri mill-Istati Uniti, l-Iżrael jew l-Għarabja Sawdita;

10.    Jiddeplora l-appoġġ provdut għal deċennji mill-UE u xi gvernijiet tal-Istati Membri għar-reġim ta’ Hosni Mubarak b'mod partikolari; itenni li r-relazzjonijiet ekonomiċi, politiċi, soċjali, kulturali u ta’ kull tip ieħor bejn l-UE u kwalunkwe pajjiż tal-PEV għandhom ikunu bbażati fuq trattament ugwali, in-nuqqas ta’ ndħil, is-solidarjetà, id-djalogu u r-rispett għall-assimetriji u l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull pajjiż;

11.    Jitlob li jiġi stabbilit kumitat indipendenti u imparzjali ta’ stħarriġ biex jinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa matul ir-reġim ta’ Mubarak, taħt il-presidenza ta' Morsi, wara l-kolp ta' stat militari, b'mod partikolari l-qtil ta' 'l fuq minn 800 persuna matul it-tgerrix tas-sit-in strika f'Rab’a al-Adawiya, u taħt il-presidenza ta' Al-Sisi, inkluż każijiet ta' eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja u arresti arbitrarji, u sabiex jiġu identifikati dawk responsabbli u, fejn xieraq, jitressqu l-qorti b’kumpens għall-vittmi u għall-familji tagħhom;

12.    Jitlob lill-Istati Membri jipprojbixxu l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' sigurtà u ta' għajnuna militari lejn l-Eġittu, li jistgħu jintużaw għar-ripressjoni ta' protesti paċifiċi u tal-oppożizzjoni;

13.    Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Eġizzjani biex b'mod urġenti jerġgħu jiftħu l-fruntiera ta' Rafah sabiex itaffu t-tbatija tal-poplu Palestinjan, aggravata mill-aħħar massakru mwettaq mill-armata Iżraeljana;

14.    Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-liġi ġdida dwar il-fastidju sesswali, il-vjolenza kontra n-nisa kompliet tmur għall-agħar, speċjalment fl-isfera pubblika, fejn għexieren ta' każijiet ta' stupru u vjolenza sesswali qegħdin iseħħu waqt il-protesti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jikkriminalizzaw persuni LGBTI minħabba li esprimew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u eżerċitaw id-dritt tagħhom għal assemblea paċifika, abbażi 'tal-liġi dwar id-debuxxjar', u biex jeħilsu l-persuni LGBTI kollha li ġew arrestati u li ntbagħtu l-ħabs skont dik il-liġi;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, lill-Unjoni Afrikana u lill-Gvern u l-Parlament tal-Eġittu.

 

 

(1)

ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 60.

(2)

ĠU C 251, 31.8.2013, p. 106.

(3)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0095.

(4)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0333.

(5)

Testi Adottati, P7...(2013)0379.

 

(6)

Testi Adottati, P7_TA(2014)0100.

(7)

Texts adopted, P8_TA(2014)0007.

Avviż legali - Politika tal-privatezza